Fl-Evanġelju tal-lum, waqt li mexjin lejn Ġerusalemm, Ġesù jkompli jkellem u jgħallem lid-dixxipli dwar il-mewt u l-qawmien tiegħu. Ġesù jsemmi l-ambizzjoni u l-karatteristiċi li għandu jkollu mexxej nisrani.
Fl-Evanġelju ta’ San Mark, naraw lil Ġesù jimxi mingħajr xkiel lejn Ġerusalemm, għalkemm jaf sew x’qiegħed jistennih. Waqt dan il-vjaġġ, kontinwament jipprova jfiehem lid-dixxipli li hu jista’ juri l-‘glorja’ tiegħu bħala s-salvatur, permezz tal-mewt tiegħu. Jidher li kliem Ġesù, lil dawk l-aktar qrib tiegħu, kienu intenzjonati biex iħejjihom għal dak li kien ser jiġri Ġerusalemm. Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù huwa kkonfrontat b’mistoqsija dwar il-poter u l-użu ta’ din l-awtorità, meta l-aħwa Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, jgħidulu, “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”. Ġesù jweġibhom u jgħid li hu ma kellux is-setgħa li jiddeċiedi dwar fejn wieħed se jkun fis-Saltna ta’ Alla, u jkompli u jgħid li dawk li jfittxu li jkunu l-akbar għandhom jaqdu lill-oħrajn u dak li jfittex li jkun l-ewwel “għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd.”
Illum Ġesù jisfidana. Jekk irridu nkunu vera dixxipli tiegħu, ma nistgħux infittxu li nkunu ppremjati b’pożizzjoni għolja fil-ħajja. Minflok infittxu dan, irridu nimxu fuq l-eżempju tiegħu li hu l-Messija u Salvatur, li ġie biex jaqdi u jkun qaddej ta’ kulħadd. Biex jaqdi, Ġesù ta ħajtu fuq salib.
L-għatx għall-poter ta’ Ġakbu u Ġwanni qajjem sens ta’ għira u għadab fost id-dixxipli. Ma hemm xejn ħażin li wieħed ikun ambizzjuż, jekk isir ġid mal-oħrajn, u l-ambizzjoni ma tkunx biss għall-gwadan personali. Mhux kull ambizzjoni hi ħażina. Ħafna jużawha biex itejbu lilhom infushom u lil dawk ta’ madwarhom. Bħala ġenituri aħna kburin bit-tfal tagħna, bix-xogħol li nagħmlu u bil-kisbiet tagħna. Irridu noqgħodu attenti minn ambizzjoni egoista, li skont l-iskrittura, hija dnub. Fl-ittra ta’ San Ġakbu, insibu hekk: “Imma jekk intom għandkom l-għira u l-imrar f’qalbkom u ħsiebkom fil-ġlied, qisu li b’hekk ma tiftaħrux u tigdbu kontra l-verità… Għax fejn hemm l-għira u l-ġlied, hemm issib it-taqlib u kull xorta ta’ ħażen.” (Ġakbu 3, 14-16) Ġesù jgħallem lid-dixxipli dwar l-importanza tal-qadi u sagrifiċċju, u jiċħad kull xorta ta’ tmexxija msejsa biss fuq il-poter. Fuq is-salib, Ġesù jara lilu nnifsu bħala l-eżempju perfett ta’ ‘mexxej qaddej’. Hu kien qiegħed iħejji lit-tnax għar-rwol tagħhom bħala mexxejja fil-komunità nisranija. Bħala nsara, aħna wkoll imsejħa biex inkunu ambizzjużi u nikbru fil-qdusija, li nkunu ambizzjużi biex nidħlu fis-Saltan ta’ Alla. Għandna naħdmu biex inxerdu l-Kelma ta’ Alla kull fejn inkunu, fil-familji tagħna, u b’hekk inkabbru s-Saltna ta’ Ġesù fuq din l-art. Nistgħu nieħdu l-opportunità biex naħsbu dwar il-mudelli li għandna ta’ awtorità. Fuq min nimmudella t-tmexxija tiegħi?