Talba tal-Karnival

Spazju ta’ talb fid-dar u Talba ta' mistrieħ

Hello tfal,

Matul Frar, ħafna studenti, għalliema u familji jħarsu ‘l quddiem lejn il-vaganzi ta’ nofs it-term u lejn il-Karnival. Il-Karnival huwa żmien biex tistrieħ mill-istress tal-istudji, l-eżamijiet u x-xogħol. Dan hu żmien li fih tista’ tieħu pjaċir mal-familja u l-ħbieb tiegħek, tgawdi l-l-kuluri u l-kreattivita’ tal-karnival, tilbes xi maskra jew il-kostum favorit tiegħek u tkun kreattiv permezz tal-arti, il-krafts jew iż-żfin. Il-mistrieħ hu importanti għas-saħħa. Tajjeb li jkollna l-ħin nieqfu mir-rutina ta’ kuljum ħalli wara  nkunu nistgħu nirriflettu fuq l-affarijiet essenzjali fil-ħajja bħat-talb, il-bini ta’ relazzjonijiet tajbin mal-oħrajn, il-karità u l-kontroll fuqna nfusna.

Din ir-rokna ta’ talb jisimha Talba tal-Karnival

Ikollok bżonn:

  • Karta vojta
  • kuluri
  •  (jekk tixtieq) żebgħa u materjal ieħor li jintuża biex tpinġi, tpitter jew tagħmel il-krafts

Istruzzjonijiet:

  • Aħseb fil-Karnival u f’dak kollu li jogħġbok dwar dan iż-żmien: pereżempju l-maskri, karrijiet, maskarati, ir-re tal-Karnival, iż-żfin, il-kumpanijia tal-ħbieb jew familja.
  • Fuq karta vojta pinġi dak li jogħġbok jew jekk tixtieq, tista’ tkun kreattiv u toħloq il-maskra jew il-karru tiegħek bl-oġġetti li ġibt għall-krafts.
  • Ikteb talba biex tirringrazzja lil Alla għal dan iż-żmien ta ‘mistrieħ, kreattività, tgawdija u mistrieħ mal-familja jew ħbieb.

Saħħa tfal. Ħudu ħsieb.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.