Fl-Evanġelju tal-lum, ser nerġgħu niltaqgħu ma’ xi ħadd ieħor marid. Dan kellu marda kerha u li tittieħed ħafna. F’dawk iż-żminijiet ma kienx hemm fejqan għal-lebbra u min kien ikun maħkum minn din il-marda kien ikollu jitlaq dak kollu li kellu, familja, xogħol, ħbieb, u jmur joqgħod barra mir-raħal u ħadd ma kien jersaq lejh. Kienet marda qerrieda u ta’ uġigħ kbir. Bħalissa għaddejjin minn żmien fejn nistgħu nifhmu xi ftit aktar din is-sitwazzjoni. Għalkemm il-gravità mhux komparabbli, bil-pandemija COVID-19 qegħdin naraw ukoll nies jisfaw waħedhom jew sfortunatament imutu waħedhom; aħna lkoll imxenqnin għall-preżenza fiżika ta’ familjari u ħbieb. It-tgħannieq ma għadx għandu post f’ħajjitna. Għalhekk nistgħu nimmaġinaw kif ħassu dan ir-raġel li kien bħal wieħed minsi mid-dinja, meta mhux biss Ġesù ma jibżax jersaq lejh, imma jieqaf, ikellmu u jmissu.
Ġesù jfejjaq lil dan ir-raġel u jibgħatu għand il-qassisin skont kif kienet tgħid il-liġi. Ġesù jistaqsih biex ma jgħid lil ħadd, imma dan ir-raġel, tant kien mistagħġeb u ferħan b’dak li għamel miegħu Ġesù, li mar ixandar x’kien ġralu ma’ kulħadd.
Hemm ħafna x’nitgħallmu minn dan il-qari dwar il-ħajja u l-attitudnijiet tan-nisrani. L-ewwel u qabel kollox, ma nistgħux inkunu nsara tal-isem biss, irid ikun hemm azzjoni min-naħa tagħna. Dik il-kelma “irrid” mingħand Ġesù, turina li aħna rridu wkoll nagħmlu għażla. Jekk ser nimxu warajh, irridu ngħixu b’mod li jaqbel ma’ din l-għażla. Irridu nagħżlu li bħal Ġesù nuru l-ħniena ma’ kulħadd, li nagħżlu dak li hu tajjeb, anke meta dan mhux faċli, li nimxu skont ir-rieda ta’ Alla, anke meta ma nifhmuhiex. Dak ir-raġel ma deher li għamel xejn ħażin, meta mar kontra dak li qallu Ġesù iżda minħabba li hu mar xandru ma’ kulħadd, tellef lil Ġesù minn dak li kellu ppjanat – Ġesù ma setax jidħol fl-ibliet.
Ġesù jurina wkoll li mhux biżżejjed li nitħassru lil xi ħadd. Aħna mistennija li nagħmlu xi ħaġa; ma nistgħux nibqgħu passivi quddiem il-bżonnijiet u l-weġgħat tal-oħrajn. Bniedem bil-lebbra mhux sabiħ li tħares lejh. Ġesù mhux biss ma jdawwarx wiċċu, imma jersaq lejh. Tant jersaq viċin li jmissu, jitkellem miegħu u jfejqu. Hekk irridu nagħmlu aħna ma’ dawk li nistgħu ngħinu.
Imma dan l-evanġelju, għandu wkoll tifsira oħra. Il-mard spiritwali, id-dnub, li aħna morda bih ilkoll. Ġesù jurina, li għamilna x’għamilna, hu mhux ser jiddejjaq jersaq lejna, u lanqas ma ser isibha bi tqila li jmissna. Iżda bħal dak ir-raġel, l-ewwel pass irridu nagħmluh aħna, irridu b’fiduċja ngħidulu “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!”.