It-tema tal-Evanġelju tal-lum hija l-ħajja tad-dixxiplu; ħajja li tinkludi t-tbatija.
L-Evanġelju jkompli fejn ħalla tal-Ħadd li għadda. L-appostli stqarrew li Ġesù huwa l-Messija. Ġesù jneħħi kull dubju li seta’ jkollhom ta’ Messija, li kellu jeħles lil-Lhud mir-Rumani. Minflok jgħidilhom li hu kellu jbati u jmut. Ma jieqafx hemm, għax jgħidilhom ukoll li hu kellu jqum mill-mewt. Huwa Pietru, li bħall-ġimgħa l-oħra jerġa jwieġeb għal din id-dikjarazzjoni ta’ Ġesù. Din id-darba, minflok il-fidi, jidher in-nuqqas ta’ fehim ta’ Pietru. Ma jridx li Ġesù jbati. U Ġesù jċanfru, għax Pietru f’dan il-ħin qiegħed kważi kważi jħajjar lil Ġesù ma jagħmilx dak li kien mistenni minnu. Ġesù jkompli jitkellem dwar il-ħajja tad-dixxiplu. L-għażliet ta’ dixxiplu ma kienux se jkunu faċli, ir-rigal tad-dixxiplu ma jingħatax f’din il-ħajja iżda wara l-mewt.
Meta Ġesù jgħid “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu” qiegħed jitlob minna impenn. Meta xi ħadd irid jilħaq xi mira f’ħajtu, jimpenja ruħu sew. Inħarsu lejn l-atleti, lejn il-mużiċisti. Dawn ta’ kuljum, jiddedikaw siegħat sħaħ biex jitħarrġu fil-qasam tagħhom. Jiċċaħdu minn numru ta’ affarijiet, inkluż ħin mal-familja u ħbieb. L-atleti jżommu wkoll ma’ ċertu dieta. Anke jekk imorru vaganza x’aktarx issib li matul il-ġurnata huma xorta waħda, fejn jistgħu, jagħmlu t-taħriġ tagħhom ta’ kuljum. Għandhom għan fejn jixtiequ jaslu, u jkunu lesti li jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jilħquh. Dan huwa dak li Ġesù qiegħed jistaqsina llum. Aħna rridu nimxu warajh jew le? Ma nistgħux inkunu sieq ’l hawn u sieq ’l hemm. Atleta ma’ jqumx filgħodu, jara x-xita u jerġa jidħol fis-sodda. Dawn in-nies huma ta’ min jammirahom, kmieni filgħodu fil-bard, ksieħ, xemx u xita, tarahom jiġru. Il-ħajja nisranija titlob impenn ukoll. Irridu niddeċiedu hux se ngħixu ta’ nsara, aħniex se nrabbu familja nisranija jew le.
Meta Ġesù tkellem dwar it-tbatija li kellu jgħaddi minna, Pietru bħallikieku jipprova jikkonvinċih li hemm triq oħra x’jista’ jieħu. Madanakollu, Ġesù kien jaf li kien meħtieġ li huwa jgħaddi minn dik it-tbatija biex jilħaq il-mira tiegħu. Ġesù ġie fid-dinja biex isalvana. Ma setax isalvana bit-tagħlim u bl-eżempju tajjeb biss; il-mewt u l-qawmien tiegħu kienu wkoll parti minn dak li daħal għalih. Bħalma l-atleti jew il-mużiċisti, jistgħu jsibu, anke minn dawk qrib tagħhom, nies li xi drabi jħajjruhom jaqbżu t-taħriġ, hekk ukoll aħna se nsibu min forsi jidħak bina jew jaqtgħalna qalbna għax qed nagħmlu l-almu tagħna biex ngħixu ħajja tajba u nrabbu familja fuq valuri nsara. Meta niddeċċiedu li nimxu wara Ġesù, se nkunu fil-libertà biex nagħmlu l-għażliet tagħna, fl-istess ħin għandna r-responsabbiltà li ngħixu l-valuri li nemmnu fihom.
Minn fejn se tiġi l-għajnuna biex ngħixu ta’ veri nsara? Is-sagramenti u l-Ispirtu s-Santu, permezz tad-doni tiegħu jagħtuna dak li għandna bżonn. Jagħtuna l-kuraġġ, ir-rieda u l-qawwa biex naċċettaw is-salib u nġorruh. Il-ġimgħa l-oħra semmejna l-importanza tal-komunità. Il-komunità wkoll tgħinna fil-mixja tagħna, meta nkunu se naqtgħu qalbna, meta nħossu li s-salib huwa tqil wisq, meta nsibu wiċċna ma’ ħafna kuntrarju, jekk aħna parti minn komunità nisranija ħajja, se nsibu s-sostenn tagħna hemmhekk ukoll. Niftakru li Ġesù qatt ma xtaq li aħna nimxu din il-mixja waħedna. Meta darba bagħat lid-dixxipli biex jippriedkaw, bagħathom tnejn tnejn, biex ikunu ta’ għajnuna għal xulxin (“Il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu” [Luqa 10,1]).