Ir-ragħaj it-tajjeb u n-nagħaġ tiegħu

Ir-Raba' Ħadd tal-Għid

It-tieni qari ta’ din il-ġimgħa jibda billi jagħtina sejħa u proposta partikolari: “għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju, biex timxu fuq il-passi tiegħu”. Hawnhekk, Ġesù jsejħilna biex inkunu umli bħalu; u biex, bil-paċenzja kollha, nħobbu anke jekk issir ħsara lilna wara li nkunu għamilna xi ħaġa tajba. 

Għaliex Ġesù jsejħilna biex nagħmlu dan kollu? Għax hekk hi l-imħabba! L-imħabba mhix dik li tistmerr it-tbatija personali a skapitu tal-oħrajn. L-imħabba mhix dik li hija egoistika. L-imħabba mhix ossessjonata biex tipprova punt u tieħu r-raġun. Anzi, l-imħabba qiegħda hemm biex “tagħti eżempju”. Aħna nħobbu sabiex nuru lill-oħrajn il-wiċċ ta’ Alla. Inħobbu lill-oħrajn biex aħna nuruhom il-libertà vera – biex inkunu nistgħu nuruhom xi tfisser tassew li tkun “bniedem” (u mhux sempliċiment “annimal”). Aħna nħobbu sabiex inħallu lit-Trinità tikber ġewwa fina – biex aħna nuru lill-oħrajn li huwa possibbli għalina li nkunu ħielsa mir-rabja u l-vendetta! Għax huwa tabilħaqq possibbli għalina li naħfru; huwa tabilħaqq possibbli li nieħdu paċenzja – anke meta l-oħrajn ma jkunux qed jirrispettawna – għax Ġesù għamilha din, u Ġesù kien bniedem sħiħ.

Dan kollu ma jfissirx li għandna nħallu lill-oħrajn jiksru d-dinjità tagħna – imma l-mistoqsija hi, Kristu kien għad fadallu dinjità fuq is-salib? L-għedewwa tiegħu neħħew xi spunt mid-dinjità tiegħu billi insultawh u billi qatluh? Le! Dan għax hemm xi ħaġa ġewwa fina – ix-xbieha ta’ Alla fina — li xejn u ħadd ma jista’ jneħħi. Dan il-valur jingħata lilna minn Alla u jiżdied aktar ma nsiru bħal Alla. Li nħallu lil ħaddieħor jweġġagħna u naħfrulhom huwa għalhekk sinjal ta’ umanità li tiffjorixxi. Mhijiex dgħufija, imma virtù li jistgħu jgħixuha biss dawk li huma miftuħa għall-grazzja u għad-divinità. Fi kliem ieħor, ejjew nkunu umli, paċenzjużi, lesti biex naħfru – dan hu dak li Ġesù qed jsejħilna biex nkunu!

Meta nżommu f’moħħna dan kollu, huwa importanti li ninnotaw li Ġesù mhux sempliċiment jsejħilna biex inħobbu bħalu – qabel ma nagħmlu dan, jistedinna biex nagħmlu xi ħaġa oħra. 

L-ewwel Ġesu jistedinna naċċettaw l-imħabba tiegħu għalina – “bil-ġrieħi tiegħu, ġejna imfejqa”. U għalhekk, li fil-qari tal-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa, Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu li hu l-“bieb” li jridu jgħaddu minnu. Ġesù jwissina li l-ebda profeta jew persuna oħra ma jafuna personalment kif Alla jafna. Li ħadd ieħor mhu Alla inkarnat, ħlief għalih. Ġesù jfakkarna li Hu Ragħaj li hu dejjem fidil magħna – u jsejjaħ lilna lkoll l-insara biex nagħmlu l-istess għall-oħrajn: permezz tal-vokazzjonijiet uniċi tagħna. 

