Il-Ġimgħa l-Kbira

Attivitajiet Speċjali għall-familja kollha

Introduzzjoni

Dan il-jum huwa jum solenni, li jfakkarna fil-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib.

Il-lum huma jum ta’ sawm u astinenza. Nippruvaw li noħolqu atmosfera ta’ skiet fid-dar. It-tfal u s-skiet ma jmorrux id f’id, iżda tajjeb li l-ġenituri jippjanaw il-ġurnata minn qabel u jfehmu lit-tfal li din hija l-ġurnata meta niftakru li Ġesù bata’ ħafna u miet fuq salib. Din il-ġurnata tagħmlilna qalbna sewda, għaliex Ġesù ma kellux għalfejn ibati daqshekk. Ġesù qatt ma għamel xejn ħażin, allura kif kien hemm nies li ma jħobbuħx?

Il-lum bħala familja, jirnexxielkom tiċċaħdu mill-mezzi soċjali u logħob diġitali? Tilqgħuha din l-isfida?

Il-lum hija l-ġurnata li Ġesù ser jurina fiha b’mod ċar ħafna kemm iħobbna. Il-Knisja tfakkarna fit-tbatija u l-mewt ta’ Ġesù. Il-mewt ta’ Ġesù kienet kiefra ħafna, iżda bil-mewt tiegħu, Ġesù salvana. Din hija festa kbira għax Ġesù għamilha possibbli għalina li mmorru l-ġenna. Għalhekk il-lum ngħidu grazzi kbira lil Ġesù li jħobbna daqstant.

Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-lum (ma hemmx quddiesa) nisimgħu kif Ġesù miet fuq is-salib. (Innutaw kif il-funzjoni la tibda u lanqas tispiċċa bir-radd tas-salib. Dan minħabba li t-Tridu qisu ċelebrazzjoni waħda. Irroddu s-salib fil-bidu tal-quddiesa nhar Ħamis ix-Xirka u jerġa jintradd fl-aħħar tal-quddiesa tal-Vġili tal-Għid).

Talba u qari tal-Evanġelju

Irroddu s-salib

Grazzi Ġesù talli inti mitt fuq is-salib minħabba fija. Żgur li weġġajt ħafna u ħafna, u dan għamiltu għax tħobbni. Dan għamiltu għax jien ġieli nagħmel għażliet ħżiena. Aħfrili  Ġesù, jiddispjaċini ta’ dawk id-drabi kollha li jien nagħżel li nagħmel affarijiet li inti ma tieħux gost bihom. Grazzi Ġesù li inti tant tħobbni li dejjem lest li taħfirli. 

(nota lill-ġenituri: għażlu liema l-aħjar li tagħmlu flimkien mat-tfal: taraw il-clip, taqraw l-Evanġelju jew inkella taqraw il-ġrajja mill-Bibbja tat-tfal. Jekk ser jinqara l-Evanġelju s-siltiet jistgħu jinqraw mill-membri differenti tal-familja. Xi ħadd ikun in-narratur (K), xi ħadd jaqra l-parti ta’ Ġesù (), xi ħadd jaqra l-parti tal-poplu (S))

After the men arrested Jesus, they took him to the house of the high Priest – Caiaphas. Peter followed the men at a safe distance but stayed in the courtyard. There three people asked if he knew Jesus, and Peter said that he did not know Jesus thrice. At that moment the cock crowed and Peter was filled with grief and shame and ran out of the courtyard weeping. Runtime : 4:32 mins
Friday morning the Jewish leaders brought Jesus before Pontius Pilate. Pilate asked them what charge they had against Jesus. Pilate told the Jews to take Jesus back and judge him according to their own laws. The Jews then said that they were not allowed to put a man to death. Pilate asked him if he was the King of Jews, Jesus answered Pilate that his kingdom was not of this world. If he was of this world, his servants and friends would not have allowed him to be captured. Runtime : 5:51 mins
One of Jesus' friends, Joseph of Arimathea, who was a Jewish ruler, went to Pilate and asked him for the body of Jesus. Since Jesus was dead Pilate allowed joseph to take the body of Jesus. They wrapped Jesus' body in fine linen cloth and laid it in Joseph's new tomb. Some of the Jewish leaders went to Pilate and said they wanted him to place guards in believed that the disciples of Jesus might steal his body and say that he had risen from the dead. Runtime : 2:29 mins

