Ħelow Tfal!
Ġie li kontu qed taraw xi film u kien hemm xi xena ta’ xi post qed jaqbad bin-nar, jew jista’ jkun li rajtu xi xena simili fir-realtà? Innutajtu kemm in-nar jinfirex malajr? Imbagħad jiġu l-ħaddiema tat-tifi tan-nar bil-vettura u jibdew jissieltu biex jitfu n-nar. U meta jkun infirex sew, idumu jitħabtu ftit sakemm in-nar jintefa għal kollox. L-għejja tibda tagħmel xi ftit tagħha wkoll, imma dawn il-ħaddiema jkunu sodisfatti li l-missjoni tagħhom tkun ġiet mwettqa.
Xi drabi fil-ħajja ngħaddu minn ċirkustanzi fejn inħossuna ftit imħawwdin u irrabjati. Importanti li f’mumenti bħal dawn infittxu l-għajnuna biex nikkalmaw in-nar li jkun qiegħed jaqbad fina, jiġifieri li nitkellmu dwar din is-sitwazzjoni ma’ xi ħadd li jista’ jgħinna biex in-nar ma jinfirix, jiġifieri r-rabja ma tikbirx. Il-Prayer Space tal-lum jisimha: It-Tifi tan-Nar. Għaliha wieħed għandu bżonn:
Sib spazju fil-kwiet u aħseb ftit f’sitwazzjoni li għaddejt minnha fil-ħajja tiegħek fejn tħoss li n-nar kien qiegħed jaqbad, kont xi ftit irrabjat, irrabjata. Ikteb jew pinġi din is-sitwazzjoni fuq il-karta. Għaffeġ il-karta u itfagħhha ġol-borma jew l-oġġett l-ieħor li qed tuża’. Qabbad sulfarina u aħraqha. (Importanti jkun hemm xi adult preżenti miegħek). Imbagħad itfa’ l-ilma biex titfi n-nar. Itlob lil Alla jgħinnek biex f’mumenti bħal dawn bħall-ħaddiema tat-tifi tan-nar tagħmel il-ħila tiegħek biex n-nar ma jkomplix jinfirex, u tirrenja iktar il-kalma.