L-Għeżież tiegħi

Il-Magħmudija tal-Mulej

L-Evanġelju tal-lum huwa verament qasir, iżda jagħti ħafna informazzjoni dwar Ġesù. Ġwanni tant iħoss li Ġesù hu aqwa minnu, li jgħid li hu ma kienx jistħoqqlu jħoll il-qfieli taż-żarbun ta’ Ġesù. Dan kien xogħol li normalment kien jagħmlu l-iskjav jew seftur. Ġwanni qal dan il-kliem biex juri kemm kien kbir u min kien Ġesù. Wara l-magħmudija ta’ Ġesù, jinżel l-Ispirtu s-Santu fuqu u aktar minn hekk, leħen jiddeskrivi lil dan ir-raġel, mill-belt żgħira ta’ Nazaret, iben il-mastrudaxxa, bħala “ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

X’aktarx bħala ġenituri tistgħu tħossu l-kburija ta’ Alla l-Missier meta jgħid li hu jsib l-għaxqa tiegħu f’Ġesù. Kemm il-ritratt għandkom tat-tfal? Kemm ħassejtukom kburin meta mortu taraw lit-tfal f’xi reċta, logħoba, premjazzjoni, kull darba li t-tfal jirnexxilhom jirbħu xi ostaklu? Kemm-ildarba ħassejtek li trid tgħajjat u tgħid “Dak it-tifel tiegħi!” jew “Dik it-tifla tiegħi!” biex kulħadd ikun jaf? Huma t-tfal tiegħek u tħobbhom.

Għalkemm Ġesù ma kellux għalfejn jitgħammed, għax hu ma kellux dnub x’jinħafirlu, huwa jitgħammed bħall-bqija tal-midinbin. Hu ma jitwarrabx minna. Għalkemm ħafna aqwa minna, jurina li jrid isir parti mill-ħajja tagħna, aħna min aħna, u għamilna x’għamilna. Ġesù jrid jaqsam il-ħajja tagħna magħna. 

Fil-magħmudija tagħna, aħna wkoll insiru wlied Alla, u bħalma qal lil Ġesù, Alla l-Missier jgħid lilna wkoll: “Dan hu ibni l-għażiż,” “Din hi binti l-għażiża”. Alla kburi bina wkoll. Alla jħobbna. L-istess Spirtu Santu li niżel fuq Ġesù, niżel fuqna wkoll fil-magħmudija tagħna.

L-Ispirtu s-Santu huwa dak li jagħtina l-qawwa u l-kuraġġ ngħixu dak li Alla sejħilna għalih. Lilkom sejħilkom bħala ġenituri. Intom stess ressaqtu lil uliedkom biex jitgħammdu. Dak in-nhar weġibtu ‘iva’ li lesti li “trabbu lil uliedkom fil-fidi mqaddsa, biex iħarsu l-kmandamenti ta’ Alla, u jħobbu lill-Mulej u l-proxxmu tagħhom kif għallima Kristu.” L-Ispirtu s-Santu jgħinkom biex dan id-dmir tagħkom, ta’ ġenituri nsara tgħixuh mill-aħjar mod li tistgħu.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 1, 7-11)

F’dak iż-żmien, Ġwanni l-Battista kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu”.

U ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. U minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Dan il-passaġġ juri min kien Ġesù. Itlob biex ikompli jurik min hu, biex tkompli ssir tafu aktar.
  4. Tħossok li inti iben/bint Alla? Jekk le, għalfejn?
  5. Irrepeti bil-mod: “NN (ismek) inti binti l-għażiża, jien inħobbok” / “NN (ismek) inti ibni l-għażiż, jien inħobbok.” Ħalli lil Alla jkellmek b’dan il-kliem.
  6. Aħseb dwar meta l-aħħar li faħħart lit-tfal tiegħek, meta għidtilhom li tħobbhom. Ipprova żid frażijiet ta’ tifħir u mħabba fil-komunikazzjoni tiegħek mat-tfal.
  7. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (1, 7-11);
    ii. Xemgħa bajda; jekk għandek ix-xemgħa tal-magħmudija tat-tfal
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Ritratti tal-magħmudija tal-membri tal-familja (ġenituri u tfal); jekk għandek, libsa tal-magħmudija
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  8. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  9. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  10. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja.