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 18, 1 – 19, 42) 

K F’dak iż-żmien, Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu u qasam għan-naħa l-oħra tal-Wied ta’ Kedron; hemmhekk kien hemm ġnien, u daħal fih mad-dixxipli tiegħu. Ġuda, dak li ttradieh, kien jafu l-post, għax Ġesù kien sikwit jinġabar hemm mad-dixxipli tiegħu. Ġuda ħa ġemgħa suldati u xi għases mingħand il-qassisin il-kbar u l-fariżej, u mar bihom hemmhekk, bil-fanali, torċi u armi. Ġesù, li kien jaf b’kull ma kien ġej fuqu, mar fuqhom u qalilhom:

✠ “Lil min qegħdin tfittxu?”

K Huma weġbuh:

S “Lil Ġesù ta’ Nazaret”.

K U hu qalilhom:

✠ “Jiena hu”.

K Ġuda, dak li ttradieh, kien hemm magħhom huwa wkoll. Kif Ġesù qalilhom: “Jiena hu”, huma resqu lura u waqgħu mal-art.

✠ “Lil min qegħdin tfittxu?”

K Raġa’ staqsiehom. U huma qalulu:

S “Lil Ġesù ta’ Nazaret”.

K Ġesù weġibhom:

✠ “Għedtilkom li jiena hu. Jekk qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru”.

K Dan sar biex iseħħ dak li Ġesù kien qal: “Minn dawk li tajtni, anqas wieħed biss ma tlift”. Xmun Pietru kellu sejf, siltu, u darab lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. Dan il-qaddej kien jismu Malku. Imma Ġesù qal lil Pietru:

✠ “Erġa’ daħħal is-sejf fl-għant tiegħu. Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?”

K Imbagħad is-suldati u l-kaptan tagħhom flimkien mal-għases tal-Lhud, qabdu lil Ġesù u rabtuh. L-ewwel ħaduh għand Anna, billi dan kien missier il-mara ta’ Kajfa, il-qassis il-kbir f’dik is-sena. Kajfa kien dak li ta parir lil-Lhud: “Ikun jaqbel li bniedem wieħed imut għall-poplu”.

Xmun Pietru u dixxiplu ieħor marru wara Ġesù. Dan id-dixxiplu kien midħla tal-qassis il-kbir, u għalhekk daħal fil-bitħa tal-qassis il-kbir flimkien ma’ Ġesù. Imma Pietru baqa’ barra ħdejn il-bieb. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien midħla tal-qassis il-kbir, ħareġ ikellem lill-purtinara, u daħħal lil Pietru ġewwa. Il-qaddejja li kienet mal-bieb qalet lil Pietru:

S “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli ta’ dan ir-raġel?”

K Hu weġibha:

S “Le, m’iniex”.

K Il-qaddejja u l-għases kienu kebbsu n-nar mill-faħam, għax kien il-bard, u qagħdu hemm għas-sħana. U Pietru wkoll qagħad magħhom għas-sħana. Il-qassis il-kbir staqsa lil Ġesù fuq id-dixxipli u t-tagħlim tiegħu. Ġesù wieġbu:

✠ “Jiena tħadditt fil-beraħ, quddiem kulħadd. Għallimt dejjem fis-sinagoga u fit-tempju fejn jinġabru l-Lhud kollha, u bil-moħbi ma għedt xejn. Għalfejn qiegħed tistaqsi lili? Staqsi lil dawk li semgħuni, x’għedtilhom. Huma jafu x’għedt”.

K Kif qal hekk, wieħed mill-għases li kien ħdejh ta daqqa ta’ ħarta lil Ġesù u qallu:

S “Hekk twieġbu lill-qassis il-kbir?”