Il-vokazzjonijiet kollha, bil-modi tagħhom, jesprimu l-imħabba ta’ Kristu bħala Ragħaj. Għalhekk irridu nagħrfu l-mod li bih Alla jridna ngħixu ħajjitna, f’ġieħ il-glorja Tiegħu!

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (Ġw 10: 1-10)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.

Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.

Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex? 
  3. Ħu mument biex tesperjenza l-imħabba ta’ Alla għalik – ħalli lil Alla jesprimi l-maħfra tiegħu, il-ħniena tiegħu, u l-għaxqa tiegħu għalik. Dan jista’ jsir permezz ta’ talb silenzjuż, fl-adorazzjoni, billi jinqara xi ktieb partikolari, billi wieħed japprezza s-sbuħija tan-natura, billi jara ‘oħrajn’ bħala ‘rigali’, eċċ. 
  4. Din il-ġimgħa naqraw, “għax Kristu bata għalikom, hu ħallielkom eżempju, biex timxu fuq il-passi tiegħu”. Ħu mument biex tifhem dak li Alla qed isejjaħlek biex tagħmel f’dan il-punt f’ħajtek. B’liema mod iridek “issegwi l-passi tiegħu” – jiġifieri, permezz ta’ liema vokazzjoni?
  5. Ħu mument biex tiftakar li ma nistgħux inkunu bħal Ġesù mingħajr l-għajnuna tal-grazzja. Tabilħaqq, huwa impossibbli għal kull bniedem li jaħfer bis-sħiħ u li jġorr il-mibegħda bl-umiltà – sakemm Alla ma jagħtihx il-grazzja u l-imħabba biex jagħmel dan! Dan ifisser li jeħtieġ li nitolbu b’mod konsistenti għal “grazzja”. Jeħtieġ li ndarru lilna nfusna biex ngħixu ħajja ta’ mħabba. Irridu naċċettaw l-imħabba ta’ Alla u nħossuha, biex min-naħa tagħna nkunu nistgħu nbatu bħalma għamel Kristu, għall-imħabba.
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn  San Ġwann (Ġw 10: 1-10)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

In-nagħaġ jafu l-leħen tar-ragħaj tagħhom u r-ragħaj it-tajjeb (Ġesù) iħares il-merħla tiegħu!

  • L-importanza li nirrikonoxxu li Ġesù huwa r-ragħaj tagħna – li Hu hu l-gwida, il-protettur u l-mexxej maħbub tagħna!
  • Laptop / computer

Għeżież tfal! Ħa nistaqsikom mistoqsija: għandkom xi annimali d-dar? (jekk possibbli, uri stampa jew eżempju tal-pet tiegħek.) Jien għandi wieħed. Kif taħsbu li nieħu ħsiebu dan l-annimal? Iva… Nagħmel cert li jkollu ikel u ilma, u post sigur fejn joqgħod. Ngħinu jieħu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu u anke nilgħab miegħu!

Il-pet tiegħi (i.e., il-qattus/kelb/għasfur/eċċ.) jaf il-vuċi tiegħi. Jekk insejjaħ (lilha/lilu), jafni u jiġi, għax jagħrafni… (u ħafna drabi ikun irid l-ikel). Din il-kreatura taf li jien jimpurtaha minnha u se nieħu ħsiebha. B’xi mod, dan huwa xi ftit bħal li tkun ragħaj.

Tafu x’jagħmel ragħaj? Ragħaj huwa responsabbli għan n-nagħaġ tiegħu. Hemm xi nies li huma rgħajja issa, imma fi żmien il-Bibbja kien hemm saħansitra aktar minnhom. Ir-ragħaj kien jiggwida lin- nagħaġ lejn postijiet fejn ikunu jistgħu jsibu ħaxix biex jieklu, ilma biex jixorbu, u post fejn jistrieħu. In-nagħaġ mhux dejjem ikunu intelliġenti ħafna, iżda huma jitgħallmu jsegwu lir-ragħaj.

