Insibu lil Ġesù

Il-15-il Ħadd ta’ Matul is-Sena

Fil-Ħdud li ġejjin se nisimgħu għadd ta’ parabboli. Il-parabboli huma tip ta’ stejjer li kien juża Ġesù biex iwassal messaġġ b’mod li jifhmuh aktar nies. Mhux dejjem kienu jifhmuh! Fil-fatt kif naraw f’din is-silta, Ġesù jispjega l-parabbola lill-appostli.  Meta nisimgħu dan il-qari, u jekk forsi aħna nifhmu xi ftit fil-bdiewa, jew anke jekk għandna għal qalbna l-ġnien, jista’ jiġri li aħna ngħidu: “imma dan il-bidwi ma tantx kien tas-sengħa! Kieku kellu ftit melħ f’moħħu kien joqgħod aktar attent u ż-żerriegħa kien jara li taqa’ kollha fuq art tajba”. Għalfejn allura Ġesù jagħtina din il-ġrajja? Alla ma huwiex xħieħ u ma joqgħodx jagħżel għand min se tasal l-imħabba tiegħu, il-ħniena tiegħu, il-kelma tiegħu! Bħaż-żerriegħa li l-bidwi jixħet kullimkien, il-Kelma tasal għand kulħadd bl-istess mod u bl-istess abbundanza, id-differenza hija fil-mod kif tiġi milqugħa.

Fil-parabbola jissemmew erba’ tipi ta’ art:

Il-mogħdija: meta l-Kelma ta’ Alla ma neħduhiex bis-serjetà

Il-blat: il-fidi tagħna dgħajfa, meta niġu fil-ħin tal-prova, il-Kelma ta’ Alla ma tkunx ta’ sostenn

Ix-xewk: il-Kelma ta’ Alla nafuha imma ma npoġġuhiex fil-prattika, jista’ jkun li dan ma nagħmluhx għax fil-fatt għalkemm nafu xi jrid Alla minna, dan ma naċċettawhx

Art tajba: il-Kelma ta’ Alla tagħmel il-frott, meta aħna ngħixuha u nwassluha għand l-oħrajn. Biex naslu f’dan il-punt, irridu ngħaddu ħin ma’ din il-Kelma, nirriflettu dwarha u naraw Alla x’qiegħed jgħidilna. Irridu nisimgħu l-Kelma ta’ Alla b’qalb miftuħa, u nirrikkorru għas-sagramenti b’mod regolari.

Il-ġenituri huma responsabbli biex iħejju ‘l-art’ ta’ uliedhom, jiġifieri kif uliedhom ser jilqgħu l-Kelma ta’ Alla. Ma jfissirx li l-bqija tal-Knisja ma tgħinx u li ma ġġorrx responsabbiltajiet f’dan ir-rigward. Madanakollu dejjem jibqa’ l-fatt li l-ġenituri huma l-edukaturi ewlenin. Dan jista’ jsir b’diversi modi, fosthom il-mod kif il-ġenituri jitkellmu dwar Alla, Ġesù u l-qaddisin, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ żminjiet bħall-Avvent, il-Milied, ir-Randan u l-Għid, it-talb fil-familja, il-qari ta’ stejjer ta’ qaddisin u siltiet mill-Bibbja mat-tfal, il-mod li jaħfru, li jgħinu lill-oħrajn, il-smigħ tal-quddiesa, l-importanza li tingħata għal-laqgħat ta’ formazzjoni, kemm tat-tfal u kif ukoll tal-adulti. Ġesù, darba qal: “Ħallu t-tfal jiġu għandi”. X’qed nagħmlu bħala ġenituri biex nobdu dan il-kmand tal-Mulej?

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 13, 1-23)

Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.

U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

Resqu lejh id-dixxipli u staqsew: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?”. Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet, iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,

“Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux, u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.

Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset; kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,

u għalqu għajnejhom li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom,

u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu b’moħħhom,

u hekk ibiddlu ħajjithom u jiena nfejjaqhom”.

Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom, u ma semgħuhx!

Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu, tista’ tara din il-clip bħala għajnuna
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Kien xi darba li l-Kelma ta’ Alla vera laqtitek u bidlitlek attitudni jew atteġġjament?
  4. Kif titlob? Tuża l-Kelma ta’ Alla fit-talb tiegħek?
  5. Kif tista’ ssir “art aktar tajba” biex il-kelma ta’ Alla ssib fejn tniżżel l-għeruq u tagħmel aktar frott?
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn se tiltaqgħu ppreparaw:
    a. Bibbja bil-qari minn San Mattew (13, 1-23)
    b. Xemgħa mixgħula
    ċ. Il-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja u xemgħa, miksija bi drapp aħdar
    d. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

“Fil-lingwaġġ evanġeliku, iż-żerriegħa hija simbolu tal-Kelma t’Alla u din il-parabbola tfakakrna kemm din il-Kelma hi għammiela.  L-istess bħalma jiġri liż-żerriegħa umli, il-Kelma taħdem bil-qawwa ta’ Alla fil-qalb ta’ min jismagħha.  Alla afda Kelmtu lill-art tagħna, jiġifieri lil kulll wieħed u waħda minna, fil-konkretezza umana tagħna.  Għandna nimtlew bil-fiduċja għax il-Kelma t’Alla toħloq u hi destinata li ssir «il-qamħa mimlija fi-żbula».  Jekk din il-Kelma tkun milqugħa, ċertament tħalli l-frott tagħha, għax hu Alla nnifsu li jnibbitha u jkabbarha permez ta’ toroq li mhux dejjem nistgħu nivverifikawhom u b’mod li hu mistur għalina.  Dan kollu jgħinna nifhmu li hu dejjem Alla, dejjem Alla, li jkabbar is-Saltna tiegħu – hu għalhekk li aħna tant nitolbu “tiġi saltnatek” – huwa Hu li jkattarha, il-bniedem hu biss kollaboratur umli tiegħu li jikkontempla u jifraħ bil-ħidma divina li toħloq, u jistenna bil-paċenzja l-frott tagħha.”

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù se jgħidilna parabbola. Parabbola hija storja li tgħinna nifhmu dak li jixtieq jgħallimna Ġesù.

  • Irridu nisimgħu u nifhmu xi jrid jgħidilna Alla
  • Meta nisimgħuh u nagħmlu dak li jixtieq, insiru persuni aħjar
  • Meta ma nifhmux il-ġrajjiet tal-Bibbja għandna nistaqsu lil xi ħadd jispjegahomlna
  • Kuluri
  • Printout tal-istampa ta’ hawn taħt

Nistaqsu: Dwar liema suġġett kienet il-parabbola li qalilna Ġesù il-lum? (bidwi li ħareġ jiżra)

Wara li nagħtu ċans lit-tfal jirrakuntaw il-parabbola, nerġgħu ngħiduha fil-qosor aħna, bi spjegazzjoni qasira magħha:

Darba kien hemm bidwi u kellu xkora mimlija żerriegħa u ħareġ u beda jxerred din iż-żerriegħa. Mhux iż-żerriegħa kollha waqgħet fil-ħamrija tajba. Xi ftit waqgħet fit-triq, ftit ieħor ġiet fuq il-blat, ftit miż-żerriegħa ġiet qalb ix-xewk, iżda kien hemm ukoll dik iż-żerriegħa li ġiet fil-ħamrija.

L-appostli ma fehmux din il-parabbola, allura Ġesù qalilhom li l-bidwi jirrappreżenta lil Alla. Lilna jkellimna kuljum, iżda aħna mhux dejjem nisimgħuh jew nagħtu kasu. Meta nisimgħu l-ġrajjiet mill-Bibbja waqt il-quddiesa, jew waqt xi laqgħa mill-katekisti u ma nkunux attenti, inkunu qisna l-ħamrija li mhix tajba. Tkun waqgħet iż-żerriegħa fuqha iżda billi ma ssibx ħamrija tajba, ma tagħmilx frott. Xi drabi inkunu nafu sew x’jixtieq Alla, bħal per eżempju meta jgħidilna li m’għandniex niġġieldu, iżda meta xi ħadd jirrabbjana jew ma jaqbilx magħna, malajr nibdew ngħajjtu u niġġieldu. Meta nagħmlu hekk, dik iż-żerriegħa li Alla (il-bidwi) ikun żera’, tkun waqgħet fuq il-blat. Jiġri l-istess meta affarijiet li huma importanti bħall-iskola, il-logħob u divertiment ieħor, għalina jsir importanti aktar minn Alla.

