Il-Ferħ

It-3 Ħadd tal-Avvent

Meta koppja jkunu qed jippreparaw biex jiżżewġu, iż-żmien ta’ stennija għat-tieġ kapaċi jidher twil ħafna. Iżda meta t-tieġ jibda joqrob, ċerti affarijiet li huma jkollhom jagħmlu, bħalma huma l-aħħar preparamenti; il-provi fil-knisja; il-laqgħa tal-mistednin li jiġu d-dar bir-rigali; dawn kollha juruhom li l-mument li tant ilhom jistennew, issa wasal tassew fil-qrib.

Fl-istaġun tal-Avvent, it-tfakkira li l-Milied hu tassew fil-qrib tasal sewwasew fit-tielet Ħadd ta’ dan iż-żmien liturġiku. Mill-kulur tax-xemgħa ta’ dan il-Ħadd – li hu roża u mhux vjola – għall-ilbies tal-qassis li hu wkoll roża, kollox jindika li dan il-Ħadd għandu tifsira speċjali u differenti minn tat-tliet Ħdud l-oħra. It-talba, kważi karba, ‘Ejja Ejja Emmanuel’, f’dan il-Ħadd tinbidel f’‘Ifirħu, Ifirħu!’.

Meta nħarsu lejn uliedna f’dan iż-żmien ta’ stennija għall-Milied, naraw li ma tantx hemm bżonn infakkruhom biex jifirħu. Ma’ kull ċikkulata li jieklu mill-kalendarju tal-Avvent, ma’ kull ‘film’ li jaraw dwar il-Milied u ma’ kull jum li jgħaddi u li jwassalhom aktar qrib għall-vaganzi, naraw fihom ferħ u entużjażmu li dejjem jikber għax jindunaw li l-Milied, b’dak kollu li jfisser għalihom, hu tassew fil-qrib.

Sfortunatament, meta nikbru, aħna l-adulti nitilfu xi ftit (jew ħafna) minn din l-innoċenza tat-tfal. Dan iż-żmien jibda jfisser ħafna nfiq, ħafna preparamenti u ħsibijiet dwar rigali, attivitajiet u mitt ħaġa oħra. Ħafna drabi flok nifirħu li l-Milied hu daqt magħna, nispiċċaw ngħidu ‘Iġri jgħaddi’ għax inkunu diġà eżawsti b’dak li jkun għaddej fil-ħajja tagħna.

Madanakollu, it-tielet Ħadd tal-Avvent ifakkarna li anke aħna l-adulti għandna għalfejn nifirħu. U r-raġuni għall-ferħ li għandu jkollna hi ħaġa ħafna iżjed profonda mir-rigali li ħafna drabi huma s-sors tal-ferħ tat-tfal. Il-ferħ li jistedinna għalih l-Avvent hu ferħ għall-fatt li fl-ewwel Milied bdiet storja ta’ mħabba li r-riżultat tagħha kienet is-Salvazzjoni tagħna lkoll; tama anke fejn naħsbu li m’hemmx aktar fejn nittamaw; paċi anke fl-aktar realtajiet iebsa.

Din il-ġimgħa t-tfal se nippreżentawlhom il-figuri tar-Ragħajja. Ir-Ragħajja kienu wħud mill-aktar persuni foqra taż-żmien li fih twieled Ġesù. Mhux ta’ b’xejn li tant ferħu meta l-anġli ħabbrulhom li kien twieled il-Messija! Aktar kemm int tagħraf iċ-ċokon u l-faqar tiegħek, aktar tifraħ meta tisma’ li ġie xi ħadd li jista’ jagħmlek sinjur u kbir f’għajnejh. Hu għalhekk ukoll li f’dawn il-ġranet il-Madonna hi tant ċentrali, għax hi wkoll għarfet iċ-ċokon tagħha, u setgħet tassew tifraħ għal dak li kien qed jiġri fiha u madwarha. Bħala ġenituri bla dubju nimtlew bil-ferħ meta f’dawn il-ġranet naraw lil uliedna tant ferħanin. Din is-sena b’mod partikolari, forsi aktar u aktar qed nagħmlu sforz biex uliedna xorta jkollhom Milied sabiħ minkejja li l-pandemija tant bidlet affarijiet. Madanakollu, f’dan it-tielet Ħadd tal-Avvent ejja nifirħu aħna u nirrealizzaw li l-ferħ tal-Milied mhux biss xi ħaġa li nistgħu naraw biss f’għajnejn it-tfal, iżda ferħ li nistgħu naraw ukoll f’għajnejna u fi qlubna jekk tassew nifhmu dak li t-twelid ta’ Ġesù ifisser għalina u għad-dinja kollha.  