Fl-Evanġelju tal-lum ser niltaqgħu mal-Maġi. Dawn kienu nies li kienu jistudjaw is-sema u l-istilel. Huma kienu jemmnu li l-iGħeżiez tfal, id-dar għadha mżejna għall-Milied? Le? Tafu li ż-Żmien tal-Milied jispiċċa llum? Illum niċċelebraw il-festa ta’ meta Ġesù tgħammed, u din il-festa hija l-aħħar ġurnata ta’ Żmien il-Milied. Intom kontu żgħar wisq biex tiftakru l-magħmudija tagħkom, imma meta tgħammed Ġesù, kien diġà raġel kbir. U dak il-ħin tal-magħmudija tiegħu ġrat xi ħaġa kbira ħafna. Ejjew nisimgħu l-Evanġelju u naraw x’ġara waqt il-magħmudija ta’ Ġesù.

  • Ġesù huwa iben Alla
  • Aħna wkoll it-tfal ta’ Alla
  • Kopji tal-istampa li trid tingħata l-kulur, ara aktar l-isfel fl-attività dwar in-numru ta’ kopji li jridu jsiru
  • Kuluri
  • Dekorazzjonijiet
  • Sticky tape jew double sided tape
  • Ritratti / DVD tal-magħmudija tat-tfal

Jekk taraw ir-ritratti jew id-DVD tal-magħmudija tagħkom, tindunaw li l-magħmudija tagħkom u dik ta’ Ġesù kienu differenti. (Tfal jingħataw iċ-ċans jaraw xi ritratti jew parti mid-DVD tal-magħmudija tagħhom). Id-differenzi mhumiex żgħar, anzi f’xi affarijiet huma importanti ħafna. Intom kontu għadkom babies, Ġesù kien raġel kbir. Intom ma tgħammidtux fix-xmara, imma l-knisja. Ħaġa waħda hija l-istess u din hija l-aktar importanti. Fil-magħmudija ta’ Ġesù, instema dak il-leħen jgħid “Dan hu ibni l-għażiż”. Fil-magħmudija tagħna, għalkemm ma nstemax dan il-leħen, aħna sirna ulied Alla. Għal Alla, aħna wkoll uliedu l-għeżież. Alla Missier, lilna jħobbna bħala t-tfal tiegħu. Rajtuhom lill-ġenituri tagħkom fir-ritratti tal-magħmudija tagħkom? Kemm kienu ferħanin hux? L-istess bħalma Alla hu ferħan bikom.

Alla l-Missier ferħan ħafna b’Ġesù, għax Ġesù dejjem wettaq il-missjoni tiegħu b’ubbidjenza sħiħa. Aħna mhux dejjem nobdu u nagħmlu dak li hu tajjeb. Alla xorta jibqa’ jħobbna. Imma l-aktar li jkun ferħan bina huwa meta nagħmlu għażliet tajba, bħal meta nobdu lill-ġenituri, ngħinu lill-oħrajn, naqsmu dak li għandna ma’ ħutna u l-ħbieb, nilgħabu fair, ma niġġieldux, u tant affarijiet oħra. Il-mama u l-papa tagħkom jieħdu gost jitkellmu magħkom hux hekk? Jieħdu gost meta intom toqgħodu titkellmu magħhom. Anke Alla l-Missier jieħu gost jitkellem magħna u jismagħna nitkellmu miegħu. Aħna nitkellmu ma’ Alla l-Missier meta nitolbu. 

L-attività tal-lum ser nagħmluha biex kuljum niftakru li aħna ulied Alla, u li huwa jħobbna u li veru jieħu gost u pjaċir bina. Kulħadd għandu mera d-dar, fil-kamra tal-banju, fil-kamra tas-sodda u forsi anke fi kmamar oħra. Meta nħarsu lejn il-mera naraw lilna nfusna. Fuq il-mirja tad-dar ser inwaħħlu dawn il-kliem tal-attività tal-lum. B’hekk kull darba li nħarsu lejn il-mera niftakru li Alla jafna sew u jħobbna. Għandkom għażla ta’ tliet stampi, waħda fejn hemm il-kliem għal tifel u tifla, oħra għal tifel u l-oħra għal tifla. Għamlu kemm tridu u liema tridu, skont in-numru ta’ mirja li ser jitwaħħlu magħhom dawn il-kliem. It-tfal jagħtuhom il-kulur u jiddekorawhom skont kif jixtiequ. Meta jkunu lesti, jitwaħħlu mal-mera bit-tejp. 