Xi drabi nkunu bħax-xewk li waqgħu fuqhom iż-żerriegħa. Jista’ jkun li nisma’ dak li jrid jgħidli Alla, imma mbagħad noqgħod ninkwieta. Ninkwieta pereżempju għax mhux kulħadd irid ikun ħbieb miegħi, ninkwieta għax m’għandix l-istess affarijiet li għandhom sħabi, ninkwieta għax ma nafx inpinġi daqs sħabi tal-klassi. U dawn il-ħsibijiet jibdew jagħmluni mdejjaq u ma nkunx nista’ nifhem x’qiegħed jgħidli Alla. Minflok noqgħod ninkwieta, huwa aħjar li nitkellem ftit ma’ Alla u ngħidlu dwar dawn il-ħsibijiet.

L-aħħar żerriegħa waqgħet fil-ħamrija tajba. Aħna nkunu bħal din l-art tajba li tista’ tagħti frott bnin, meta noqgħodu attenti fil-laqgħat mal-kateksti, meta nieħdu sehem sħiħ fil-quddiesa u meta xi ħadd ikun qiegħed jaqralna xi ġrajja mill-Bibbja u aħna noqgħodu attenti għal dak li qegħdin nisimgħu. Meta nagħmlu hekk, insiru ħbieb aħjar ta’ Ġesù u nħajru lill-oħrajn isiru bħalna billi jħobbuh u jagħmlu dak li jixtieq hu.

Meta l-appostli ma fehmux il-parabbola, staqsew lil Ġesù biex ifissirielhom. Meta aħna ma nifhmux xi storja mill-Bibbja, lil min nistgħu nistaqsu biex jurina xi tfisser?

Alla jkellimna permezz tal-istejjer tal-Bibbja. Meta aħna noqgħodu attenti nisimgħu, inkunu bħall-ħamrija tajba li fuqha waqgħu ż-żerriegħa. Biex niftakru xi rridu nagħmlu biex insiru bħal dik il-ħamrija li hija tajba biex tilqa’ ż-żerriegħa u tagħmel il-frott, issa nagħtu l-kulur l-istampa ta’ din il-ġimgħa u nħalluha fejn narawha. Waqt li qegħdin inpinġu nistgħu nisimgħu The B-I-B-L-E Song.

Inroddu s-salib.

Ġesù għina biex meta nisimgħu l-qari mill-Bibbja noqgħodu attenti. Għina wkoll biex nagħmlu dak li tixtieq inti. Ammen.

Illum se nisimgħu waħda mill-parabboli ta’ Ġesù dwar bidwi li ħareġ jiżra. Ġesù kien jgħid ħafna parabboli għax b’hekk il-messaġġ li ried iwassal, kien ikun aktar ċar.

  • Meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla rridu nkunu lesti li nilqgħuha
  • Meta ma nifhmux dak li nkunu għadna kif smajna nistaqsu lil xi ħadd biex ifhemulna
  • Ġesù jixtieq li naqsmu dak li tgħallimna ma’ oħrajn
  • Printout tal-paġni ta’ hawn taħt, imwaħħlin fuq kartonċina. L-erba’ deskrizzjonijiet tat-tieni paġna maqtugħin waħda waħda, naqtgħu wkoll iż-żerriegħa
  • Kuluri
  • Inwaħħlu ż-żerriegħa ma’ paper clip

Nistaqsu:

X’taħsbu li jrid jgħidilna Ġesù f’din il-parabbola? Nagħtu ċans lit-tfal jitkellmu.

Ġesù b’din il-parabbola ried jgħallem lin-nies u lilna wkoll. Iż-żerriegħa hija l-Kelma ta’ Alla. Il-qalb tagħna hija l-ħamrija u l-art fejn taqa’ din iż-żerriegħa.

