Ilkoll aħwa

Spazju ta’ talb fid-dar u Talba għal ħuti

Ħelow tfal!

Tiftakar ma’ kemm nies iltqajt u kellimt ilbieraħ u llum? Ilkoll kemm aħna niltaqgħu ma’ nies differenti fil-ħajja tagħna. Hemm dawk in-nies li nirrelataw magħhom spiss, hemm dawk li ma tantx nafuhom, u hemm ukoll dawk li forsi ma tantx nieħdu gost bihom. Alla ħalaqna biex inkunu flimkien. Fil-ħajja tagħna għandna bżonn lil oħrajn biex nitkellmu, nilgħabu, nitolbu, immorru xi mixja u anke nieklu flimkien. 

Il-Prayer Space tal-lum jisimha Ilkoll Aħwa. U biex nifhmu iktar dan għandna bżonn:

  • strixxa tal-karti 
  • karti ħodor jew ta’ kuluri differenti
  • karta bajda A3
  • kuluri jew markers
  • pinna jew lapes
  • kolla, blue tack jew spag
  • imqass

Ġesù huwa ħuna l-kbir li jgħaqqadna. Ġesù huwa bħaz-zokk tas-siġra u aħna l-weraq fil-friegħi tas-siġra magħqudin flimkien – miegħu u ma’ dawk kollha li niltaqgħu magħhom.  Ejjew nagħmlu din is-siġra billi kulħadd juża’ l-krejattività tiegħu. Wieħed jista’ jagħmel bħal din:

i. Fuq il-karta l-bajda pinġi zokk ta’ siġra jew ifforma wieħed kif tixtieq inti u fuqu ikteb Ġesù.
ii. Waħħal iz-zokk f’post fejn tarah spiss.
iii. Imbagħad fuq il-karti l-ħodor jew ikkuluriti pinġi l-forma ta’ jdejk għal ħafna drabi u qassashom.
iv. Fuq l-strixxa tal-karti ikteb Ilkoll Aħwa u waħħalha fuq is-siġra.

Ikteb ismek fuq l-ewwel forma u waħħalha maz-zokk.  Fuq il-forom ta’ jdejk se tikteb kuljum l-ismijiet ta’ dawk in-nies li tkun ltqajt jew ikkomunikajt magħhom. Waqt li qed twaħħal l-isimijiet ta’ dawn il-persuni maz-zokk biex tkompli tifforma s-siġra, aħseb ftit fihom u għid talba għalihom. Dan il-ġest se jfakkarna li aħna llkoll aħwa ta’ xulxin u li kulħadd huwa importanti.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.