Nota lill-ġenituri: meta tkunu mat-tfal quddiem il-mera, aqrawlhom dawn il-kliem; u meta tkunu waħedkom, aqrawhom ukoll, għax anke aħna l-kbar, aħna t-tfal ta’ Alla u hu jsib l-għaxqa tiegħu fina wkoll.

Waqt din l-attività, isimgħu God loves me specially.

Irroddu s-salib.

Mulejja, grazzi li inti tħobbna ħafna, li aħna t-tfal tiegħek. Aħna nixtiequ li lilek nħobbuk u li bħal Ġesù aħna nagħmlu dak li hu tajjeb. 

Ngħidu t-talba tal-Missierna.

Tafu li għadna qegħdin niċċelebraw Żmien il-Milied? Illum l-aħħar ġurnata ta’ dan iż-żmien speċjali u qegħdin niftakru fil-magħmudija ta’ Ġesù.

  • Alla jħobbna, bħalma jħobb lil Ġesù
  • Aħna ulied Alla
  • L-Ispirtu s-Santu jgħinna biex insiru bħal Ġesù
  • Il-ġurnata tal-magħmudija tagħna, hija speċjali
  • Frame tar-ritratti jew inkwatru, bħala qies araw aktar l-isfel dwar dak li jrid jitpoġġa f’dan il-frame/inkwatru
  • Ritratt tal-magħmudija tat-tifel/tifla
  • Kuluri, glitter pens
  • Lapes / xi ħaġa biex tikteb
  • Kartonċina l-qies tal-frame jew inkwatru

Kieku inti kont hemm x’kont taħseb, x’kont tagħmel?

Immaġina li kont hemmhekk mal-ġenituri tiegħek, tistennew mal-bqija tan-nies biex titgħammdu minn Ġwanni l-Battista. Madwarkom hemm nies bħalkom li wara li smajtu lil Ġwanni jgħallem, tixtiequ li tinbidlu u tibdew tgħixu bil-mod li qiegħed jgħid Ġwanni. Intom bħal ħafna nies oħra, ilkom tistennew lill-Messija. Ġwanni wkoll tkellem dwaru. Il-Messija kellu jsalva lill-poplu Lhudi.  Wara ftit ħin li kontu hemm, wasal dan ir-raġel. Qatt ma kontu rajtuh. Niżel bħal bqija tan-nies fix-xmara biex meta jmissu, jitgħammed hu wkoll minn Ġwanni. 

X’ġara meta tgħammed dan ir-raġel minn Nazaret?
Xi bdew jgħidu n-nies meta raw dan kollu?
Xi ħsibt inti?
Jista’ jkun li dan ir-raġel, li ħadd ma kien jafu, kien il-Messija li ilek tisma’ dwaru?

Ħafna kienu qegħdin jistennew li l-Messija kien ser isalva lill-poplu Lhudi billi jiġġieled lir-Rumani. Għalhekk mhux kulħadd aċċetta li Ġesù kien dak li kienu qegħdin jistennew. Bħan-nies l-oħra, Ġesù mar jistenna biex jitgħammed. Hu ma kellux għalfejn jitgħammed, imma rid juri li hu bħal bqija tan-nies. Għal ħafna, dan ma kienx il-mexxej li kienu qegħdin jistennew!

Il-kliem li nstema’ meta tgħammed Ġesù, wera min kien fil-verità. Dan il-leħen qal li Ġesù kien it-tifel tiegħu, li hu jħobb lil Ġesù u li jieħu gost b’dak li qiegħed jagħmel. 

Xi tħossu meta l-ġenituri, jew in-nanniet, jew xi ħadd ieħor jgħidilkom li jħobbkom?
Kif tħossukom meta xi ħadd jgħidilkom prosit għal dak li tkunu għamiltu?

