L-imħabba, hija x’aktarx waħda mill-aktar kliem li nużaw u nisimgħu fil-kant. Illum Ġesù jgħidilna li għandna nħobbu lil xulxin. Iżda ma jieqafx hemm. Ġesù jikkwalifika x’tip ta’ mħabba għandu jkollna lejn l-oħrajn. Hi mħabba bħalma ħabb hu. L-imħabba li għandu Ġesù għalina, wasslitu biex jagħti ħajtu għalina u jmut fuq is-salib. Ġesù tana kull ma kellu. Aktar minn hekk, din l-imħabba ta’ Ġesù, hi għal kulħadd. Ġesù ma jħobbniex b’xi kundizzjonijiet. L-imħabba ta’ Ġesu’ hija għotja totali msejsa fuq il-qadi. Din l-imħabba ta’ Ġesù turina b’mod viżibbli l-imħabba ta’ Alla.
L-imħabba toffri sfida kontinwa, speċjalment meta rridu nuru mħabba lil xi ħadd li skont aħna ma jistħoqlux. L-imħabba li Ġesù jridna nuru m’għandhiex taqsam ma dak li nħossu. Aħna nuru mħabba skont kif inġibu ruħna ma’ dak li jkun, nuru l-imħabba fl-azzjonijiet tagħna. L-imħabba tirrikjedi sagrifiċċju.
Dak li qiegħed jistaqsi minna Ġesù jmur kontra n-natura tagħna. Aħna nħobbu lil min iħobbna u l-istint jgħidilna biex inpattu lil min iweġġagħna jew jonqosna. Ġesù biss jista’ jgħinna biex naslu nħobbu kif qed jikkmandana hu. Waħedna mhux ser naslu żgur. Irridu nafdaw aktar fih. Irridu nersqu b’mod regolari għas-sagramenti tal-Ewkaristija u tal-Qrar, għax dawn jagħtuna l-għajnuna meħtieġa. L-Ispirtu s-Santu, li rċevejna fil-magħmudija u fil-griżma tal-Isqof, huwa l-istess Spirtu s-Santu li Ġesù kien idur lejh biex jingħata l-qawwa u l-għerf biex jgħix bil-mod li għex. L-Ispirtu s-Santu jagħtina l-kuraġġ u l-qawwa biex immorru kontra dak li tgħidilna d-dinja, u biex ngħixu skont ir-rieda ta’ Alla.
L-Evanġelju jibda b’referenza għal Ġuda. Ġuda huwa dak il-persuna li ħalla r-regħba tagħmih. Minflok imħabba wera l-mibegħda. Hu patta l-imħabba ta’ Ġesù bi tradiment. Minjaf x’ħass Ġesù, kif ra lil Ġuda sejjer! Ġesù kien jaf x’kien sejjer jagħmel. Minflok kliem ta’ mibgħeda, Ġesù dar lejn l-appostli u kellimhom dwar l-imħabba. Anke f’dan il-mument, fejn wieħed li għex miegħu, ittradih, Ġesù juri xi tfisser li tħobb bil-fatti. Nitolbu biex aħna ma nħallux ġibdiet ħżiena, idallmulna t-triq u jeħduna l-bogħod mill-imħabba li qiegħed joffrielna Alla.