Naqraw

Luqa 15, 11-32 

11Qalilhom ukoll: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. 12Iż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ U dak qassmilhom il-ġid. 13Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. 14Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. 15U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer16Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih. 17Imbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! 18Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; 19ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’ 20Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. 21‘Missier,’ qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’ 22Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! 23Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, 24għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U bdew jagħmlu festa.

25“Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. 26Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. 27‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.’ 28Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. 29‘Ara,’ qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! 30Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’ 31‘Ibni,’ qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. 32Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.’

Nitolbu

Għażiż Missier, grazzi li inti dejjem tħobbna, anke meta nagħmlu xi ħaġa li lilek ma togħġbokx u tweġġgħek. Grazzi tal-imħabba dejjiema tiegħek. Ammen. 

Ngħixu

It-tifel iż-żgħir iddispjaċih għal dak li għamel u staqsa lill-missieru biex jaħfirlu. 

Illum insumu milli nagħmlu għażliet ħżiena. Qabel ma ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa, nieqfu u naħsbu jekk Ġesù kieku jagħmilx dak li se nagħmlu aħna. 

Attività