Flimkien ma’ Marija matul is-sajf:
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2, 1-20)
F’dik il-ħabta Ċesari Awgustu ħareġ digriet biex isir ċensiment fid-dinja kollha. Dan kien l-ewwel ċensiment li sar meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja. U kulħadd mar biex jinkiteb, kull wieħed fil-belt tiegħu. Ġużeppi wkoll mar mill-Galilija, mill-belt ta’ Nazaret, u tala’ l-Lhudija, fil-belt ta’ David jisimha Betlehem – għax hu kien mid-dar u l-familja ta’ David – biex jinkiteb flimkien ma’ Marija l-għarusa tiegħu, li kienet tqila. Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.” F’daqqa waħda ngħaqdu mal-anġlu għadd kbir ta’ qtajja’ tas-sema, ifaħħru lil Alla u jgħidu:
“Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet,
u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!”
Meta mbagħad l-anġli ħallewhom u telgħu s-sema, ir-rgħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Ejjew immorru Betlehem ħa naraw x’ġara kif għarrafna l-Mulej.” Marru mela jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ’l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha. Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Marija u Ġużeppi obdew il-liġijiet tal-mexxejja tagħhom
L-aħbar tat-twelid ta’ Ġesù kienet għal kulħadd, fqar u għonja. Ġesù sar bniedem għax iħobb lil kulħadd u ried isalva lil kulħadd
Tafu kif tkompli l-istorja, wara li Ġesù twieled Betlehem? Tistgħu taqraha hawnhekk: Mattew 2, 1-23
Lil Ġesù marru jarawh ukoll xi nies għorrief, imma qabel, huma marru jistaqsu lil Erodi kienx jaf fejn kien dan it-tifel speċjali. Erodi, ħaseb li Ġesù kien se jsir xi raġel b’saħħtu u jeħodlu postu! Għalhekk ordna li joqtlu lis-subien kollha li kellhom l-età ta’ Ġesù!
Minkejja dan, lil Ġesù ma qatluhx għax anġlu kellem lil Ġużeppi u qallu biex hu u l-familja tiegħu jaħarbu qabel ma jaslu s-sultdati. Ġużeppi flimkien ma’ Marija u Ġesù, ħarbu lejn l-Eġittu.
Qatt smajtu bil-kelma refuġjat?
Tafu xi tfisser?
Refuġjat, huwa dak li minħabba l-periklu li hemm fil-pajjiż tiegħu, ikollu jitlaq biex isib pajjiż li hu b’anqas periklu għal ħajtu. Hekk għamlet il-familja ta’ Ġesù, kellhom jaħarbu u jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor, biex Ġesù ma jkunx fil-periklu li jmut. Mela Ġesù kien refuġjat ukoll!
Marija tgħallimna li:
It-3 misteru tal-Ferħ
Grazzi Ġesù, li inti tħobbna dejjem.
Ġesù għinna biex aħna wkoll nobdu dak li jgħidulna dawk li jmexxuna u jridulna l-ġid.
Grazzi Ġesù għal dawk in-nies kollha li inti tagħtina u li jipproteġuna, anke meta dan jitlob sagrifiċċju kbir minnhom.
Nitolbu għal dawk il-familji li minħabba l-gwerer jew sitwazzjonijiet oħra koroh f’pajjiżhom, ikollhom jaħarbu biex jipproteġu lit-tfal tagħhom u lilhom infushom.
Nota lill-ġenituri:
Meta jlestu l-kuruna, staqsu xi qassis biex iberikielhom u araw li t-tfal ikunu magħkom ukoll.
Meta tgħidu r-rużarju, tistgħu tibdew b’posta waħda, tkellmu ftit dwar dak il-misteru, per eżempju t-twelid ta’ Ġesù f’Betlehem; imbagħad staqsu lit-tfal għal min jixtiequ joffru din il-posta tar-rużarju. Spjegawlhom li l-Madonna ser twassal dan it-talb tagħhom lil Ġesù. Uruhom kif jużaw il-kuruna.
Morru fil-knisja tal-parroċċa tagħkom, jew f’xi knisja oħra, u araw issibux xi pittura tat-twelid ta’ Ġesù.
Ftakru ħudu ritratt u ibagħtuhulna!
L-għan ta’ bekids.mt hu li joffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal u għall-adolexxenti li qegħdin jippreparaw biex jirċievu s-sagramenti.