L-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa huwa importanti għax huwa qari li jista’ jolqot kemm lil dawk li jemmnu kif ukoll lil dawk li għadhom ma jafux lil Kristu. Din il-ġimgħa, il-qari jiffoka fuq is-sagrament tal-Magħmudija – sagrament li huwa fundamentali għall-kunċett tas-salvazzjoni. Is-salvazzjoni hija xi ħaġa li n-nies kollha “jeħtieġu”, iżda li mhux ir-reliġjonijiet kollha jistgħu joffru. Tabilħaqq, fil-fatt, mhux “ir-reliġjon” toffri s-salvazzjoni, imma “persuna”. Huwa Ġesù Kristu biss, kemm uman kif ukoll divin, li jista’ jsalvana. L-ebda ammont ta’ regoli jew ritwali ma jistgħu qatt isalvawna. Anzi, hija l-parteċipazzjoni tagħna fil-grazzja ta’ Ġesù, fl-imħabba Tiegħu, u fil-ħniena Tiegħu li tista’ tbiddel qalbna u twassalna għall dak il-bniedem “ġdid” li jitkellem dwaru San Pawl!
Dan kollu x’għandu x’jaqsam mal-Magħmudija? Ħuma dawk l-i mgħammdin biss li jistgħu jiġu “salvati”? Le. Is-salvazzjoni tiddependi fuq l-istat tal-qalb tagħna – fuq il-kundizzjoni spiritwali tagħna. Alla biss jafha din. Alla jifhem il-fatt li xi individwi ma ġewx esposti għal Kristu ‘b’mod korrett’ (i.e., u għalhekk, għandhom idea ħażina dwaru) – Hu jaf ukoll li xi wħud ma ġewx esposti għalih xejn. Għalhekk, is-salvazzjoni bl-ebda mod mhi kwistjoni ta’ iswed u abjad. Li hu żgur, iżda, huwa l-fatt li min ma jesperjenzax is-Sagrament tal-Magħmudija isibha aktar diffiċli spiritwalment. Persuni bħal dawn ma rċevewx ċerti grazzji. Ma kellhomx ċerti aspetti tagħhom ‘attivati’.
Il-Magħmudija spiss tiġi espressa f’termini ta’ ilma għax tnaddaf. Tabilħaqq, il-Magħmudija hija dik li tneħħi l-bniedem il-qadim tagħna, imċappas mid-dnub oriġinali u l-egoiżmu, u tagħtina l-għajnuna li neħtieġu biex inkunu “inqas egoistiċi”. Il-Magħmudija ma tagħmilniex perfetti. Ma tneħħix id-dispożizzjoni tagħna għad-dnub! Madankollu, peress li hija Sagrament, tagħtina l-grazzja li għandna bżonn biex niġġieldu “d-dnub” aktar faċilment – dejjem jekk inkunu miftuħa għal dan. Huwa għalhekk li fil-Magħmudija nirċievu identità ġdida, flimkien ma’ missjoni, jew missjonijiet (fil-plural). Dan għaliex il-Magħmudija tagħtina possibilitajiet ġodda – il-possibbiltà primarja tkun – “il-qdusija”. Għalhekk, Vernon McGee jikteb li “biex ngħixu ħajja ta’ qdusija, l-ewwel irridu nirċievu ħajja ġdida mingħand Alla – irridu nitwieldu minn ‘fuq’”.
Ir-raġuni għaliex Kristu nnifsu tgħammed hi biex jurina kemm kif għandu jsir dan is-sagrament, kif ukoll biex jurina kemm iħobbna. Ġesù mhux biss sar bniedem, imma ried j’esperjenza l-iktar aspett baxx tal-umanità. Hu kien umli biżżejjed li jiġi pperċepit bħala midneb li jeħtieġ jiġi mnaddaf! M’għandniex għalfejn nistħu nkunu mnaddfa – partikolarment permezz tas-Sagrament tal-Qrar. Dan huwa Sagrament li jibni fuq is-Sagrament tal-Magħmudija għax jnaddaf ruħna mid-dnub kull darba li nersqu lejh b’qalb niedma:
Għax intom ulied Alla lkoll kemm intom, permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù. Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu. Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.