
San Ċirillu u San Metodju kienu aħwa. Huwa twieldu fis-Seklu 9. Ġew mgħammda bħala Kostantin u Mikiel u dawn kienu bidlu isimhom meta aktar tard bdew jgħixu l-ħajja monastika.
Ommhom kienet mill-Bulgarija u missierhom kien Grieg. Mikiel (San Metodju) kien uffiċjal mal-gvern. Mar jgħix f’monasteru Grieg, fejn sar Abbati (dak li jmexxi il-komunità fil-monasteru). Kostantin (San Cirillu) sar Filosofu (persuna li jistudja idejat rigward l-għerf, il-verità, dwar in-natura u t-tifsir tal-ħajja). Ċirillu u Metodju ntalbu jmorru missjunarji fl-Ukrajina. Il-Prinċep Ratislav ta’ Moravja (parti mir-Repubblika Ċeka) għamel talba lill-Emperatur Biżantin biex jintbgħatu missjunarji f’pajjiżu. Għalhekk minflok marru l-Ukrajina; Ċirillu u Metodju ntbgħatu Moravja.
Meta waslu, Ċirillu beda jittraduċi l-Liturġija għall-lingwa Slovakka. Ħoloq alfabet, li bosta pajjiżi Slavi għadhom jużaw sal-lum. L-awtorità tal-Knisja Ġermaniża fil-Moravja opponiet għal dan, għax kien ifisser li jitilfu s-setgħa u l-kontroll tagħhom fuq il-komunità Moravjana.
Kostantinu u Metodju sfaw ikkritikati bl-aħrax. Huma kienu qed jippreparaw kandidati għas-saċerdozju. Peress li ma kienux isqfijiet, ma setgħux jordnaw lill-kandidati li kienu ħejjew għas-saċerdożju; għalhekk kellhom jivvjaġġaw lejn Ruma biex dawk il-kandidati jiġu ordnati saċerdoti hemm.
L-aħwa sabu li l-kritika Ġermaniża kienet digà waslet qabilhom. Madankollu, il-Papa fehem l-importanza tal-użu tal-lingwa Slava fiċ-celebrazzjonijiet tal-Knisja u fil-liturġija fil-pajjiżi tal-Lvant u approvah.
San Ċirillu qatt ma rega’ lura l-Moravja. Hu marad serjament. Miet fl-14 ta’ Frar 869.
Il-Papa ta permess lil San Metodju biex ikompli jiċċelbra l-Quddies u jamministra l-Magħmudija bil-lingwa Slava. Ma setax jirritorna l-Moravja minħabba t-taqlib politiku kbir li kien hemm fil-pajjiż. Maż-żmien San Metodju kien ikkonsagrat Isqof u ngħata awtorità fuq il-Kroazja, is-Slovenja u l-Moravja. Il-kritika mill-Isqfijiet Ġermaniżi qatt ma waqfet; anzi kompliet tikber u saret persekuzzjoni tant li spiċċa l-ħabs f’monasteru. Minkejja li l-kritika madwaru qatt ma waqfet, Metodju qatt ma qata’ qalbu. Huwa maħsub li ttraduċa l-biċċa l-kbira tal-Bibbja u l-kitbiet tal-Missirijiet tal-Knisja għal-lingwa Slava. Miet fis-6 ta’ April tas-sena 884. San Ċirillu u San Metodju huma l-Appostli tas-Slavi u Patruni tal-Ewropa