Huma jafu meta jkun qed ikellimhom ir-ragħaj u jsegwuh flimkien, jagħrfu li se jwassalhom għal affarijiet tajbin. Jekk lupu jew ors jipprova jattakka l-merħla, ir-ragħaj għandu jipproteġi n-nagħaġ tiegħu, u jkun lest jiġġieled kontra l-predatur. Xi drabi, ir- ragħaj saħansitra jaġixxi bħala bieb! In-nagħaġ kienu spiss jinġabru fi spazju magħluq flimkien (uri stampa jekk għandek waħda), u r-ragħaj kien joqgħod eżatt fil-ftuħ. Kull ħaġa li tipprova tidħol jew toħroġ mill-maqjel kellha tidħol minnu l-ewwel, sabiex ikun jista’ jimmonitorja u jiżgura li n-nagħaġ kollha jibqgħu siguri.

Fl-Evanġelju tagħna llum, Ġesù qabbel lilu nnifsu ma’ ragħaj. Jgħid li Hu l-bieb. U huwa biss hu l-bieb għall-ħajja. Aħna bħal nagħaġ, nduru u neħtieġu gwida! Nistgħu nafdaw f’Ġesù biex jipprovdi għalina u jipproteġina. Huwa qal li ragħaj tajjeb saħansitra jagħti ħajtu għan-nagħaġ, u infatti hekk għamel Ġesù!

Inroddu s-salib

Ġesù, grazzi talli int ir-Ragħaj it-Tajjeb! Jekk jogħġbok għinna nisimgħu leħnek u nsegwuk u nafdawk. Aħna nafu li se tiggwidana u tipproteġina. Grazzi talli tieħu ħsiebna. Grazzi tal-imħabba tiegħek! Inħobbok, għażiż Ġesù! Għidu t-talba tal-Missierna bil-qalb.

Fl-evanġelju tal-lum, Ġesù jsejħilna biex nimxu fuq l-eżempju tiegħu u nħobbu anke meta nkunu qed niġu trattati ħażin għall-azzjonijiet tajbin tagħna. Ifakkarna wkoll li Hu r-Ragħaj perfett u jsejħilna lkoll biex inkunu bħalu!

  • Li tkun bħal Ġesù jfisser li tkun taħfer u umli f’kull sitwazzjoni fil-ħajja.
  • Whiteboard
  • Whiteboard Marker 

Illum irrid inkellimkom fuq sitwazzjoni li forsi esperjenzajtu. Immaġinaw żewġt itfal li dejjem iġibu ruħhom tajjeb. Naturalment, dawn huma żewġt itfal kompletament immaġinarji li ma jeżistux fir-realtà. Ma jemmnux li hu tajjeb li tolqot, imma darba waħda, wieħed minn dawn it-tfal – forsi ħabib tiegħek – issibu jolqot lil xi ħadd. Tgħidlu, “għaliex ilqatt lil oħtok? Ma tafx li hu ħażin?”

Tistaw taqtaw it-tweġiba li se jagħtikhom? “Hi għamlitli hekk, allura…”, u tistaw timlew il-vojt. Xi ħadd minnkom qatt esperjenza dan? “Iva, huwa ħażin li tagħmel […], iżda minħabba dan, ma kelli l-ebda għażla”. Qatt għamiltu xi ħaġa simili f’ħajjitkom?

Irridkom tieħdu minuta u toħorġu bi ftit sitwazzjonijiet simili. Ħa nagħtikom ftit eżempji jien stess, u mbagħad nagħtikhom minuta:

“Huwa żbaljat li tqarraq, imma għax il-liġi tat-taxxa hija inġusta, għandi dritt nevita li nħallas it-taxxi”.

“Ħażin li tgħid fuq l-oħrajn, imma għax ħabibti ma tismagħnix, għandi dritt ngħid lil ħaddieħor x’naħseb dwarha”.

Ipprovaw oħorġu bi ftit eżempji intom.

[diskussjoni].

