Inti Pietru!

Il-21 Ħadd ta’ Matul is-Sena

L-Evanġelju tal-lum fih mistoqsija importanti ħafna. Hija mistoqsija li Ġesù għamel lil dawk l-aktar qrib tiegħu, aktar minn elfejn sena ilu. Illum Ġesù qiegħed jagħmel l-istess mistoqsija lilna, “Intom min tgħidu li jien?”

Kieku kellna, qabel ma nwieġbu din l-mistoqsija, noqgħodu għall-kwiet u nwieġbu mistoqsija oħra, jista’ jkun li tgħinna fit-tweġiba tagħna lil Ġesù. Meta napplikaw għal xi xogħol ġdid inkunu mitluba nibgħatu dak li nsejħulu CV (curriculum vitae) u fih, fost l-oħrajn, inniżżlu l-kompetenzi tagħna. Kieku kellna nagħmlu din is-CV biex nagħtuha lil xi ħbieb tagħna biex isiru jafuna aktar, x’se nniżżlu fiha? Nistgħu nużaw karta u lapes jew Keep (jew xi app oħra simili) fuq il-mobile, l-importanti huwa li nkunu nistgħu naqraw dak li niktbu dwarna.

Kieku kellna niġbru l-listi tagħna lkoll se jkunu fil-maġġoranza tagħhhom differenti. Forsi ftit minna, niżżlu dawn bħala parti mid-deskrizzjoni tagħhom: Jien nisrani/ija. Jien iben/bint Alla. Dawn it-tnejn fil-fatt suppost kienu komuni għalina lkoll li qed nisimgħu lil Alla jkellimna permezz tal-Evanġelju tal-lum. Jekk dawn id-deskrizzjonijiet niżżilthom, allura x’aktarx l-identità tiegħek bħala nisrani/ija hija prijorità u ma ssibhiex diffiċli żżejjed biex twieġeb għall-mistoqsija li qiegħed jagħmillek Ġesù: “Int min tgħid li jien?”

Anke jekk dawn iż-żewġ deskrizzjonijet ma kienux fil-lista tagħna, m’għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù qiegħed jitkellem ma’ dawk li l-aktar jafuh. Minn dawn kollha, wieħed biss tah it-tweġiba li xtaq. U nafu sew li għalkemm f’dan il-qari, Pietru, sod daqs blata u juri fidi sħiħa, wara din il-ġrajja se jasal mument li fih Pietru saħansitra jiċħad lil Ġesù. Bħal  Pietru aħna dgħajfa, ġieli nkunu sodi fil-fidi tagħna u ġieli nkunu mimlija bid-dubju. Aħna qegħdin f’mixja. Din il-mixja tgħinna biex insiru nafu lil Ġesù dejjem aktar. Din il-mixja m’aħniex qed nagħmluha waħedna. Aħna parti mill-Knisja li twaqqfet minn Ġesù, biex nies bħal Pietru jgħinu oħrajn jikbru fil-fidi tagħhom, jgħinu nies bħalna meta l-fidi tagħna tiddgħajjef. Għalhekk huwa mportanti li nibqgħu parti mill-komunità nisranija għax waħedna mhux se nsibu għajnuna. Bħala parti mill-Knisja se jkun hemm żmien meta nirċievu għajnuna u żmien ieħor meta nkunu aħna stess li nsostnu lill-oħrajn. Bħala parti minn komunità nisranija ħajja, se nikbru fil-fidi tagħna, u meta Ġesù jistaqsina “Int min tgħid li jien?” ma nweġbux “inti Iben Alla” għax hekk tgħallimna, jew għax nafu li dik għandha tkun it-tweġiba li suppost nagħtu, iżda nwieġbu “inti Iben Alla” bil-konvinzjoni tat-twemmin tagħna.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 16, 13-20) 

F’dak iż-żmien, meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”. U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti”.

“Imma intom min tgħidu li jien?”, staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”.

Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Tagħmel differenza fil-ħajja tiegħek li temmen li Ġesù huwa bin Alla? 
  4. Isma din is-song u rriffletti dwarha: Build my life; nitolbu wkoll għal dawk li qed jgħinuna jew għenuna biex insaħħu l-fidi tagħna.
  5. Biex insir naf lil xi ħadd irrid inqatta’ ħin regolari miegħu jew magħha. Bl-istess mod biex insir naf lil Ġesù rrid ngħaddi ħin miegħu. Nista’ ngħaddi ħin ma’ Ġesù fit-talb, li jinkludi l-quddiesa, fil-kwiet quddiem is-Sagrament, il-qari tal-Bibbja, il-laqgħat ta’ tagħlim, u d-diskussjonijiet ma’ direttur spiritwali.
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn se tiltaqgħu ppreparaw:
    a) Bibbja bil-qari minn San Mattew (16, 13-20)
    b) Xemgħa mixgħula
    ċ) Il-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja u xemgħa, miksija bi drapp aħdar
    d) Ġebla (tirrappreżenta l-blata) u ċwievet – dawn jissemmew fil-qari tal-lum
    e) Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Illum Ġesù se jistaqsi mistoqsija importanti ħafna lill-ħbieb tiegħu. U lil wieħed minn dawn il-ħbieb se jtih isem ġdid!

  • Min hu Ġesù
  • Il-Papa huwa l-kap tal-Knisja

Tfal illum Ġesù staqsa lill-ħbieb tiegħu biex jgħidulu min hu! Kieku xi ħbieb tagħkom jistaqsukom tiddeskrivu lill-mama’, lill-papa’, jew lin-nanniet, jew lil ħutkom, x’se tgħidulhom? Naħseb minbarra li tgħidulhom kif jidhru, tgħidulhom dwar l-affarijiet li jħobbu jagħmlu, forsi xi jħobbu jieklu, films li jħobbu jaraw u ħafna affarijiet oħra. 

Kif irnexxielkom tgħidu dan kollu dwar il-mama’, papa’, ħutkom, nanniet? (għax tafuhom!).

Immaġinaw li għandkom ħabib li ma jaf xejn dwar Ġesù. Darba minnhom kien magħkom u intom għidtulu li se tmorru l-knisja biex tiltaqgħu ma’ Ġesù. Dan il-ħabib jgħidilkom: “Min hu dan Ġesù? X’se tgħidulu?”

Inħallu lit-tfal jgħidu dak li jafu dwar Ġesù. Il-kbar jistgħu iżidu aktar mad-deskrizzjoni tat-tfal. Tajjeb li nispjegaw dak li ngħidu. Jekk per eżempju ngħidu li Ġesù huwa ħanin, infakkru lit-tfal f’xi miraklu li għamel, bħal meta fl-Evanġelju li qrajna xi Ħdud ilu, ra lil dawk in-nies kollha bil-ġuħ u tahom jieklu.

Tiftakru x’qal Ġesù lill-appostlu Xmun wara li dan stqarr li Ġesu’ huwa l-Iben ta’ Alla? (lil Xmun “Bin Ġona” tah isem ġdid)

X’kien l-isem li Ġesù ta lil Xmun? (Pietru jiġifieri blata)

Għalfejn taħsbu li għażel dan l-isem? Bħala ħjiel, ftakru x’qallu ftit wara: “fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi.” (Inħallu lit-tfal jagħtu t-tweġibiet tagħhom)

San Pietru kien l-ewwel Papa. Il-Papa huwa l-kap tal-Knisja Kattolika. Tafu x’jismu l-Papa li għandna bħalissa? (Papa Franġisku)

Papa Franġisku xtaq jiġi Malta u fil-fatt kien se jiġi Malta ftit tax-xhur ilu, iżda ma setax jiġi minħabba l-Corona Virus. Tafu li jekk tridu tistgħu tibgħatulu ittra? Jekk tixtiequ tiktbulu, ibagħtu l-ittra hawnhekk: 

His Holiness Pope Francis
Apostolic Palace
00120 Vatican City

Għall-attività tal-lum kulħadd se jkollu ċ-ċans ikun ‘Ġesù’. Kieku Ġesù kellu jagħtina isem ġdid, dan x’ser ikun? Jibdew il-kbar u jagħtu isem lill-oħrajn. Niftakru li dawn l-ismijiet qiegħed jagħtihom Ġesù, għalhekk jekk xi ħadd minflok aġġettivi sbieħ juża xi ħaġa li twaqqa’ lil dak li jkun, niġbdu l-attenzjoni biex tinbidel din il-kelma jew frażi. Wara, kulħadd jista’ jagħti isem li huma jaħsbu li Ġesù jagħti lilhom (jista’ jintuża xi wieħed milli jkun issemma’).

Ġesù għinna biex insiru nafuk aktar. Jien naf li inti l-akbar ħabib tiegħi, nixtieq li jien ukoll inkun dejjem ħabib miegħek. Ġesù, illum nixtieq li nitolbu għal dawk it-tfal li għadhom qatt ma semgħu bik, ibgħat nies biex inkellmuhom dwarek u jsiru jafu kemm tħobbhom u kemm tixtieq tgħinhom. 

