Isimgħu Lilu!

It-Tieni Ħadd tar-Randan

Hekk kif matul l-Ewwel Ħadd tar-Randan, il-Knisja dejjem tagħtina l-qari ta’ Ġesù fid-deżert u t-tentazzjonijiet, fit-Tieni Ħadd tar-Randan, nisimgħu dwar meta Ġesù kien trasfigurat. Din is-sena qegħdin naqraw mill-Evanġelju skont San Mark, is-sena l-oħra smajna dan il-qari skont San Mattew, u s-sena d-dieħla nisimgħu l-qari mill-Evanġelju ta’ Luqa. L-Evanġelji ta’ Mark, Mattew u Luqa jissejħu sinottiċi. Din ġejja minn kelma griega li tfisser li mad-daqqa t’għajn hemm xebh bejn dawn l-Evanġelji. Numru ta’ rakkonti, bħal dan tat-trasfigurazzjoni, insibuhom fit-tliet Evanġelji Sinottiċi li bejn wieħed u ieħor jżommu l-istess ordni ta’ kif seħħew dawn il-ġrajjiet. L-Evanġelju skont San Ġwann jieħu perspettiva kemmxejn differenti u jidħol aktar fil-fond fit-teoloġija tal-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù.

Ġesù, jitla’ fuq muntanja għolja ma’ tlieta mill-appostli. Qatt ma hi faċli li titla’ muntanja, fiha ħafna strapazz, tgħejja u jista’ jkun li f’xi ħin taqta’ qalbek ukoll. Jista’ jkun li dawn kienu xi ħsibijiet li kellhom dawn it-tliet appostli huma u telgħin. Jekk qatt tlajtu fuq muntanja bil-mixi, jew tal-anqas parti minnha bil-mixi, tafu li meta tasal fuq nett u tara dik il-veduta ta’ meravilja taħtek, tgħid li vera kienet worth it! Hekk ġralhom dawn l-appostli. Meta waslu fil-quċċata, Ġesù inbidel quddiemhom. Il-bidla tant kienet tal-għaġeb u li qatt ma raw bħala, li beżżgħethom, ħawdithom u fl-istess ħin tant tathom paċi, li xtaqu jibqgħu hemm. 

Din hija l-ħajja nisranija tagħna. Nimxu ma’ Ġesù. It-triq xi drabi hija għall-wita, u xi drabi oħrajn hija iebsa u wieqfa. Madanakollu,  il-ġrajja tal-lum tagħtina ħafna tama, bħalma tat lil dawn it-tliet appostli. Ftit wara din il-ġrajja, huma għaddew minn prova, meta Ġesù ġie ikkundannat għall-mewt, u rawh f’dik it-tbatija kollha. Għalkemm ma fehmux dik id-dehra, dak il-ħin, fehmuha aktar tard, wara li Ġesù qam mill-mewt. Dan huwa r-Randan, nistgħu ngħidu li l-ħajja tagħna hija Randan twil, imma nafu u nemmnu li fl-aħħar hemm ir-rebħa fuq il-mewt. Kif Ġesù rebaħ lil mewt, hekk ukoll aħna għad inqumu mill-mewt biex ingawduh għal dejjem, u bħal Pietru nkunu nistgħu ngħidu: “kemm hu sew li aħna hawn!”

Kif ser nirbħu din il-mewt? Kif ser jirnexxielna nibqgħu nittamaw meta t-triq quddiema tkun kollha ostakli u diffikultajiet? Alla l-Missier, illum jagħtina wkoll din is-soluzzjoni, irridu nisimgħu l-leħen ta’ Ġesù, u nagħmlu dak li qiegħed jgħidilna hu. Kif Ġesù mexa mat-tliet appostli biex telgħu fuq il-quċċata tal-muntajna, Ġesù jimxi magħna wkoll. Lil Ġesù narawh li jinżel mill-muntanja mal-appostli wkoll. Ġesù qiegħed magħna f’kull ħin, dawk fejn inħossuna li lħaqna s-sema u wkoll dawk fejn inħossuna li mexjin f’wied mudlam.

Meta nisimgħu lil Ġesù u nimxu miegħu, insibu li ser ikun hemm ħinijiet fejn il-preżenza ta’ Alla inħossuha fil-qrib ħafna. Ikollna dik l-istess sensazzjoni li kellu Pietru, li xtaq li ma tispiċċa qatt. It-talb huwa ħin li nistgħu verament nersqu qrib tal-Mulej u nħalluh iwennisna bil-preżenza tiegħu, u jagħtina l-kuraġġ u dak li għandna bżonn biex nibqgħu telgħin il-muntanja tagħna, sakemm xi darba, naslu fil-quċċata u nkunu nistgħu ngawdu l-preżenza tiegħu għal dejjem. 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 9, 2-10) 

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù.

Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.

Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Qatt kont f’sitwazzjoni fejn kien hemm folla ta’ nies u t-tfal tlifthom għal xi ħin, u għalkemm f’dawn in-nies kollha rnexxielekx tisma’ leħinhom jgħajjatlek? Kif irnexxielek tagħraf leħinhom? Għax lit-tfal tafhom sew. Hekk ukoll irridu nagħmlu biex nagħrfu leħen Ġesù. L-ewwel irridu nsiru nafuh, biex imbagħad inkunu nistgħu nagħrfu leħnu minn dak l-istorbju u ilħna oħra ta’ madwarna. Matul ir-Randan, sib ħin biex taqra silta mill-Bibbja kuljum. Imbagħad ibqa’ żomm dan il-ħin, anke wara r-Randan. Hawn ħafna għajnuniet biex tagħmel dan, fosthom din il-podcast , li għalkemm bdiet f’Jannar, wieħed jista’ jibda din il-mixja meta jrid.
  4. Matul ir-Randan, aħna msejħa biex inżidu fil-ħin ta’ talb tagħna u b’hekk nikbru fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Matul din il-ġimgħa, għamel appuntament ma’ Alla. Niżżel dan il-ħin mal-appuntamenti kollha l-oħra li għandek u ara li żżommu. Tajjeb li jkun ħin li tista’ tkun waħdek mingħajr distrazzjonijiet. Oqgħod fis-skiet u ħalli lil Alla jkellmek. L-appostli semgħuh jgħidilhom: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Ħallih ikellem lilek ukoll.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark  (9, 2-10);
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp vjola;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja


Illum ser nisimgħu kif Ġesù tela’ ma’ tlieta mill-appostli fuq muntanja, u hemmhekk inbidel quddiemhom. Il-ħwejjeġ li kien liebes saru bojod ħafna ħafna u ħdejh dehru żewġt irġiel oħra, Mosè u Elija. Dawn kienu nies li għexu ħafna snin qabel ma twieled Ġesù. Tiftakru tfal, min kien Mosè? Mosè, kien dak li bl-għajnuna ta’ Alla ħeles lil-Lhud mill-Eġittu. Elija kien profeta li kien jgħallem lin-nies dwar Alla.

  • Alla jrid li nisimgħu dak li jgħidilna Ġesù 
  • Ġesù huwa iben Alla
  • Printouts tal-attività
  • Kuluri 
  • Gloj 
  • Kartonċina
  • Imqass 
  • 3 tazzi tal-ħġieg
  • 3 tazzi tal-plastik
  • Ħelu

Nota lill-ġenituri: Qabel ma tibdew, ippreparaw it-tazzi u l-ħelu. L-ewwel li ser tużaw huma t-tazzi tal-plastik. Poġġuhom rashom l-isfel u taħt waħda poġġu ftit ħelu. Ikollkom wkoll it-tazzi tal-ħġieġ ippreparati bl-istess mod.

Illum ser nibdew b’logħba u xi ħaġa li tħobbu. Taħt waħda minn dawn it-tazzi (uru t-tazzi tal-plastik) hawn il-ħelu. Tafu taħt liema qegħdin? (Ħallu lit-tfal jaqtgħu fejn qegħdin)

Mhux mal-ewwel qtajna fejn qegħdin il-ħelu hux hekk? Imma issa, din il-logħba ser tkun aktar faċli. (Uruhom it-tazzi tal-ħġieg) Issa diffiċli li tindunaw fejnhom il-ħelu?

Illum Ġesù qisu lagħab din il-logħba mal-appostli. Ma kellux ħelu x’jagħtihom, imma għenhom jifhmu min hu. F’dak iż-żminijiet, in-nies kollha kienu qegħdin jistennew lill-Messija, Iben Alla. Il-Messija kellu jsalvahom. Aħna nafu li Ġesù kien il-Messija, imma huma ma kienux jafu, jew forsi ma tantx kienu ċerti. Għalhekk meta nbidel quddiemhom, kif smajna fl-Evanġelju tal-lum, huma raw u emmnu li Ġesù kien vera l-Iben ta’ Alla. Ma fehmux eżatt dak li ried jgħidilhom, imma aktar ’il quddiem, meta Ġesù qam mill-mewt, fehmuh aktar. Mela qabel din il-ġrajja tal-lum, għall-appostli, Ġesù kien bħal dawk il-ħelu taħt it-tazza tal-plastik. Qisu ma kienx ċar għall-appostli, min kien eżatt Ġesù. Imma mbagħad, meta nbiddel quddiemhom, u semgħu dak il-leħen jgħid “Ġesù,  hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu,” hu sar qisu l-ħelu taħt it-tazza tal-ħġieġ, huma setgħu jaraw aktar ċar min kien Ġesù. 

