F’waħda mill-attivitajiet tat-tfal tal-ġimgħa l-oħra, kien issuġġerit li t-tfal ipoġġu lilhom infushom fiż-żarbun ta’ ħaddieħor. Tajjeb li din il-ġimgħa, meta naqraw dan l-Evanġelju, speċjalment l-ewwel parti, nagħmlu hekk aħna wkoll. Ġesù qiegħed jitkellem dwar kif wieħed għandu jikkoreġi lil xi ħadd li għamel dnub – xi ħaġa ħażina. Jekk nindunaw li aħna għamilna xi dnub, kif nixtiequ li nkunu kkoreġuti? Wieħed mid-dgħufijiet tagħna huwa li ngħidu fuq in-nies. Jekk xi ħadd żbalja, l-aħbar malajr tiġri, ma’ tal-familja, mal-ħbieb u jista’ jkun li anke fuq il-mezzi ta’ midja soċjali; u dik il-persuna, f’qasir żmien tiġi ġġudikata. F’dan l-Evanġelju Ġesù qiegħed jagħtina tlett passi ta’ kif għandna nikkoreġġu lil xi ħadd, passi li għadhom jgħoddu anke għalina llum.
Jekk naf li xi ħadd għamel xi ħaġa ħażina, Ġesù jgħidilna biex l-ewwel, immorru nsibu l-persuna waħedha u nitkellmu magħha. Jekk din il-persuna tinduna bl-iżball u jiddispjaċiha, il-biċċa tieqaf hemm u ma mmorrux inwassluha lil ħadd aktar! Jekk tibqa’ ma tifhimx li għamlet żball, għandna nfittxu l-għajnuna. Dan mhux biex din il-persuna ssib lilha nnifisha waħedha kontra oħrajn. Il-ħsieb ta’ Ġesù huwa li b’ħafna mħabba, ikun hemm min ifiehem lil dawk li żbajaw u jiftħilhom għajnejhom biex dan ma jerġax isir u jekk huwa possibbli, tiġi rranġata l-ħsara li tkun saret. Jekk il-persuna li għamlet il-ħażin tagħraf dak li għamlet, il-każ jieqaf hemm. Ġesù tant jixtieq li nindunaw meta nkunu mexjin fit-triq il-ħażina, li jgħidilna li m’għandniex naqtgħu qalbna. Jekk ħabib tagħna żbalja u ma semax la mill-kelma tagħna u lanqas ta’ oħrajn, allura jgħidilna, ‘mmorru għand il-knisja’. Il-Knisja, hija l-komunità li ssemmiet f’dawn l-aħħar ġimgħat. Komunità hija grupp ta’ nies, b’għan wieħed. Komunità nisranija, għandha bħala għan li l-persuni jgħinu lil xulxin, biex jikbru fir-relazzjoni tagħhom ma’ Ġesù. Il-komunità qegħda hemm biex tgħin lil min jiżbalja, twiddbu b’imħabba, biex dik il-persuna tindem u tkompli miexja ’l quddiem. Dan jgħodd b’mod speċjali għad-drabi meta jiena ma rnexxilix infiehem persuna oħra dwar żball li għamlet u lanqas ma rnexxieli bl-għajnuna ta’ oħrajn, indur fuq min hu aktar imħarreġ minni. Jekk din il-persuna tibqa’ ma tridx tinbidel, hemmhekk qegħda turi li hi ma tridx tkun parti minn din il-komunità. Hija hi li teskludi lilha nnifisha. Il-Knisja jew komunità, tibqa’ fid-dmir li titlob għal din il-persuna.
Kieku aħna mhux hekk inkunu nixtiequ li jsir magħna? Nieqfu u nirriflettu ftit. Aħna kif nagħmlu meta nikkoreġu lit-tfal? Insibuhom waħedhom, jew nikkoreġuhom quddiem udjenza? Jekk hemm nuqqas ta’ qbil bejnietna l-adulti, x’nagħmlu? Nitkellmu b’imħabba bejnietna, jew inperrċu mill-ewwel s-sitwazzjoni mal-ħbieb? L-Evanġelju tal-lum jgħallimna, li kulma nagħmlu, għandna nagħmluh b’imħabba.
L-aħħar parti tal-Evanġelju tista’ forsi tħawwadna xi ftit. Aħna nemmnu li Ġesù dejjem magħna. Għalfejn qed jgħid li “fejn tnejn jew tlieta miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”? Bħal kull parti oħra mill-Iskrittura, ma rridux nieħdu sentenza u ninterpretawha waħedha. Niftakru li dan huwa Evanġelju miktub primarjament għal-Lhud li kienu jafu t-Torah (l-ewwel ħames kotba tat-Testment il-Qadim), bl-amment. Kif Ġesù beda jitkellem dwar twiddib u dnub, moħħhom kien se jmur mill-ewwel fil-ktieb tad-Dewteronomju li jitkellem dwar nuqqas ta’ fehim u soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni. Id-Dewteronomju jitkellem dwar żewġ jew tlitt xhieda u mhux wieħed waħdu biex iressqu kas. Għalhekk Ġesù, li qiegħed jitkellem dwar it-twiddib ta’ persuna li tagħmel għażla ħażina, qiegħed jassigurana, li fejn hemm tnejn jew tlieta, jitolbu biex tinstab soluzzjoni jew qiegħed isir talb għall-għerf ta’ kif wieħed għandu jipproċedi bl-aħjar mod, hu ser jkun hemm magħna. Bl-ebda mod, Ġesù ma ried li nifhmuh li biex it-talb tagħna jinstema’ ma nistgħux nitolbu waħedna. Il-Knisja ma hijiex persuna waħedha, għalhekk deċiżjonijiet ma jitteħdux minn persuna waħedha, Ġesù qiegħed jitkellem f’dan il-kuntest. Niftakru li aħna, ilkoll parti mill-Knisja, u niffurmaw il-Ġisem ta’ Kristu. Bl-istess mod, meta jkollna uġigħ ta’ ras, inħossu l-uġigħ ma’ ġisimna kollu, u meta jgħaddielna, nkunu aħjar kollna kemm aħna. Bħala Knisja ma nistgħux ninjoraw lil dawk li qed jiżbaljaw jew jieħdu deċiżjonijiet ħżiena, u mill-ewwel inwarrbuhom minn magħna. Ġesù qiegħed jurina b’mod ċar li l-ewwel irridu nagħmlu l-almu kollu tagħna biex jerġgħu jingħaqdu magħna.