Naqraw
Mattew 2, 13-23
13Meta telqu, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu.” 14Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, 15u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal,
‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.’
16Erodi mbagħad, meta ra li l-maġi kienu daħku bih, inkorla bis-sħiħ, u bagħat joqtol f’Betlehem u fl-inħawi kollha tagħha lit-tfal subien kollha ta’ minn sentejn ’l isfel, skont iż-żmien li sar jaf mingħand il-maġi. 17Imbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija, meta qal,
18‘F’Rama nstama’ leħen, biki u lfiq kbir:
Rakel tibki lil uliedha u ma tridx min ifarraġha,
għax ma għadhomx iżjed.’
19Meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu 20u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u erġa’ lura lejn l-art ta’ Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel.” 21Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu, u mar fl-art ta’ Iżrael. 22Imma billi sama’ li fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws flok Erodi missieru, baża’ jmur hemm. Fuq twissija li kellu fil-ħolm, telaq lejn l-inħawi tal-Galilija, 23u mar joqgħod f’belt jisimha Nazaret, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeti,
‘Ikun jissejjaħ Nażri.’
Nitolbu
Għażiż Alla, bl-istess mod li inti pproteġejt lil Ġesù, lil Marija u lil Ġużeppi matul il-vjaġġ tagħhom fid-deżert tal-Eġittu, dejjem żomm lili u lill-familja tiegħi l-bogħod mill-periklu. Ammen.
Ngħixu
Smajtuha sew il-ġrajja tal-lum? Anġlu deher darbtejn lil Ġużeppi. L-ewwel darba qallu biex jaħrab lejn l-Eġittu. L-anġlu qal lil Ġużeppi biex jieħu lil Marija u lil Ġesù lejn l-Eġittu, u b’hekk Ġesù ma jkunx fil-periklu. Aktar tard, l-anġlu qal lil Ġużeppu biex jitilqu mill-Eġittu u jmorru Nazaret. X’għamel Ġużeppi? Obda? Dejjem faċli li nobdu?
Illum se nsumu li nagħmlu kollox kif irridu aħna. Għalhekk kif xi ħadd jistaqsina nagħmlu xi ħaġa, nobdu, anke jekk ma jkollnix aptit.
Attività