Intom tafu min hu Ġesù? Alla qalilna, li biex insiru nafu aktar lil Ġesù, irridu nisimgħuh.

Qatt xi ħadd qalilkom: “Iftaħ ftit widnejk sew u ismagħni!” X’aktarx il-mama jew il-papa qalulkom hekk meta staqsewkom xi ħaġa, għal darba, tnejn, tlieta, u intom tant kontu aljenati li ma smajtuhomx. Biex nisimgħu lil Ġesù, irridu niftħu widnejna sew ukoll.  Meta nisimgħu lil Ġesù, insiru nafuh aktar, bħall-appostli. Meta l-appostli saru jafuh lil Ġesù, bdew imorru fejn imur hu u jagħmlu dak li xtaq. Aħna wkoll hekk jiġrielna. Meta nsiru nafu lil Ġesù, nibdew nagħmlu dak li jixtieq u għalkemm lil Ġesù ma nistgħux narawh, kif rawh l-appostli, nafu li Ġesù qiegħed jimxi magħna dejjem. Għalhekk, aktar tard, meta tkunu qegħdin tagħmlu l-attività tal-lum, isimgħu din: Walking with Jesus.

Tiftakru x’għedna l-ġimgħa l-oħra? Matul ir-Randan ser nippruvaw li kuljum bl-għajnuna tal-ġenituri, naqraw ġrajja mill-Bibbja. Meta naqraw mill-Bibbja, speċjalment dawk il-ġrajjet, ta’ wara t-twelid ta’ Ġesù, inkunu qegħdin nisimgħu lil Ġesù jkellimna. Biex niftakru li rridu nisimgħu sew, se nagħmlu widnejn xi ftit kbar!

Bl-għajnuna tal-ġenituri tagħkom, aqtgħu strixxa mill-kartonċina, li tkun twila biżżejjed li ddur ma raskom. Fuqha waħħlu l-kliem: Nisma’ leħen Ġesù. Tistgħu tagħtu l-kulur lil dawn il-kliem. Waħħlu l-istrixxa tal-kartonċina biex tiġi ċirku li jidħol fuq raskom. Il-widnejn waħħluhom fuq biċċa kartonċina oħra, aqtgħuhom u agħtuhom il-kulur. Meta tlestu waħħlu l-widnejn fil-ġenb taċ-ċirku, biex meta tilbsuh, tiġu qiskom għandhom widnejn kbar li jisimgħu ħafna.  Dawn il-widnejn ħalluhom ħdejn il-Bibbja tagħkom u jekk tridu tistgħu tilbsuhom kull darba li taqraw ġrajja mill-bibbja. U wkoll, kull darba li tarawhom, ser ifakkrukom, li Ġesù jixtieq jitkellem magħkom, mhux biss meta taqraw mill-Bibbja, imma wkoll meta titolbu.

Irroddu s-salib.

Għażiż Ġesù, aħna nixtiequ nsiru nafuk aktar u rridu nisimgħuk tkellimna wkoll. Xi drabi meta nkunu qegħdin nisimgħu ġrajja mill-Bibbja, noqgħodu naħsbu dwar affarijiet oħra, u mhux nisimgħu dak li qiegħed tgħidilna inti. Għinna Ġesù, biex kull darba li nisimgħuk tkellimna, noqgħodu aktar attenti. Grazzi Ġesù. Aħna inħobbuk. 

Nota lill-ġenituri: ftakru agħtu l-ħelu lit-tfal 😊 

Xi ġranet qabel ma seħħet din il-ġrajja li ser naqraw illum, Ġesù kien tkellem mal-appostli, u qalilhom li hu kien ser ibati, jmut u jqum mill-mewt wara tliet ijiem. L-appostli ma fehmux x’qalilhom Ġesù. Imbagħad, għażel tlieta minnhom, u ħadhom fuq muntanja, fejn inbidel quddiemhom. Ġesù, uriehom kif kien jidher bħala Alla. Għamel dan biex jemmnu li hu kien l-Iben t’Alla, magħmul bniedem, u wkoll biex ma jaqtgħux qalbhom meta jarawh ibati u jmut fuq is-salib.

  • Ġesù, jinbidel quddiem l-appostli, biex juri li huwa veru Alla
  • Irridu nitgħallmu nisimgħu l-leħen ta’ Ġesù jkellimna
  • Karta vojta
  • Lapes
  • Kuluri 
  • Kartonċina
  • Gloj 
  • Imqass

Fl-Evanġelju tal-lum, smajna l-ismijiet ta’ żewġt irġiel li kienu jgħixu ħafna snin qabel ma twieled Ġesù. Tiftkaru x’kien jisimhom? (Mosè u Elija)

Tafu min kienu?

