Naqraw

Luqa 2, 22-40 

22Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, 23kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’ 24u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

25F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. 26L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. 27Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, 28huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

29“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek

imur fis-sliem, skont kelmtek,

30għaliex għajnejja raw

is-salvazzjoni tiegħek

31li int ħejjejt

għall-popli kollha,

32dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”

33Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. 34Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, 35– u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

36Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, 37u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. 38Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

39Meta temmew kulma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. 40U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

Nitolbu

Għażiż Alla, il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju tiċċelebra d-dħul tad-Dawl fid-dinja. Nitolbu li d-dawl ta’ Ġesù dejjem idawwal lill-ħajjitna. Ammen. 

Ngħixu

Meta Ġużeppi u Marija marru fit-Tempju biex jippreżentaw lil Ġesù lil Alla, huma offrew “par gamiem jew żewġ bċieċen.” Aħna x’nistgħu noffru lil Alla? 

Alla jrid li aħna nħobbu lil xulxin. Għalhekk, illum nagħtu flus għall-karità. 

Attività