K Ġesù qallu:

✠ “Jekk jien għedt xi ħaġa mhix sewwa, urini fejn; imma jekk għedt is-sewwa, għaliex terfa’ jdejk fuqi?”

K Imbagħad Anna bagħat lil Ġesù marbut għand Kajfa, il-qassis il-kbir. Xmun Pietru mela kien qiegħed hemm għas-sħana; u qalulu:

S “Int m’intix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu?”

K Imma hu ċaħad u qal:

S “Le m’iniex”.

K Wieħed mill-qaddejja tal-qassis il-kbir, li kien jiġi minn dak ir-raġel li Pietru kien qatagħlu widintu, qal:

S “Mela jiena ma rajtekx miegħu fil-ġnien?”

K Pietru ċaħad għal darb’oħra; u minnufih idden is-serduk. Imbagħad ħadu lil Ġesù mingħand Kajfa għall-Pretorju. Kien filgħodu kmieni. Huma ma daħlux fil-Pretorju, għax ma ridux jitniġġsu, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-ikla tal-Għid. Pilatu ħareġ barra ħdejhom u qalilhom:

S “X’akkuża għandkom kontra dan ir-raġel?”

K U huma weġbuh:

S “Li kieku dan ma kienx raġel ħażin aħna ma konniex nagħtuh f’idejk”.

K Pilatu qalilhom:

S “Ħuduh intom, u ġġudikawh intom skont il-liġi tagħkom”.

K Imma l-Lhud qalulu:

S “Aħna ma għandna setgħa noqtlu lil ħadd”.

K Dan ġara biex iseħħ dak li Ġesù kien qal meta fisser kif kellu jmut. Pilatu raġa’ daħal fil-Pretorju, sejjaħ lil Ġesù u qallu:

S “Inti s-sultan tal-Lhud?”

K Ġesù wieġeb:

✠ “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok? Jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”

K Pilatu wieġeb:

S “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”

K Ġesù wieġeb:

✠ “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.

K Pilatu qallu:

S “Mela int sultan?”

K U Ġesù wieġeb:

✠ “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.

K Pilatu qallu:

S “U l-verità x’inhi?”

K Kif qal dan, raġa’ ħareġ quddiem il-Lhud u qalilhom:

S “Jiena ma nsib ebda ħtija fih. Issa intom għandkom id-drawwa li neħilsilkom wieħed fil-Għid. Tridunix neħilsilkom lis-sultan tal-Lhud?”

K Hawn huma mill-ġdid bdew jgħajtu u jgħidu:

S “Mhux lil dan, imma lil Barabba”.

K Dan Barabba kien brigant. Imbagħad Pilatu ordna li jieħdu lil Ġesù u jagħtuh is-swat. Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur. 3U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu:

S “Is-sliem għalik, ja sultan tal-Lhud!”

K U bdew jagħtuh bil-ħarta. Għal darb’oħra Pilatu ħareġ barra jgħidilhom:

S “Araw, se nġibhulkom quddiemkom hawn barra, biex tkunu tafu li jiena ma nsib ebda ħtija fih”.

K U Ġesù ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar aħmar; u Pilatu qalilhom:

S “Arawh, hawn hu l-bniedem!”

K Xħin rawh, il-qassisin il-kbar u l-għases bdew jgħajtu u jgħidu:

S “Sallbu! Sallbu!”

K Pilatu qalilhom:

S “Ħuduh u sallbuh intom; jien ma nsib ebda ħtija fih”.

K Il-Lhud weġbuh:

S “Aħna għandna liġi, u skont din il-liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu Bin Alla”.

K Meta sama’ dan, Pilatu aktar baża’. Raġa’ daħal fil-Pretorju u qal lil Ġesù:

S “Int mnejn int?”

K Imma Ġesù ma wieġbu xejn. Għalhekk Pilatu qallu:

S “Lili ma tkellimx? Ma tafx li jiena għandi s-setgħa neħilsek u għandi s-setgħa nsallbek?”

