Kif nistgħu ngħixu flimkien ma’ nies oħra li huma differenti ħafna minna? Din hija mistqosija importanti ħafna għal Papa Franġisku. Fid-dinja hawn ħafna ġlied u mibegħda, imma skont Papa Franġisku nistgħu ngħixu flimkien fil-paċi jekk noħolmu u naħdmu flimkien għal dinja fejn kulħadd hu aħwa ta’ xulxin.
X’jiġifieri nkunu aħwa ta’ xulxin? Li nkunu aħwa ta’ xulxin ifisser li ma nħallux id-differenzi ta’ bejnietna – li jistgħu jkunu ħafna, u ta’ ħafna tipi – iwaqqfuna milli nħobbu lil xulxin bħal aħwa.
Kif? Papa Franġisku jħeġġiġna biex nieħdu ħsieb u nilqgħu fis-soċejtajiet u l-kulturi tagħna lil dawk fostna li huma l-aktar imwarrbin, fosthom l-immigranti, il-morda, dawk li ma għandhomx xogħol u l-ħabsin. Fuq kollox, aħna lkoll aħwa ta’ xulxin għaliex aħna kollha wlied Alla.
Papa Franġisku mhux biss kiteb ittra fuq il-bżonn li nħobbu lil xulxin bħal aħwa imma wkoll jenfasizza dan il-punt f’kitbiet oħra u f’diskorsi li jagħmel, speċjalment meta jitkellem fuq San Ġużepp – il-qaddis li rabba’ lil Ġesù u li hu għal qalb ħafna Papa Franġisku! La qed insemmu lil San Ġużepp, tajjeb niftakru wkoll f’dak li jgħidilna Papa Franġisku dwar dawk li jieħdu ħsiebna u jħobbuna, l-aktar lin-nanniet tagħna.
Papa Franġisku spiss ifakkarna li biex ngħixu verament f’dinja fejn inħobbu lil xulxin bħal aħwa, importanti li nisimgħu l-istejjer u l-għerf tan-nanniet tagħna. Meta nisimgħu lin-nanniet tagħna, li għexu f’dinja differenti ħafna minn tagħna, nitgħallmu nkomplu naħdmu kif ħadmu huma u wkoll ma nirrepetux l-iżbalji tagħhom.