Kif nilqgħuh?

14-il Ħadd ta' Matul is-Sena

X’kuntrast l-Evanġelju tal-lum ma’ tal-ġimgħa l-oħra! Il-ġimgħa l-oħra Ġesù jfaħħar lil dik il-mara li kienet ilha tnax-il sena marida, għall-fidi tagħha, u smajna wkoll dwar il-fidi li Ġajru, uffiċjal tas-Sinagoga, kellu f’Ġesù. Illum nisimgħu kif Ġesù, b’qalb maqsuma, jibqa’ mistagħġeb għan-nuqqas ta’ fidi tan-nies li kien trabba magħhom. 

Wara li kien għadda xi żmien idur u jippriedka f’diversi rħula u jagħmel il-mirakli wkoll, Ġesù jgħaddi fir-raħal fejn trabba. Hemm jiltaqa’ mal-familja tiegħu u ma’ sħabu. L-Evanġelju tal-lum jirreferri għal ħut Ġesù. Din il-ħaġa m’għandhiex tikkonfondina. Skont tradizzjoni qawwija, aħna nemmnu li l-Madonna ma kellhiex aktar tfal, ħlief lil Ġesù. Fi żmien Ġesù, il-qraba, dawk li llum insejħulhom kuġini, kienu jirreferru għalihom bħala aħwa. 

In-nies ta’ Nazaret, sa issa żgur li kienu semgħu dwar it-tagħlim ta’ Ġesù u dwar il-mirakli li kien qiegħed jagħmel. Madanakollu, naraw li jsibuha diffiċli li jaċċettaw u jemmnu li dan it-tifel li trabba magħhom, kien inbidel daqstant. Huma ma jiftakruhx jitrabba ma’ xi Rabbi, allura minn fejn seta’ ġab dan it-tagħlim u l-għerf kollu?

Ġimgħatejn ilu, din il-mistoqsija dwar min hu Ġesù, kienu għamluha wkoll id-dixxipli tiegħu. San Mark, irid lill-qarrejja tiegħu, jagħmlu din il-mistoqsija tagħhom ukoll. San Mark, illum jerġa jistaqsi lilna, “min hu Ġesù għalik?” Jien, lil Ġesù nafu, jew naf dwaru biss? Jien naf lill-membri tal-familja tiegħi. Naf dak li jħobbu, dak li jdejjaqhom. Hemm nies bħal atturi, kantanti, u nies oħra magħrufa, li naf dwarhom, imma lilhom ma nafhomx. M’hemmx relazzjoni bejnietna. L-istedina tal-Evanġelju tal-lum, hija biex lil Ġesù nsiru nafuh. Anke jekk sal-lum għadni naf dwaru biss, mhuwiex tard wisq. Din tfakkarni fi stampa li ġieli tkun qegħda tiċċirkola fuq il-midja soċjali u hawn santi tagħha wkoll. Din hija l-istampa ta’ Ġesù jħabbat fuq bieb. Jekk inħarsu sew lejn il-bieb, dan ma fihx muftieħ. Biex il-bieb jinfetaħ, bilfors irid jiftħu min hu fuq ġewwa. Il-lum Ġesù qiegħed iħabbat fuq il-bieb tagħna, l-għażla hija f’idejna. Jekk il-lum ma nħossux li nistgħu niftħu dan il-bieb, Ġesù mhux ser jaqta’ qalbu u jitlaq. Ġesù dejjem jibqa’ jistenna biex aħna niftħu l-bieb u nsiru nafuh. Din hi l-wegħda tiegħu, “Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.” (Lhud 13, 5)

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 6, 1-6)

F’dak iż-żmien Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Imnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?” U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.

Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Id-diffikultà tan-nies ta’ Nazaret kienet li ma setgħux jaċċettaw li dak it-tifel li rawh jikber, issa nbidel f’raġel għaref u ta’ setgħa liema bħala. Ma setgħux jaċċettaw li dan li trabbew miegħu, kien il-Messija li kienu ilhom jistennew. Minflok ma jistgħaġbu u jaċċettawh u jqisu lilhom infushom xxurtjati li trabbew ma Ġesù, huma jiskandalizzaw ruħhom. Alla lilna ħalaqna xbieha tiegħu. Permezz tal-magħmudija, aħna lkoll sirna parti mill-familja ta’ Alla. In-nies ta’ Nazaret ma għarfux lil Ġesù għal dak li hu. Meta nħarsu lejn l-oħrajn, naraw lil Alla fihom? Insibuha diffiċli li naċċettaw oħrajn bħala parti mill-familja ta’ Alla?
  4. Illum Ġesù jgħid hekk: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu.” Tista’ din il-kelma “ġieħ” tfakkarna fir-raba’ kmandament: ‘Weġġaħ lil missierek u ’l ommok’? Kif għandu jkun persuna li nistgħu nagħtuha ġieħ? Bħala ġenitur, inti persuna li wliedek jistgħu jagħtuk ġieħ? Jekk tara xi nuqqassijiet, itlob lil Alla biex tinbidel u ssir aħjar.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (6, 1-6);
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips;
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Fl-Evanġelju tal-lum, ser nisimgħu ġrajja li lil Ġesù ma ħallitux ferħan. Isimgħu l-Evanġelju u oqgħodu attenti għax ser nitgħallmu xi affarijiet dwar Ġesù.

