Naqraw

Luqa 2, 8-20 

Ir-rgħajja u l-anġli

8F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. 9U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. 10Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. 11Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. 12U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.” 13F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu:

14“Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,

u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”

15Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej.” 16Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ’l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. 17Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, 18u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. 19Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. 20Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.

Nitolbu

Mulej Alla, ir-rgħajja ġew iqimuk u jadurawk. Għinni biex kuljum permezz tat-talb, jien ukoll inqimek u nadurak. Ammen. 

Ngħixu

L-aħħar sentenza tal-qari tal-lum, kienet tgħid hekk: “ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.” Ġesù jixtieq li aħna wkoll ngħidu lill-oħrajn dwaru. Sabiex inkellmu oħrajn dwar Ġesù, irridu l-ewwel inkunu nafu lil Ġesù aktar. Meta naqraw il-ġrajjiet dwaru, insiru nafuh aktar.  

Illum se nsumu minn programm favorit jew minn xi logħba u minflok naqraw (jew nistaqsu lil xi ħadd jaqralna) ġrajja mill-ħajja ta’ Ġesù. 

Attività