Fit-tieni qari ta’ din il-ġimgħa, niskopru proposta li Alla jagħmilna. Naqraw, “għal dan ġejtu msejħin, għax Kristu bata għalikhom, u ħallielkom eżempju, biex timxu fuq il-passi tiegħu”. Hawnhekk, Ġesu jsejħilna biex inkunu bħalu – imma b’mod speċifiku ħafna! Jgħidilna li jekk qatt nagħmlu xi ħaġa tajba u xorta nispiċċaw nbagħtu għaliha, m’għandniex nippruvaw nivvendikaw jew nirrabjaw. Din hi ħaġa diffiċli ħafna. Tassew, aħsbu ftit dwarha: tbati wara li tagħmel it-tajjeb, u tissaporti bil-paċenzja kollha!

Imma l-ħajja ta’ Ġesù huwa l-eżempju tajjeb ta’ xi ħadd li ssaporta taħt it-tbatija – waqt li għamel il-ġid. Fil-​fatt, l-​eżempju taʼ Ġesù huwa eżattament dak li jistaʼ jagħti t-tama lil xi ħadd li qed ibati talli jagħmel il-​ġid. Aħna ma nbatux bl-istess mod għall-fidi tagħna, imma l-eżempju ta’ Ġesù huwa dak li jista’ jsostnina meta ningħataw kmand li ma rridux nobdu. Anke jekk m’għandniex dejjem nobdu kollox (għax jiddependi mill-kmand) – irridu nitgħallmu nobdu biex nagħmlu l-ġid anke meta ma jkollniex aptit. Ġesù ssaporta t-tbatija sal-mewt; u allura aħna nistgħu ukoll nagħmlu affarijiet simili! Nistgħu, per eżempju, nirrispettaw lil xi ħabib jew xi għalliem anke jekk huma ma jirrispettawniex! Kulħadd jaf jiġġieled; imma jeħtieġ l-eżempju u l-qawwa ta’ Ġesù biex wieħed jobdi lil Alla u jħobb.

Issa ħa nistaqsikom: minn xiex għaddejjin bħalissa? Xi tbatija qed tissaportu? Liema ħabib jew persuna qed tagħmillek ħajtek diffiċli? Liema persuna f’ħajtek qed taġixxi ħażin tant li titħajjar tikkomprometti dak kollu li temmen biex tkun tista’ tpattijielhom?

F’dan kollu, ħares lejn l-eżempju ta’ Ġesù biex tiftakar fir-raġunijiet tajbin biex tkun tista tħobb u biex tibqa’ fidil anke meta jkun diffiċli. 

Fl-aħħarnett, tajjeb li wieħed jinnota li dan kollu jirrigwarda l-messaġġ primarju tal-Evanġelju għal din il-ġimgħa. Fis-silta tal-Evanġelju ta’ din il-ġimgħa, Ġesù jgħidilna li Hu r-Ragħaj tagħna. Dan ifisser li Ġesù qiegħed dejjem hemm biex jiggwidana meta nkunu mitlufa, biex isalvana meta nkunu fil-periklu, biex jaħfrilna, u biex iħobbna. Huwa joħroġ minn triqtu biex jipproteġina u jaf lil kull wieħed minna personalment b’isimna! Aħna kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù anki hawn? Kif nistgħu nkunu wkoll Ragħaja?

(ħalli mument għad-diskussjoni).

Ejjew nitolbu biex Ġesù jgħinna nkunu Ragħajja bħalu!

Inroddu s-salib

Għażiż Ġesù, nitolbuk b’umiltà biex tgħinna nkunu bħalek meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja. Nitolbu biex tgħinna nissaportu anke meta xi ħadd ikun qed jagħmilha diffiċli għalina biex inkunu paċenzjużi u ġentili! Agħtina s-saħħa biex inħobbu u nagħtu eżempju. Aħna nħobbuk!

Amen.

Dalwaqt.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.