Illum inkomplu nisimgħu silta mill-Evanġelju skont San Ġwann. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù jagħti seba’ dikjarazzjonijiet dwar min hu, fosthom li naqraw illum. Dawn il-frażijiet ta’ “Jiena hu” juru b’mod aktar ċar, id-divinità ta’ Ġesù. Ġesù jgħid, “Jiena l-ħobż tal-ħajja” (Ġw 6, 35), “Jiena hu d-dawl tad-dinja” (Ġw 8, 12), “Jien hu l-bieb tan-nagħaġ” (Ġw 10, 7), “Jien hu r-ragħaj it-tajjeb” (Ġw 10, 11), “Jien hu l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11, 25), “Jien hu t-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14, 6), “Jien hu d-dielja tassew” (Ġw 15, 1). Din il-frażi “Jiena hu” toħodna lura fit-Testment il-Qadim, meta Alla rrivela ismu lil Mosè; dak in-nhar, Alla qal “Jien hu dak li hu.” U issa, fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù juża dawn l-istess kliem.
Illum Ġesù jgħidilna li “hu t-triq, il-verità u l-ħajja.” Għalkemm qegħdin fi żmien il-Għid, u ċċelebrajna l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt, dan id-diskors tal-Evanġelju tal-lum, jingħad waqt l-aħħar ċena. Ġuda għadu kif telaq il-barra, u Ġesù jgħid lid-dixxipli li ma tantx kien għad fadallu ħin magħhom.
Sabiex Ġesù jkun “it-triq” tagħna, irridu nafdawh; biex tafda lil xi ħadd, trid l-ewwel issir tafu. U Ġesù jgħidilna li jekk inkunu nafu lilu, aħna ser inkunu għarafna wkoll lill-Missier. Lid-dixxipli, Ġesù jgħidilhom li kien ser iħejji post għal kulħadd fil-ġenna. Aħna nħlaqna biex wara din il-ħajja, imorru ngawdu lil Alla għall-eternità. Dan għandu jkun li jmexxina, li jdawwlilna l-għażliet li nagħmlu. Irridu ngħixu b’mod li wara l-mewt inkunu nistgħu nkunu ma’ Alla. It-triq, kif qalilna Ġesù, aħna nafuha. F’idejna nagħżlux li nimxu minnha.
L-Iben ta’ Alla sar bniedem,biex jurina kif għandna ngħixu. Ġesù wriena t-triq. Dan l-Evanġelju huwa wieħed li jagħtina kuraġġ, u hu ta gwida wkoll. Kif se nsibu l-paċi, meta d-dinja li qed ngħixu fiha qed tikkrejalna tant tensjoni? “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll.” Din hi s-soluzzjoni li jagħtina Ġesù, li nafdaw f’Alla, nafdaw f’Ġesù; induru lejn Alla u lejn Ġesù fl-isfidi li niltaqgħu magħhom. Aħna nemmnu li l-ħajja ma tispiċċax mal-mewt, imma għad ingawdu l-eternità ma’ Alla, u dan jikkonfermah Ġesù, meta jgħid, “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet.” Fil-ġenna hemm post għal kulħadd, iżda aħna rridu nagħmlu l-almu tagħna biex naslu fid-dar eterna. Il-ħajja tagħna trid tixhed dan li nemmnu, dak li għallimna Ġesù, dak li kontinwament tgħallem il-Knisja. Fi kliem ieħor, irridu nħallu lil Ġesù jkun it-triq tagħna, nisimgħu l-veritajiet li jwasslilna hu, u ngħixu skont ix-xewqa tiegħu.
Fl-aħħar ta’ din is-silta Ġesù jgħid dawn il-kliem, “min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel.” Kif jista’ jkun li xi ħadd jagħmel affarijiet akbar milli għamel hu? X’aktarx, li ried jgħid Ġesù, hu, li l-ħajja pubblika tiegħu kienet qasira ħafna, ma tantx dar postijiet, il-ministeru tiegħu kien limitat għall-Palestina biss. Iżda ħafna huma li għamlu aktar minn hekk. San Pawl per eżempju dar ħafna aktar pajjiżi, biex iwassal il-kelma ta’ Ġesù, San Franġisk Saverju wasal sal-Indja, u jingħad li għammed eluf ta’ persuni! Madre Tereża hija persuna oħra li għexet l-akbar parti minn ħajjitha twassal l-imħabba u ħniena ta’ Ġesù lill-ifqar fost il-fqar. Papa Ġwanni Pawlu II, ukoll baqa’ xhud ta’ Ġesù sal-aħħar, xhud tiegħu anke fil-mard. U bħal dawn nistgħu nsemmu ħafna oħrajn. Jiġifieri dak li għamel Ġesù, għamluh u qed jagħmluh ħafna aktar nies. Bħalhom, aħna wkoll imsejħa biex inkomplu fuq il-passi ta’ Ġesù: inħobbu lill-oħrajn, naqdu lil dawk fil-bżonn, inwasslu t-tama ta’ Ġesù lil kulmin għandu bżonnha u ngħixu f’komunjoni ma’ dawk ta’ madwarna.