Mosè, għex, bejn wieħed u ieħor, madwar elf sena qabel ma twieled Ġesù. Bl-għajnuna ta’ Alla, Mosè, ħeles lill-poplu Lhudi mill-Eġittu u wasslu f’art li wiegħedhom Alla.

Elija kien profeta, li għex madwar 800 sena qabel Ġesù. Profeta huwa persuna li għallem lin-nies dwar Alla; kien qisu l-messaġġier ta’ Alla.

Mhux ta’ b’xejn li Pietru, Ġakbu u Ġwanni, beżgħu! Raw lil Ġesù b’mod li qatt u qatt qabel ma kienu rawh. Fil-fatt, lil ħadd qatt ma raw, kif raw lil Ġesù dakinhar u raw ukoll lil dawn iż-żewġt irġiel li kienu ilhom ħafna li mietu. U dan ma kienx kollox. Ftit wara, semgħu leħen mis-sħaba jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”.

Din il-ġrajja, għenet lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni, jifhmu ftit aktar dak li Ġesù kien qalilhom xi ġranet qabel. Huma emmnu wkoll li Ġesù kien l-Iben ta’ Alla, il-Messija li kienu ilhom jistennew li jitwieled biex isalvahom. Xorta waħda ma fehmux kulma qalilhom Ġesù. Biż-żmien, speċjalment wara li Ġesù qam mill-mewt u wara li niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu, l-appostli fehmu ħafna aktar dak li Ġesù kien qalilhom u għallimhom, matul is-snin li għex magħhom.

Kieku intom kontu hemm, x’kontu tagħmlu? (agħtu ċans lit-tfal jimmaġinaw din is-sitwazzjoni)

Ħadd minna ma kien mal-appostli u ħadd ma ra lil Ġesù jinbidel u lanqas ma smajna dak il-leħen mis-sħab. Dan kien il-leħen ta’ Alla. Għalkemm aħna ma konniex hemm, dak il-leħen, illum qiegħed jgħid lilna wkoll: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”.

Kif nistgħu nisimgħu lil Ġesù jkellimna? (Bibbja, talb, laqgħat tad-duttrina, waqt l-omelija fil-quddiesa)

Intom taħsbu li hu biżżejjed li nisimgħu lil Ġesù jkellimna?

Aħna għandna nisimgħu lil Ġesù jkellimna, biex nitgħallmu kif għandna ngħixu. Mela rridu nisimgħuh u nagħmlu dak li qiegħed jgħidilna. X’taħsbu li jrid jgħidilna Ġesù? X’taħsbu li qiegħed jgħidilna nagħmlu? (agħtu ċans lit-tfal iwieġbu)

Fuq il-karta agħmlu l-forma ta’ idejkom. Din ser tgħinkom tiftakru dak li qiegħed jgħidilkom Ġesù. Jekk tridu tistgħu twaħħlu din il-forma tal-id fuq kartonċina biex tkun aktar soda. Fuq is-swaba ser tiktbu dak li Ġesù jixtieqna li nagħmlu:

  • Nitolbu
  • Ngħinu lill-oħrajn (fid-dar, lin-nanniet, lill-ħbieb u lil dawk li nafu u ngħinu wkoll lill-fqar bil-flus tagħna)
  • Naqsmu dak li għandna
  • Nieħdu ħsieb l-oħrajn u nħobbuhom
  • Naħfru lil min iweġġgħana

Din il-forma tal-id, inħalluha ħdejn is-sodda tagħna, jew f’xi post ieħor fejn narawha ta’ sikwiet, biex niftakru f’dak li qiegħed jgħidilna Ġesù. 

Ġesù ma jridx li nkunu mdejqa. Meta nagħmlu dak li jixtieq Ġesù, għalkemm mhux dejjem faċli li nagħmluh, inkunu ferħanin. Meta Pietru ra lil Ġesù jinbidel, tant kien ferħan, li xtaq li dak il-ħin ma jispiċċa qatt. U aħna l-istess, ikollna dan il-ferħ meta nisimgħu u nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù. Waqt li tkunu qegħdin tlestu l-forma tal-id, isimgħu, Sing, shout, clap.

Irroddu s-salib.

Meta ngħidu l-misteri tad-dawl, fir-raba’ misteru, niftakru meta Ġesù nbiddel quddiem l-appostli. Għalhekk, illum nitolbu l-misteri tad-dawl.

1. L-Evanġelju tal-lum, jirrakkuntalna li Ġesù ħa lil xi wħud mill-appostli fuq...

Correct! Wrong!

2. Min kienu l-appostli li Ġesù ħa miegħu?

Correct! Wrong!

3. X'għamel Ġesù' waqt li hu u l-appostli kienu fil-post li marru fih?

Correct! Wrong!

4. Min kienu l-irġiel li dehru maġenb Ġesù waqt li kien qed jiġri dan kollu?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.