Fil-Bibbja naqraw li anġlu deher lil grupp ta’ rgħajja u dawn ir-rgħajja kienu, fil-fatt, l-ewwel li raw u li aduraw lill-Iben t’Alla li sar bniedem (Luqa 2:8-20). In-nies l-oħra, iżda, mhux dejjem kienu jieħdu gost bir-rgħajja, allura għaliex Alla għażilhom biex ikunu huma l-ewwel li jsiru jafu bit-twelid tal-Messija?

Ġrajja importanti fil-Bibbja hu l-ħruġ tal-poplu t’Iżrael mill-Eġittu, li naqrawha fil-ktieb tal-Eżodu. Din ġrat madwar is-seklu 13 qabel it-twelid ta’ Ġesù. Dak iż-żmien, Alla – permezz ta’ Mosè – staqsa lill-poplu t’Iżrael biex jieklu ħaruf ta’ sena eżatt qabel ma jitilqu mill-art tal-Eġittu, fejn kienu skjavi. Kull familja kellha wkoll tiżbogħ il-koxxa tal-bieb tad-dar biex l-anġlu tal-mewt – li mar l-Eġittu filgħaxija – ma jidħolx f’dik id-dar u l-membri kollha ta’ dik il-familja ma jiġrilhom xejn.

L-Għid tal-Lhud

Il-Lhud għadhom jiċċelebraw din il-ġrajja sal-ġurnata tal-lum billi kull sena jieklu ħaruf ta’ sena. Hemm madwar 1,500 sena minn meta l-poplu t’Iżrael ħareġ mill-Eġittu u t-twelid ta’ Ġesù, u f’dan iż-żmien kollu r-rgħajja kellhom rwol importanti fil-pjan t’Alla biex jipprovdu biżżejjed ħrief biex il-familji t’Iżrael setgħu jfakkru l-ġrajja li għadda minnha l-poplu t’Iżrael fil-passat skont kif jixtieq Alla.

Anġlu deher lil grupp ta’ rgħajja biex jgħidilhom dwar it-twelid ta’ Ġesù

Bit-twelid ta’ Ġesù, iżda, ma kienx se jkun hemm bżonn aktar ħrief ta’ sena biex bihom il-poplu jitlob għall-ħniena u għall-maħfra t’Alla. Il-Ħaruf t’Alla sar bniedem! Żgur li r-rgħajja setgħu japprezzaw it-tifsira ta’ dan il-miraklu hekk kbir!

F’Malta għandna karattru importanti ħafna fil-presepju tagħna u li wkoll kien ragħaj: l-Għaġeb! Din il-kelma ħafna drabi nużawha għal xi ħadd li jdum biex jifhem jew li jesaġera, u ma tantx nieħdu gost meta xi ħadd jgħidilna li qisna l-Għaġeb!

L-Għaġeb, iżda, huwa wieħed mill-ftit karattri tal-presepju li jifraħ u jkun sorpriż b’dak li qed jara quddiem għajnejh: li Alla għadu kemm sar bniedem! Aktar milli l-karattru li ngħaddu ż-żmien bih, dan huwa l-karattru li għandna nimitaw!

Waqt li tpinġi l-istampa tal-Għaġeb biex tpoġġiha ħdejn il-pasturi l-oħra tal-annimali u tal-anġli, aħseb fuq dan: Ġieli kont fi klassi tal-katekiżmu meta waqt li kont qed tisma’ storja mill-Bibbja, kont taf x’se jiġri fl-istorja qabel ma l-istorja spiċċat? X’għamilt? Ma nqajtx attent/a għax ħsibt li ma kellex x’titgħallem aktar? L-Għaġeb ma kienx jagħmel hekk. Billi kien attent għal dak li kien qed jiġri madwaru, L-Għaġeb jgħallimna li għandna napprezzaw dak kollu li għandna, u li ngħidu dejjem grazzi lil Alla għall-familji, għall-għalliema u għall-katekesti tagħna, u għal ħbiebna.