  • Ġesù jrid ikun il-ħabib tagħna
  • Ġesù jixtieq jgħallimna
  • Printout fuq kartonċina, tal-attività tal-lum
  • Kuluri u dekorazzjonijiet
  • Imqass

Tiftakru xi affarijiet li smajna dwar Ġesù? (mar mal-ħbieb tiegħu fir-raħal fejn trabba – Nazaret; kien mastrudaxxa, il-mamà tiegħu kienet Marija; hemmhekk kellu wkoll xi qraba oħra (f’dak iż-żmien, kuġini u qraba oħra, kienu jissejħu aħwa); Ġesù kien jgħallem; kien għaref; kien jagħmel affarijiet (għeġubijiet) li n-nies ma kienux jifhmu kif kienu jsiru)

Dawn in-nies ta’ Nazaret ħadu gost li Ġesù mar jgħallimhom? (le, huma lil Ġesù kienu jafuh bħala mastrudaxxa u mhux għalliem kbir, allura ma ridux jisimgħuh u jitgħallmu)

Aħna nemmnu, li Ġesù jista’ jgħallimna? (iva, Ġesù jgħallimna kif għandna ngħixu biex inkunu ferħanin)

Intom qatt xtaqtu tagħmlu xi ħaġa, bħal per eżempju taħslu l-platti, jew tmorru tixtru għand tal-ħanut ta’ ħdejkom, jew issaqqu l-pjanti u ma ħallewkomx u jgħidulkom li intom għadkom żgħar u ma tafux tagħmlu dawn l-affarijiet?

Kif ħassejtukom meta ma tawkomx ċans tagħmlu dak li intom xtaqtu tagħmlu, u li kontu ser toqgħodu attenti biex tagħmluhom sew? 

Ġesù hekk ħassu. Ġesù kien imdejjaq, għax in-nies ma tawhx ċans li jkellimhom u jgħallimhom.

Intom qatt kien hemm xi ħadd jiġi minnkom u siefer, u meta ġie lura mortu l-airport biex tilqgħuh? Kemm tieħdu gost, hux, li terġgħu tarawh?

Ġesù ma sifirx, imma ma baqax jgħix Nazaret. Imma meta mar lura, in-nies ma laqgħuhx, qishom ma ħadux gost bih li reġa’ mar jarahom! Qishom li ridux ikunu ħbieb tiegħu. 

Intom tridu tkunu ħbieb ta’ Ġesù? Intom tridu li Ġesù jkun il-ħabib tagħkom? Kieku Ġesù jiġi jħabbat il-bieb tal-kamra tagħkom, x’tgħidulu?

L-attività tal-lum ser tfakkarna li aħna rridu nkunu ħbieb ta’ Ġesù, li aħna nħobbu lil Ġesù u li jekk jiġi jħabbat il-bieb tal-kamra tagħna, ser nieħdu gost bih u ngħidulu jidħol.  Għalhekk, illum ser tpinġu door hanger. Tistgħu wkoll iżżejnuha b’xi glitters u stickers. Bl-għajnuna tal-mamà jew tal-papà ser taqtgħuha u taqtgħu wkoll il-linja tat-tikek. Meta tkun lesta, waħħluha mal-bieb tal-kamra tagħkom, biex kull darba li tidħlu fil-kamra tiftakru li intom tħobbu lil Ġesù, u kull darba li titolbu jew taqraw xi storja mill-Bibbja, lil Ġesù tkunu qegħdin tistednuh fil-kamra tagħkom. 

Kemm aħna ferħanin li Ġesù hu l-ħabib tagħna! Waqt li qegħdin tagħmlu d-door hanger, isimgħu, I’ve got the joy.

Inroddu s-salib

Għażiż Ġesù, jien irrid inkun ħabib tiegħek. Jien irrid insir nafek aktar u rrid inħobbok b’qalbi kollha. Ammen.

Qatt xi ħadd qalilkom li ma riedx ikun ħabib magħkom għax intom tkunu għamiltu xi ħaġa tajba jew għidtu l-verità u din il-persuna ma tkunx qablet magħkom? Hekk ġralu Ġesù, fl-Evanġelju tal-lum.

  • Bħal Ġesù, jista’ jkun hemm drabi meta għalkemm nagħmlu għażliet tajba, mhux kulħadd jaqbel magħna
  • Ġesù jkellimna u jgħallimna b’diversi modi, imma bħan-nies ta’ Nazaret, mhux dejjem naċċettaw li dawn il-messaġġi ġejjin mingħand Ġesù, li hu l-Messija
  • Printout tal-attività fuq kartonċina 
  • Kuluri

Illum smajna kif Ġesù mar lura Nazaret u n-nies li kien kiber magħhom baqgħu mistgħaġba b’dak li qal u b’dak li semgħu dwaru, u ma aċċettawhx. Ma setgħux jifhmu kif Ġesù l-mastrudaxxa, sar għalliem għaref li seta’ jagħmel għeġubijiet li huma qatt ma raw jew semgħu bħalhom. 

