It-Tempju Tiegħu

Spazju ta’ talb fid-dar u Talba għan-nanniet

Ġieli smajtu l-qawl Malti: Kliem ix-xiħ żomm fih? Dan il-qawl jgħidilna li nistgħu nsiru aktar għorrief jekk aħna nisimgħu minn kliem l-anzjani tagħna.   

Waqt li naqraw l-istorja ta’ meta Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù biex jipprezentawh fit-tempju, San Luqa jgħidilna li l-Ispirtu ta’ Alla għen lix-xwejjaħ Xmun u lil waħda mara anzjana li kien jismha Anna biex jagħrfu li Alla kien viċin tagħhom aktar milli qatt setgħu jimmaġinaw.  Tant viċin li Xmun seta’ jerfa’ lit-tarbija u ħass ferħ kbir f’qalbu.  

Madwarna niltaqgħu ma’ anzjani bħal Xmun u Anna li kliemhom  jkun mimli għerf għaliex jkunu għarfu lil Ġesù.  Dawn l-anzjani jistgħu jkunu l-ġirien jew in-nanniet tagħna li jħobbuna u jriduna nagħrfu li Alla huwa magħna u jħobbna l-ħin kollu.  Huma jfakkruna li aħna kollha tempji fejn jgħix Alla.

Il-prayer space li ser nagħmlu llum (fimkien ma dawk li jgħixu magħna) jisimha: It-Tempju Tiegħu u biex nagħmluha għadna bżonn:

  • karta ta’ daqs A4 preferibbilment ikkulurita
  • envelop abjad ta’ daqs A3 bil-biċċa li jinagħlaq tiegħu fil-forma triangulari
  • ritratt tiegħek daqs dak ta’ passaport
  • uhu stick
  • markers

Ibda billi tiftaħ l-envelop u tweħħel il-faċċata tiegħu mal-karta ta’ daqs A4.  Tinsiex twaħħal ukoll l-biċċa l-miftuħa tal-envelop.

Fuq il-ponta tal-biċċa miftuħa tal-envelop pinġi forma ta’ salib u waqt li twaħħal ir-ritratt tiegħek jew tinġi lilek nnifsek fin-nofs tal-envelop fakkar lilek nnifsek li aħna kollha bħal tempji fejn jgħix Alla u fejn nsiru nafuh.  

Issa, ħu ftit ħin sabiex taħseb f’anzjani li taf u li bi kliemhom mimli għerf jgħinuna nsiru nafu aktar lil Alla u nindunaw li hu qiegħed f’kull wieħed u waħda minna.

 Ikteb l-ismijiet ta’ dawn l-anzjani fuq l-envelop u itlob għalihom.

Tista’ titlob lil Alla sabiex jberikom u jagħtihom dak kollu li jeħtieġu filwaqt li tirringrazzjah għall-għerf tagħhom għaliex jgħallmuna kif nagħrfuh u nindunaw li hu  dejjem magħna jħobbna bla kundizzjoni.

Pawza ta’ 10 sekondi miġburin fit-talb.

Saħħa ħbieb sakemm nerġgħu niltaqgħu.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.