Fl-14 ta’ Frar ħafna nies jagħżlu li jiċċelebraw Jum San Valentinu. Aħna wkoll magħhom nistgħu niċċelebraw ir-rigal tal-Imħabba. Dan nistgħu nagħmluh għaliex nafu li Alla jħobb lil kulħadd. Huwa mhux biss jgħidilna bil-kliem imma jħobbna bil-fatti. Ma kitbilnix kartolina biex jurina kemm iħobbna imma ħallilna Bibbja sħiħa. Huwa jkun jixtieq li nitkellmu miegħu permezz tat-talb. Dejjem lest biex jismgħana, jaħfrilna u jgħinna. Ħabbna tant li bagħat lil Ibnu Ġesù biex aħna ngħixu bl-imħabba tiegħu issa u għal dejjem fil-Ġenna.
Il-prayer space li ser nagħmlu llum flimkien ma’ dawk li jgħixu magħna jisimha Ittra ta’ Imħabba u għaliha għandna bżonn:
karta b’forma ta’ ittra.
markers
u jekk trid stickers u/jew affarijiet oħra li bihom tixtieq iżejjen l-prayer space tiegħek.
Ibda billi taħseb x’ser twieġeb int għal din l-imħabba hekk kbira li Alla għandu għalik.
Jekk tixtieq, tista’ turi l-imħabba li għandek inti lejn Alla billi tikteb ittra, poeżija jew tpenġi xi ħaġa fuq waħda mill-karti b’ forma ta’ ittra.
Kompli billi titkellem ma’ Alla, għidlu li tixtieq li turih li tħobbu u turi lill-oħrajn kemm tħobbu permezz ta’ dak kollu li taħseb, permezz ta’ dak kollu li tgħid u permezz ta’ dak kollu li tagħmel kuljum.
Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tat-talb li nitolbu fid-djar tagħna. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk modi differenti ta' kif titlob u jħeġġuk tieħu r-relazzjoni tiegħek m'Alla b'aktar serjetà.