Intom tafu li dak il-kliem li Alla l-Missier qal għal Ġesù, jgħidu lilna wkoll? Alla l-Missier jgħidilna li jħobbna għax aħna t-tfal tiegħu. Alla l-Missier kburi li aħna t-tfal tiegħu u jieħu gost bina. Alla l-Missier kien ukoll kburi b’Ġesù, għax Ġesù hu dejjem wettaq il-missjoni tiegħu b’ubbidjenza sħiħa. L-istess jagħmel meta aħna nagħmlu għażliet tajba. 

X’taħseb li huma dawk l-affarijiet li nagħmlu u li Alla l-Missier jieħu gost bihom? (tfal jagħtu eżempji konkreti)
X’taħseb li huma dawk l-affarijiet li nagħmlu u li Alla l-Missier ma jieħux gost bihom? (tfal jagħtu eżempji konkreti)

Aħna tgħammidna meta konna għadna trabi. Ma niftakruhiex dik il-ġurnata, imma jista’ jkun li rajna ritratti jew id-DVD tal-magħmudija tagħna u anke smajna lill-ġenituri jitkellmu dwarha. Il-magħmudija hija ġurnata speċjali ħafna. Dak in-nhar sirna t-tfal ta’ Alla, sirna t-tfal ta’ Alla permezz ta’ ħuna l-kbir, Ġesù. L-Ispirtu s-Santu, wettaq lil Ġesù fl-ubbidjenza sħiħa tiegħu lil Alla l-Missier. L-Ispirtu s-Santu jgħin lilna wkoll. 

Intom tafu meta hu l-birthday tagħkom?
Tafu meta tgħammidtu?

Il-ġurnata meta twelidtu hija importanti, imma l-ġurnata meta tgħammidtu hija importanti wkoll.

L-attività tal-lum ser tagħmluha biex tibqgħu tiftakru fil-magħmudija tagħkom. Fuq il-kartonċina:

  • iktbu: Il-ġurnata tal-magħmudija tiegħi hija speċjali. Jien sirt iben / bint Alla.
  • waħħlu r-ritratt tal-magħmudija tagħkom
  • iktbu d-data tal-magħmudija
  • iktbu isimkom u l-ismijiet li tawkom il-parrini tagħkom
  • il-knisja fejn tgħammidtu
  • isem il-parrini

Tistgħu żżejnu madwar ir-ritratt u tużaw anke glitter pens għall-kitba.

Dan il-frame jew inkwatru poġġuh fil-kamra tagħkom biex dejjem tiftakru min intom: Intom speċjali, intom it-tfal ta’ Alla li jħobbkom ħafna.

Waqt li tkunu qegħdin tagħmlu din l-attività, isimgħu, Mighty is your love for me. 

Fuq il-kalendarju tas-sena, immarkaw meta hi d-data tal-magħmudija tagħkom. Dak in-nhar iċċelebrawha billi tmorru l-quddies bħala familja u għamlu xi attività speċjali biex tiċċelebraw din il-ġurnata. Tkun ħaġa sabiħa kieku jingħaqdu magħkom il-parrini wkoll. 

Irroddu s-salib.

Ġesù, aħna nixtiequ nkunu bħalek, biex Alla l-Missier ikun kburi bina, kif kien kburi bik. Spirtu S-Santu inżel fuqna  u agħtina l-għerf biex inkunu nafu nagħżlu bejn dak li hu tajjeb u bejn dak li hu ħażin. Agħtina l-kuraġġ biex ngħidu iva għal dak li hu tajjeb u le għal dak li hu ħażin. Nixtiequ li inkunu bħal Ġesù biex nagħtu glorja u nfaħħru lil Alla b’dak kollu li nagħmlu u ngħidu. Ammen.

1. Fl-Evanġelju tal-lum, niltaqgħu ma' raġel li jħabbar il-miġja tal-Mulej. Il-ħabbar jgħid li dak li kellu jiġi, jiġifieri Ġesù, huwa ferm akbar minnu. Min kien dan il-ħabbar?

Correct! Wrong!

2. Ġesù rċieva xi ħaġa minn idejn Ġwanni fix-xmara Ġordan. X'kienet din?

Correct! Wrong!

3. Waqt li Ġesù kien tiela' mill-ilma tal-Ġordan, x'ġara?

Correct! Wrong!

4. X'qal il-leħen li instama' mis-smewwiet waqt li Ġesù kien qed jitgħammed?

Correct! Wrong!

Dalwaqt

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.