San Tumas Appostlu

3 ta' Lulju

San Tumas Appostlu huwa magħruf bħala dak li jiddubita.  Ismu bis-Sirjan ifisser Tewmi, u bil-Grieg hu Didimus.

Ma nafu kważi xejn dwar il-ħajja ta’ dan l-appostlu.  Nafu li kien Lhudi u li trabba ġo familja sempliċi ġewwa wieħed mill-irħula tal-Galilija.  Aktarx li kien sajjied u m’hemm l-ebda ħjiel dwar kif kien imsejjaħ biex ikun wieħed mit-Tnax.

Ismu jissemma bħala wieħed mill-Appostli fl-Evanġelji Sinottiċi (l-Evanġelji skont San Mattew, San Mark u San Luqa), filwaqt li l-personalità tiegħu tispikka meta    Tumas jissemma fl-Evanġelju skont San Ġwann.  F’dan l-Evanġelju, insibu kliem li ħarġu minn fomm Tumas innifsu fi tlett sitwazzjonijiet differenti, aktar minn ħafna mill-Appostli l-oħra.

Tumas jispikka bħala Appostlu leali ta’ Ġesu’ (Ġw 11:16).  Meta Ġesù kien sejjer lura lejn il-Lhudija biex iżur lil Lażżru, l-Appostli ma kinux ċerti, għax jekk imur lura seta’ jkun ta theddida għall-ħajja ta’ Ġesù minħabba l-aggressjoni tal-awtoritajiet.  Kien Tumas li ħeġġeġ lill-Appostli l-oħra biex jakkumpanjaw lil Ġesù u jekk ikun hemm bżonn imutu miegħu! Kien waqt l-Aħħar Ċena  (Ġw 14: 1-5) li Tumas, bħala dixxiplu kurjuż, stqarr li ma kienx qed jifhem fejn kien sejjer Ġesù biex iħejjilhom post. Tumas irċieva dikjarazzjoni sinifikanti mingħand Ġesù nnifsu fejn Hu stqarr li ‘Hu t-Triq, l-Verità u l-Ħajja’.

Wara l-Qawmien ta’ Ġesù mill-Imwiet, Tumas jidher bħala l-Appostlu li nbidel minn bniedem mimli dubji f’Appostlu li stqarr b’qawwa d-Divinità ta’ Ġesù (Ġw 20: 24-31). Tumas ma riedx jemmen dak li qalulu l-Appostli l-oħra li kienu raw lil Ġesù rxuxtat; huwa qal li jemmen jekk hu stess jara l-marki tal-Passjoni.  Ġesù tah din l-opportunità meta deher lill-Appostli ġimgħa wara; kien hemm u minn fomm San Tumas ħarġet l-istqarrija: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi,” Ġesù kompla billi qallu “Emmint għax rajtni: hienja dawk li ma rawx u emmnu!”

Dak li nafu dwar San Tumas wara Pentekoste huwa bbażżat fuq it-Tradizzjoni.  Huwa mifhum li l-Appostli qablu dwar liema pajjiżi kellhom imorru jevanġelizzaw. Tumas intbagħat jippriedka l-Evanġelju lill-Parti, lill-Medi u lill-Persjani u baqa’ sejjer sa ma’ daħal fl-Indja fil-kosta ta’ Malabar.

San Tumas miet martri bid-daqqiet ta’ lanza u jinsab midfun f’Maljapore, fl-Indja. Wara l-fdalijiet tiegħu ttieħdu Ortana, fl-Italja.  

Wara li taraw il-filmat jew taqraw dwar il-ħajja ta’ San Tumas mill-Bibbja, iddiskuti dwar dak li qrajtu mat-tfal.

Kif kont tħossok kieku kont f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet fejn Ġesù deher lill-Appostli?  Kieku kont Tumas, x’kont tagħmel u x’kont tħoss?  Dwar min kien qed jitkellem Ġesù meta qal: “imberkin dawk li ma jarawx u jemmnu?”. Għidilhom li Ġesù kien qed jitkellem għalina! Aħna qatt ma rajna lil Ġesù, imma xorta waħda nemmnu li hu jeżisti u li jħobbna!

Mat-tfal ikbar, tista’ titkellem dwar ir-rabta bejn il-fidi u l-fiduċja.  Mhux biss fil-kuntest ta’ kwistjonijiet reliġjużi iżda wkoll dwar il-kultura, il-politika u x-xjenza. Ħu din l-opportunità biex tagħtihom l-attenzjoni sħiħa tiegħek, isma’ sew, u tiggwidahom biex jiskopru t-tweġibiet flimkien.

Ħin għat-Talb mal-Familja

  • iddedika ħin għat-talb biex tistqarr il-Fidi tiegħek
  • għid lit-tfal biex jixgħelu xemgħa
  • żommu jdejn xulxin u għidu l-Kredu.

Għal tfal żgħar tista’ tuża verżjoni aktar sempliċi.

Ħeġġeġ lit-tfal biex jgħidu din it-talba “Mulej tiegħi u Alla tiegħi, jiena nħobbok u nadurak” waqt il-konsagrazzjoni fil-Quddiesa bħala stqarrija ta’ Fidi fl-Ewkaristija. Il-Preżenza vera ta’ Ġesù Kristu fl-Ostja u fl-Inbid hekk kif jiġu elevati mis-Saċerdot biex nesprimu l-Fidi u l-Adorazzjoni tagħna.   

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.