Intom qatt rajtu żiemel liebes l-għamad? Minħabba l-għamad, iż-żiemel ma jistax jara dak kollu li hemm madwaru. U dawn in-nies ta’ Nazaret, kienu l-istess. Ma rawx l-istampa kollha. Huma lil Ġesù baqgħu jarawh biss bħala t-tifel ta’ Marija u Ġużeppi, li l-qraba tiegħu kienu jafuhom ukoll, li kien mastrudaxxa. Qatt ma rawh jitgħallem ma’ xi Rabbi. Allura meta semgħuh jitkellem b’awtorità huma ma riedux ibiddlu l-ħsibijiet tagħhom dwar Ġesù. Ma setgħux jaċċettaw li dan Ġesù li huma kienu jafu u li kiber magħhom Nazaret, illum mar lura u qiegħed ikellimhom qisu Rabbi għaref ħafna. Kienu wkoll semgħu dwar il-mirakli li kien għamel, imma minħabba li huma ma riedux jaċċettaw din il-bidla f’Ġesù, lanqas ma setgħu jemmnu f’dak li kien qiegħed jagħmel Ġesù. Bħal-Lhud kollha, anke n-nies ta’ Nazaret kienu qegħdin jistennew lill-Messija. Madanakollu, ħafna mmaġinaw li l-Messija kien se jkun xi mexxej b’saħħtu li jeħlishom mir-Rumani u mhux xi ħadd bħal Ġesù!

Tiftakru, il-ġimgħa l-oħra Ġesù għamel dawk il-mirakli ma’ dik il-mara li kienet ilha tnax-il sena marida u wkoll mat-tifla ta’ Ġajru li kienet mietet. Ġesù għamel dawk il-mirakli għax in-nies emmnu, in-nies kellhom il-fidi. Hawnhekk f’Nazaret, Ġesù kien imdejjaq ħafna, għax in-nies ma riedux jemmnu, allura ma setax jgħinhom u jgħallimhom!

Aħna lil Ġesù dejjem nagħtuh ċans ikellimna u jgħallimna? 

Intom tafu, li Ġesù jkellimna meta naqraw mill-Bibbja u meta nitolbu. Hu jgħidilna li jħobbna u jieħu ħsiebna. Ġesù jurina li jħobbna u li jieħu ħsiebna permezz tal-oħrajn. Huwa jħobbna permezz tal-mamà li taħslilna l-uniformi, il-papà li jippreparalna l-ikel, ħuna li jilgħab magħna, in-nanna li tgħallimna nitolbu, in-nannu li jurina kif nieħdu ħsieb il-pjanti, is-sorijiet li jieħdu ħsieb tfal li m’għandhomx mamà u papà, u ħafna oħrajn.

L-attività tal-lum hija għall-familja kollha. Għandkom dik l-istampa ta’ tromba. Agħtuha l-kulur u żejnuha kif tixtiequ intom. Meta tlestuha, waħħluha mal-fridge, jew fejn tidher waqt li tkunu qegħdin tieklu flimkien. Ippruvaw li fil-ġranet li ġejjin, kulħadd isemmi, fejn ra lil Ġesù matul il-ġurnata. Hekk, kulħadd ikun qiegħed jgħin lill-oħrajn biex jikber fil-fidi, u ma nkunux bħan-nies ta’ Nazaret li naraw lil Ġesù u ma naċċettawhx bħala l-Messija li jħobbna, u li jrid isalvana.
Waqt li qegħdin tpinġu t-tromba, isimgħu, Love like Jesus.

Inroddu s-salib

Flimkien għidu l-Att ta’ Fidi:

Jiena nemmen b’fidi ferma, illi hemm Alla wieħed, li jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħziena.  Jiena nemmen li dan Alla huwa wieħed fi tliet persuni ugwali, u realment distinti, li huma l-Misser, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Nemmen li l-Iben ta’ Alla sar bniedem u ħa l-ġisem fil-ġuf purissmu ta’ Marija Verġni bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu.  Bħala bniedem miet fuq is-salib għal dnubietna u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet.

Nemmen il-veritajiet l-oħra kollha, li temmen u tgħallem Ommna l-Knisja Mqaddsa Kattolika.

U dana kollu nemmnu għaliex Alla, verità infallibli, irrivelah lill-istess Knisja Mqaddsa.

Ammen.

1. Skont l-Evanġelju tal-lum, Ġesù mar fis-sinagoga ġewwa post partikolari. F'liema belt jew raħal kienet is-sinagoga li mar fiha?

Correct! Wrong!

2. Malli semgħu lil Ġesù jitkellem, in-nies li semgħuh stagħġbu u qalu...

Correct! Wrong!

3. X'qal Ġesù lin-nies tal-post li kien mar iżur?

Correct! Wrong!

4. Ġesù ma seta' jagħmel ebda miraklu f'pajjiżu. Għaliex ġrat din il-ħaġa?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.