Naqraw

Ġwanni 13, 1-15 

1Qabel il-festa tal-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar. 2Kienu qegħdin għall-ikel. Ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih. 3Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. 4Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. 5Imbagħad ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu. 6Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: “Int, Mulej, taħsilli saqajja?” 7Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem.” 8Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!” Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi.” 9Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll.” 10Qallu Ġesù: “Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll.” 11Għax hu kien jaf min kien sejjer jittradih; għalhekk qal, ‘M’intomx ilkoll indaf.’

12Wara li ħaslilhom saqajhom, libes il-mantar u raġa’ qagħad fuq il-mejda; u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? 13Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘il-Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. 14Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin.15Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll.

Nitolbu

Ġesù, fl-Aħħar Ikla, lid-dixxipli, għidtilhom li inti u l-Missier, intom ħaġa waħda. Għinni biex dejjem nibqa’ qrib tiegħek, u nemmen li Alla l-Missier iħobbni fuq kollox, bla ebda kundizzjoni. Ammen. 

Ngħixu

Illum immorru għall-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka u wara ngħaddu ħin quddiem Ġesù Sagramentat. Nistgħu wkoll nagħmlu s-7 visti. Niftakru li dan hu ħin ta’ talb u għandna nġibu ruħna sew. 

Attività