Flimkien nisimgħu, Superhero.

Bħal kull ġimgħa l-Prayer Corner se tgħinna biex nifhmu aktar it-tema tal-Evanġelju.

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jistaqsi mistoqsija importanti ħafna lill-ħbieb tiegħu, u lilna jistaqsihielna wkoll.

  • Aħna nafu min hu Ġesù minn dak li tgħallimna, qrajna u smajna, u rridu nsiru nafuh dejjem aktar
  • Aħna parti mill-Knisja u nistgħu nagħmlu differenza
  • Blocks tal-lego jew xi ditta oħra (mhux inqas minn 20 block)
  • Masking tape
  • Felt pen
  • Printout bit-talba tal-Kredu għal kull persuna

Qabel ma kien hawn il-kompjuters, meta n-nanniet tagħkom kienu għadhom tfal, ħafna kien ikollhom dawk li nsejħulhom penfriends. Dawn kienu jsiru ħbieb ta’ tfal oħra minn xi pajjiż ieħor u kienu jibdew jibgħatulhom l-ittri u wkoll jirċievu l-ittri mingħandhom. Ftakru li s-social media tal-lum ma kienitx teżisti. Dawn l-ittri kienu jintbagħtu bil-posta. Lanqas li jċemplu lil xulxin ma kienet faċli minħabba li telefonata barra minn Malta kienet tiġi għolja. L-ewwel ittri kienu jkunu deskrizzjoni ta’ min huma. Ejjew nimmaġinaw u mmorru lura fiż-żmien, immaġinaw li għandkom pen friend u se tibgħatu l-ewwel ittra. Kif se tiddiskrivu lilkom infuskom? 

Ġesù ma kellux pen friend iżda ried ikun jaf x’jaħsbu dwaru l-ħbieb tiegħu. Għalhekk, staqsiehom biex jgħidulu x’kienu jaħsbu fuqu. Ftakru, li kienu ilhom jgħixu miegħu madwar tliet snin. Bħala Lhud, kienu ilhom ħafna jistennew lill-Messija, iżda qishom, ma kellhomx idea ċara ta’ min seta’ jkun il-Messija. X’aktarx, ħafna kienu qegħdin jistennew xi ħadd li jkun Lhudi u jiggverna hu, u jeħlishom mir-Rumani. Għalhekk, għalkemm lil Ġesù, l-appostli kienu saru jafuh sew, mhux bilfors li kienu jemmnu jew fehmu eżatt li dan kien il-Messija li kienu qegħdin jistennew. Xmun wieġbu tajjeb lil Ġesu’ u qallu li Hu kien il-Messija, l-Iben ta’ Alla. Ġesù, ifaħħar lil Xmun u jgħidlu xi ħaġa li żgur ma kienx qed jistenna. Minn Xmun, iżidlu l-isem ta’ Pietru li jfisser blata. Lil Xmun Pietru, il-Mulej qallu li fuqu kien se jibni l-Knisja tiegħu. San Pietru għalhekk kien l-ewwel Papa, afdat bit-tmexxija tal-Knisja flimkien mal-appostli l-oħra. 

Aħna wkoll parti mill-Knisja. Għalkemm kollha differenti u b’rwoli differenti, il-Knisja ma tkunx l-istess jekk aħna ma nkunux fiha; ma tkunx b’saħħitha jekk nitilqu minna. L-attività tal-lum se tgħinna naraw dan. Kulħadd jieħu numru ta’ blocks. Inwaħħlu biċċa masking tape fuq waħda mill-faċċati tal-block. Fuq waħda minnhom niktbu Papa Franġisku, kulħadd jikteb ismu fuq blocks separati, fuq l-oħrajn jinkitbu ismijiet ta’ nies li nafu u li huma nsara. Meta l-blocks kollha jkollhom isem fuqhom, it-tfal jibnu ħajt bihom. Jekk hemm biżżejjed li tinbena forma ta’ kamra, tinbena kamra u mhux ħajt.

Il-ħajt (kamra) mibni b’mod sod, mhux se jaqa’ malajr. Dan il-ħajt qisu l-komunità nisranija li aħna nagħmlu parti minnha. Jekk xi ħadd ma jkunx irid jibqa’ parti mill-Knisja, u jitlaq, x’jiġri? (inneħħu waħda mill-blocks, jekk hu possibbli min-nofs). Il-ħajt m’għadux sod daqskemm kien qabel. U jekk jitilqu aktar, x’jiġri?