Ħa naraw għalfejn aħna nixbħu lil din l-art li tista’ tkun jew fertili w tajba jew tista’ ma tagħtix il-frott mixtieq?

Iż-żerriegħa li waqgħet mal-mogħdija. Qatt xi ħadd qalilkom “għalxejn għedtlek kif tagħmilha għax minn widna daħlet u mill-oħra ħarġet!” Meta aħna ma nagħtux kas waqt li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, nkunu bħal dik il-mogħdija li ma tistax tagħti frott. Meta waqt il-laqgħat tad-duttrina jew waqt il-quddiesa moħħna jkun fuq affarijiet oħra u mhux dwar dak li suppost qegħdin nisimgħu, inkunu bħal din l-art li mhijiex akkoljenti.

Iż-żerriegħa li waqgħet fuq il-blat. Meta aħna jkollna moħħna hemm waqt il-laqgħat u anke waqt il-quddiesa, iżda mbagħad insibuha diffiċli li nagħmlu dak li jixtieq Alla minna, nkunu bħal dan il-blat li mhuwiex tajjeb biex iż-żerriegħa tagħti l-frott. Iż-żerriegħa tibda tikber iżda minħabba s-sħana tmut. L-istess aħna! Nisimgħu dak li jrid Alla iżda meta niġu biex nagħmlu dak li jrid hu, naqtgħu qalbna jew ninsew għal kollox dak li qalilna biex nagħmlu.

Iż-żerriegħa li waqgħet fix-xewk. Inkunu nafu sew dak li qalilna Alla, għax noqgħodu attenti dak il-ħin, iżda mbagħad, meta niġu biex inqassmu l-ħin tagħna; l-iskola, il-ħbieb, il-logħob, il-familja eċċ, dawn jeħdulna l-ħin kollu. Jiġrielna bħal dik iż-żerriegħa li meta waqgħet, sabet il-ħamrija u bdiet tikber, iżda mbagħad ix-xewk kien aktar b’saħħtu minnha u qatilha. Ix-xewk fil-ħajja tagħna huma dawk l-attivitajiet li bihom nimlew il-ġurnata kollha tagħna u ma nħallux ħin biex nitolbu, biex naqraw il-Bibbja, biex imorru l-quddies jew il-laqgħat tad-duttrina.

Iż-żerriegħa li waqgħet fil-ħamrija. Inkunu bħal din il-ħamrija meta nisimgħu l-Kelma ta’ Alla u nippruvaw nagħmlu dak li jixtieq hu. Se jkun hemm drabi meta ma jirnexxilniex, iżda meta ma jirnexxilniex ma naqtgħux qalbna u nerġgħu nippruvaw, għaliex aħna nħobbu lil Alla u nixtiequ ngħixu l-Kelma tiegħu.

Meta l-appostli semgħu din il-parabbola ma fhemuhiex. L-istess aħna, mhux dejjem se nifhmu l-ġrajjiet tal-Bibbja. Lil min nistgħu nistaqsu biex ifissrilna?

Wara li smajna din il-parabbola, kif naħsbu li hija l-qalb tagħna? Meta taqa’ ż-żerriegħa x’se ssib?

Nistgħu nagħtu l-kulur lill-ewwel stampa ta’ hawn taħt. Fit-tieni paġna hemm deskrizzjonijiet ta’ kif nistgħu nkunu qed inġibu ruħna. Inqabblu dawn mat-tipi differenti ta’ art imsemmija fil-parabbola. Tkun ħaġa tajba li dejjem inkunu bħal dik l-art it-tajba, iżda nafu li jkun hemm żmien meta nkunu aktar nixbħu l-art bix-xewk, jew il-blat. Inħallu din l-istampa fil-kamra tagħna, f’post fejn nistgħu narawha u kull ġimgħa naħsbu kif ġibna ruħna u nwaħħlu ż-żerriegħa fuq dik it-tip ta’ art.

Waqt li qegħdin tagħmlu din l-attività, isimgħu The Parable of the Sower.

Inroddu s-salib.

Mulej, għina biex inkunu bħal dik l-art tajba fejn waqgħet iż-żerriegħa u għamlet ħafna frott u b’hekk nikbru u nsiru tfal kif tixtieq inti. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.