L-Evanġelju tal-lum, mhux meħud minn San Mattew, iżda minn San Ġwann. Ġesù jiltaqa’ ma’ mara Samaritana ħdejn bir. Dan ir-rakkont insibuh biss fl-Evanġelju skont San Ġwann. Huwa djalogu twil u sinifikanti ferm. L-ostilità bejn is-Samaritani u l-Lhud kienet ilha teżisti, minħabba differenzi kulturali u reliġjużi. L-irġiel u n-nisa, li ma kienux jafu lil xulxin, ma kienux mistennija li jitkellmu bejniethom fil-pubbliku. Għalhekk meta Ġesù jistaqsi lil din il-mara biex tagħtih jixrob, huwa mar kontra kull stennija; aktar minn hekk, reċipjent użat minn Samaritan, kien meqjus bħala imniġġes mil-Lhud. Ġesù hawnhekk, ma jitkellimx fuq l-għatx tiegħu iżda minflok jitkellem dwar l-istedina ta’ Alla biex naċċettaw ir-rigal tal-fidi.
Ħafna kienu jiltaqgħu ħdejn il-bir tar-raħal. Il-fatt li din il-mara kienet hemm fis-sħana ta’ nofs in-nhar turi li hi kienet imwarrba mill-komunità. Id-dixxipli nħasdu meta raw lil Ġesù jitkellem ma’ din il-mara, iżda fil-konverżazzjoni tiegħu, hu wera li kien jaf sew dwar id-dnub tagħha u l-ħajja li kellha. Hi kellha aktar minn raġel wieħed; Ġesù jistedinha biex tinbidel. Ġesù juża din il-laqgħa biex juriha li hu kellu xi ħaġa mhux mistennija. Hu ried joffrilha “ilma ħaj” li seta’ jsostniha f’din il-ħajja u f’ta’ wara. L-għatx ta’ din il-mara huwa profond. Hi fil-fatt kienet lesta tilqa’ “l-ilma ħaj” li offrielha Ġesù. Bħal-Lhud, is-Samaritani kienu jemmnu li għad jiġi l-Messija, b’hekk wara li tkellmet ma’ Ġesù hija setgħet taċċetta r-rigal tal-fidi u tagħrfu bħala l-Messija mwiegħed. Wara din il-konverżazzjoni, il-mara ssir dixxiplu, għalkemm kienet barranija u ma kinitx Lhudija. Hija wasslet lin-nies tar-raħal, biex jemmnu li Ġesù kien il-Messija. Minħabba x-xhieda tagħha ħafna emmnu f’Ġesù. Il-passat tagħha ma waqqafhiex milli ssir messaġġiera tal-Aħbar it-Tajba. Tajjeb li nirriflettu dwar il-fidi tagħna u nistaqsu xi mistoqsijiet lilna nfusna. Tifhem kif it-twemmin f’Ġesù jeffettwa l-ħajja spiritwali tiegħek? Qatt esperjenzajt stedina personali għall-fidi? Għandek għatx għal Alla fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum? Jew il-fidi tiegħek limitata biss għall-quddiesa tal-Ħadd? Il-ħajja spiritwali tagħna hija vjaġġ, bit-tlugħ u l-inżul; hemm mumenti fejn inħossuna fil-periferija jew bla interess fil-fidi, iżda Ġesù qatt ma jieħu lura l-istedina tiegħu biex jagħtina “ilma ħaj.” Aħna rridu niddeċiedu jekk l-esperjenza tagħna ta’ Ġesù aħniex ser inħalluha tkun ta’ messaġġ għall-oħrajn.