Mela, qed taraw, li aħna min aħna, ilkoll importanti fil-Knisja ta’ Ġesù, u bina u mingħajrna il-Knisja ma tibqax l-istess!

Meta ħajt fid-dar jibda jinbarax jew ikollu l-moffa, x’nagħmlu? Noborxuh u nagħtuh iż-żebgħa. U bħala nsara, l-istess; id-dnub ma jħalliniex sbieħ, għalhekk immorru nqerru u nerġgħu nkunu nodfa. Bħalma ħajt mibrux nagħmluh aħjar meta nkaħħluh u niżbgħuh, hekk ukoll aħna nsiru nsara aħjar u isbaħ, aktar ma nsiru bħal Ġesù. Tiftakru kif nitgħallmu nsiru bħal Ġesù? (naqraw il-Bibbja, imorru l-quddies u laqgħat ta’ katekeżi, nitolbu)Ħa nerġu niftakru fil-mistoqsija li Ġesù għamel lill-appostli: ‘Intom min tgħidu li jien?’ Illum bħala parti mit-talba se ngħidu l-Kredu. (Titqassam printout bil-Kredu). Qabel ma nibdew nitolbuha, kulħadd jimmarka bil-feltpen il-parti li titkellem dwar Ġesù. Il-Kredu hija talba li tiġbor fiha dak li aħna nemmnu flimkien bħala l-knisja.

Flimkien ngħidu l-Kredu.

Il-Kredu tal-Appostli:

Jiena nemmen f’Alla, il-Missier li jista’ kollox
li ħalaq is-sema u l-art,
u f’Ġesu Kristu, Ibnu wieħed Sidna; 
li kien konċeput mill-Ispirtu s-Santu.
Twieled minn Marija verġni,
bata taħt il-ħaqq ta’ Ponzju Pilatu,
sallbuh, miet u difnuh, 
niżel bejn l-imwiet, mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet; 
tala’ fis-smewwiet;
qiegħed in-naħa tal-lemin ta’ Alla l-Missier li jista’ kollox;
minn hemm għandu jiġi biex jagħmel ħaqq 
għall-ħajjin u għall-mejtin.
Nemmen fl-Ispirtu s-Santu,
il-Knisja Mqaddsa Kattolika, 
ix-Xirka tal-Qaddisin,
il-maħfra tad-dnubiet,
il-qawma tal-imwiet,
il-ħajja ta’ dejjem.  Ammen.

Il-Kredu ta’Niċea:

Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.

U f’Mulej wieħed Ġesu’ Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla, imnissel mill-Missier qabel kull żmien.  Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel, mhux magħmul, natura waħda mal-Missier; u bih sar kollox.  Niżel mis-smewwiet għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna.

U ħa l-ġisem bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skond il-Kotba mqaddsa, u tela’ s-sema, u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier. U għandu jerġa’ jiġi bil-glorja biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.

U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja; li ġej mill-Missier u mill-Iben; li hu mequum u mweġġaħ flimkien mal-Missier u mal-Iben; hu li tkellem b’fomm il-profeti.

U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika. Nistqarr magħmudija waħda għall-maħfra tad-dnubiet. U nistenna l-qawma mill-imwiet, u l-ħajja taż-żmien li ġej. Ammen.

Il-Kredu ta’ Niċea huwa l-kredu li ħafna drabi jingħad waqt il-quddiesa.

Flimkien nisimgħu This I believe, the Creed.

Bħal kull ġimgħa, l-Prayer Corner se tgħinna biex nifhmu aktar it-tema tal-Evanġelju.

0%

1. Ir-rakkont tal-Evanġelju tal-jum jindikalna li Ġesù mar f’post partikolari li San Mattew isemmi. Liema kien dan il-post?

Correct! Wrong!

2. Il-Mulej idur lejn l-appostlu “Xmun bin Ġona” u jsejjaħlu b’isem ġdid li jirrapreżenta il-missjoni ġdida li kien se jafdalu. X’inhuwa dan l-isem li Ġesù ta lil Xmun?

Correct! Wrong!

3. Quddiem Sidna Ġesù Kristu, imdawwal mill-Ispirtu t’Alla, Pietru jagħmel stqarrija ta’ fidi, tassew sabiħa. Kif isejjaħlu lill-Mulej?

Correct! Wrong!

4. Fuq l-appostlu Pietru, il-Mulej ried jibni xi ħaġa li “s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex”. X’ried iwaqqaf il-Mulej “fuq” Pietru?

Correct! Wrong!

Please share this quiz to view your results.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.