K Ġesù wieġbu:

✠ “Ma kien ikollok ebda setgħa fuqi kieku ma ġietx mogħtija lilek minn fuq; għalhekk min ta lili f’idejk għandu ħtija akbar”.

K Minn dak il-ħin ’il quddiem Pilatu beda jfittex kif jeħilsu; imma l-Lhud issuktaw jgħajtu u jgħidu:

S “Jekk teħles lil dan, tiksirha ma’ Ċesari, għax kull min jagħmel lilu nnisfu sultan ikun qiegħed jeħodha kontra Ċesari”.

K Meta semagħhom jgħidu dan, Pilatu ġieb lil Ġesù barra u qiegħdu fuq sedja għolja, fil-post imsejjaħ Litòstrotos, bil-Lhudi Gabbatà. Kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, għall-ħabta tas-sitt
siegħa. Pilatu qal lil-Lhud:

S “Arawh is-sultan tagħkom!”

K Dawk infexxew jgħajtu:

S “Għall-mewt! Għall-mewt! Sallbu!”

K Pilatu qalilhom:

S “Jien se nsallab lis-sultan tagħkom?”

K Imma l-qassisin il-kbar weġbuh:

S “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari!”

K Fl-aħħar tahulhom f’idejhom biex isallbuh. U huma ħadu lil Ġesù. Ġesù rafa’ s-salib u ħareġ lejn il-post imsejjaħ il-Qorriegħa, bil-Lhudi Golgota. Hemm huma sallbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs. Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud”. Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesù kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg. Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu:

S “Ma kienx imissek tikteb: “Is-sultan tal-Lhud”, imma: “Dan qal: Jiena sultan tal-Lhud”.

K Pilatu wieġeb:

S “Issa li ktibt ktibt!”

K Wara li sallbu lil Ġesù, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu:

“Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha”.

Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ħwejġi qasmu bejniethom, u għall-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti”. U dan tabilħaqq għamluh is-suldati.

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil
ommu:

✠ “Mara, hawn hu ibnek”.

K Imbagħad qal lid-dixxiplu:

✠ “Hawn hi ommok”.

K U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal:

✠ “Għandi l-għatx!”

K Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża il-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal:

✠ “Kollox hu mitmum!”

K Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.

Kulħadd jinżel għarkupptejh u jinżamm is-skiet għal ftit ħin.

K Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma. Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma. Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu. Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ebda waħda minn għadmu ma jkissrulu”. U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu”.

Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil-moħbi għax kien jibża’ mil-Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l-ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it-tnejn ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Fl-Evanġelju smajna kif lil Ġesù libbsuh il-kuruna tax-xewk, sallbuh fuq is-salib u tawh jixrob il-ħall.  Użaw il-ħall, ix-xewk u l-imsiemer li ħejjejtu minn qabel, u t-tfal jistgħu imissu x-xewk u l-imsiemer u jduqu l-ħall. Ħalluhom fil-libertà, tisfurzawhomx.

Fil-funzjoni li ssir bħal-lum fil-knisja, ikun hemm l-adorazzjoni tas-salib (nistgħu nsegwu din il-funzjoni b’mod virtwali). Meta aħna nbusu s-salib, ma nkunux biss qegħdin nuru ringrazzjament u mħabba lejn Ġesù li miet għalina, iżda nkunu qegħdin ngħidu wkoll ‘iva’ għas-salib tagħna. 

Nistgħu nużaw salib li għandna d-dar jew is-salib li t-tfal lestew bħala parti mill-attività ta’ Ħadd il-Palm. Inżommu atmosfera ta’ ġabra u nisimgħu Were you there?, waqt li naħsbu fis-skiet dwar dawk id-diffikultajiet li għaddejjin minnhom bħalissa. Ngħinu lit-tfal, biex jekk jixtiequ jsemmu d-diffikultajiet tagħhom; dan jistgħu jagħmluh il-ġenituri wkoll. Nistgħu nibdew fiż-żmien diffiċli li qegħdin ngħixu bħalissa minħabba l-pandemija. Meta nlestu, kulħadd ibus is-salib. 

