Qatt rajt lil xi ħadd jitgħammed? Forsi tad-dar jiftakru l-magħmudija tiegħek u spiss jirrakuntawlek kull dettall bħal kemm-il darba bkejt jew kif bqajt mitluf fin-nagħas waqt li s-saċerdot beda jitfa’ l-ilma imbierek fuq rasek. Kienet ġurnata tassew speċjali meta sirt parti mill-familja ta’ Alla u bħal Ġesù sirt l-iben/l-bint maħbub/a ta’ Alla.
Ġesù tgħammed minn Ġwanni l-Battista. Dakinhar tal-magħmudija Alla l-Missier u l-Ispirtu s-Santu wrew min kien Ġesù. Alla wera min kien Ġesù meta qal: “Int ibni, l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”. Hekk qal Alla l-Missier dakinhar li tgħammidna. Tajjeb li nieqfu għal ftit u naħsbu: Kif inħossni jekk nisma’ lil Alla jgħid li hu kuntent bija?
Li nkunu nafu li Alla kuntent bina, jħobbna u fina sab l-għaxqa tiegħu jimlina bil-ħeġġa u bit-tama għal din is-sena l-ġdida 2021.
Il-prayer space li ser nagħmlu llum (flimkien ma dawk li jgħixu magħna) jisimha: L-Għaxqa Tiegħu u biex nagħmluh għandna bżonn:
Ibda billi tqatta’ ftit ħin tara r-ritratt tal-magħmudija tiegħek jew stampa ta’ xi ħadd li qiegħed jiġi magħmmed. Agħlaq għajnejk u immaġina dan l-mument speċjali meta l-Ispirtu S-Santu niżel fuqek u Alla l-Missier kien ferħan u kuntent li jilqgħek bħala bintu/ibnu.
Issa tista’ tagħti l-kulur lil kliem li hemm fuq il-karta forma ta’ inkwadru. Tista’ wkoll tikteb id-data ta’ dakinhar li rċivejt il-magħmudija u d-data ta’ llum. Kompli billi tirringrazzja lil Alla l-Missier, lil Ibnu Ġesù u lill-Ispirtu s-Santu li jitgħaxxqu bik.