Ġesù, inti mitt fuq is-salib għax tħobbna u minħabba d-dnubiet tagħna. 

Ngħidu l-Missierna u nieqfu fil-parti fejn nitolbu maħfra (aħfrilna dnubietna), u wara ngħidu l-att ta’ ndiema.

Nadurawk o Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, inti fdejtna.

X’nistgħu nagħmlu aktar llum?

Nitolbu flimkien it-talba tal-Via Sagra.

Biex id-difna ta’ Ġesù, nagħmluha b’mod viżwali, it-tfal jaqbdu l-pupu u jgeżwruh bit-toilet paper jew strixxa tad-drapp bajda. Imbagħad ipoġġuh ġol-kaxxa u din tingħalaq. Ħallu din il-kaxxa fuq il-mejda tat-talb.

Fil-5 Ħadd tar-Randan, smajna lil Ġesù jgħid hekk: “jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.” Ftit diffiċli li t-tfal jifhmu kif xi ħaġa trid tmut biex tagħmel il-frott. Naqbdu ż-żerriegħa jew basal tal-fjuri u nuruhom lit-tfal. Ngħidulhom li jekk dawn ma niżirgħuwhomx (jew inħawwluhom), ser jibqgħu kif qegħdin narawhom. Imma jekk nizirgħuhom/inħawwluhom (għalhekk ikunu qishom mietu), wara xi żmien jagħtu l-frott/fjuri. Ġesù miet, biex reġa qam mill-mewt u lilna salvana. Jekk għandkom biżżejjed qsari u żerriegħa/basal għat-tfal, ħallu lit-tfal jiżirgħu/iħawlu l-qasrija tagħhom u jieħdu ħsiebha. Għinuhom billi tispjegaw fejn l-aħjar ipoġġu l-qasrija u fakkruhom isaqquha!

Ċelebrazzjoni li ssir f’xi knejjes f’dawn il-ġranet hija dik imsejħa tat-Tniebri. Hija ċelebrazzjoni li tinkludi 14-il qari u wara kull qari tintefa’ xemgħa. Dawn ix-xemgħat li jintfew jirrappreżentaw lid-dixxipli li ħallew lil Ġesù waħdu, wara li kien arrestat. Kif jintfew dawn ix-xemgħat (jintfew l-14-il xemgħa minbarra tan-nofs li tirrappreżenta lil Ġesù) , it-tradizzjoni titlob, li n-nies jagħmlu ħafna ħsejjes, bit-tisbit tas-siġġijiet, biex joħolqu l-atmosfera tat-terremot li seħħ mal-mewt ta’ Ġesù. Fid-dar nistgħu naddattaw din il-funzjoni b’mod aktar sempliċi. Inħejju 14 il-xemgħa (tealights) u oħra bajda. Din il-bajda tirrapreżenta lil Ġesù. Wara li nlestu din iċ-ċelebrazzjoni penitenzjali fid-dar, inpoġġu x-xemgħa l-bajda quddiem il-kurċifiss. 

Ġesù miet fuq is-salib minħabba d-dnubiet tagħna, għax aħna nagħmlu għażliet ħżiena. Ġesù miet fuq is-salib għax iħobbna. Inżommu atmosfera ta’ talb, u jekk jista’ jkun il-kamra ma tkunx imdawwla ħafna. Kulħadd isemmi xi dnub li għamel, u wara li jsemmih (jista’ jintuża kliem bħal: Jiddispjaċini Ġesù ta’ meta …), jitfi waħda mix-xemgħat. Meta jintfew l-14-il xemgħa, ħallu lit-tfal jagħmlu storbju kemm iridu (qabel spjegaw għalfejn dan l-istorbju kollu!).

It-tbatija ta’ Ġesù, tfakkarna fit-tbatija tagħna u tal-oħrajn. Illum għalkemm ma nistgħux imorru nżuru lill-qraba u ħbieb anzjani jew morda, xorta nistgħu nċemplulhom u ngħaddu ħin nitkellmu magħhom.

Nistgħu naraw dawn il-clips flimkien:

Good Friday.

The three trees.