
San Duminku spiss jiġi rappreżentat b’kelb ħdejn saqajh li jkun qed iżomm torċa f’ħalqu. Din ix-xbieha daqsxejn stramba hija marbuta ma’ ħolma li omm Duminku kellha ftit qabel ma twieled. L-istorja tgħid li waqt li kienet qiegħda tieħu sehem f’pellegrinaġġ sal-Monasteru ta’ Silos, kellha ħolma li welldet kelb b’torċa f’ħalqu, hija semgħet vuċi tgħidilha li binha kien ser iqabbad id-dinja bin-nar!
Duminku twieled fl-1170, f’Calaroga fi Spanja fi ħdan familja nobbli. Missieru kien Feliċ de Guzman, u ommu Ġovanna ta’ Aża li hija wkoll dikjarata Beata. Ħuh Manes sar Patri Dumnikan (Patri Predikatur) u ħuh Antonio sar saċerdot djoċesan li ddedika ħajtu għall-kura tal-morda.
Iz-ziju ta’ Duminku min-naħa ta’ ommu, l-Arċipriet Guzman d’Izan ħa ħsieb l-edukazzjoni primarja tiegħu. Wara kompla l-edukazzjoni tiegħu fl-Università ta’ Palencia għal għaxar snin. Meta l-għaks laqat lil Spanja, Duminku biegħ il-kotba u kull ma kellu biex jixtri l-ikel għall-fqar u dawk bla dar. Darba oħra, huwa pprova jbiegħ lilu nnifsu bħala lsir, biex jikseb il-flus biex jeħles lil dawk miżmuma priġunieri mill-Għarab.
M’hemmx data eżatta tal-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu, iżda huwa magħruf li, f’mument minnhom, l-Isqof talbu jingħaqad mal-Kanoni Regolari tal-Kapitlu tal-Katidral biex jikkontribwixxi għar-riforma tiegħu. Din kienet tkun komunità ta’ saċerdoti marbuta mal-Katidral li kellhom ir-rwol li jagħtu pariri lill-Isqof. Aktar ’il quddiem, Duminku nħatar Superjur tal-Kapitlu u qatta’ madwar disa’ snin fit-talb u l-penitenza, kważi qatt ma ħareġ mid-dar tal-Kapitlu.
Duminku kellu madwar 33 sena meta l-Mulej mexxieh lejn il-missjoni vera tiegħu. Huwa ġie nkarigat mill-Papa biex jakkumpanja lill-Isqof de Acebo fi vjaġġ diplomatiku lejn id-Danimarka, bil-għan li jfittxu għarusa għall-Prinċep tal-Kuruna. Madankollu, meta l-Prinċipessa mietet qabel ma setgħu jirritornaw lejn Spanja, Duminku u l-Isqof tiegħu – meħlusin mill-inkarigu tagħhom – reġgħu lura Ruma. L-intenzjoni tal-Isqof kienet li jirriżenja mill-kariga tiegħu u flimkien ma’ Duminku, jiddedikaw ruħhom għall-missjoni fin-Nofsinhar ta’ Franza biex jiġġieldu l-ereżiji tal-Albiġiżi, setta eretika li kienet qed ixxerred twemmin kuntrarju għall-Fidi Kattolika.
Duminiku ffaċċja theddid hekk kif kompla jipprietka b’effettività u jgħix ħajja awstera, bil-għan li jwassal in-nies lura lejn il-Knisja. Wara li bdew jimxu warajhom ħafna nies li kienu kkonvertew, Duminku u Diego waqqfu ċ-ċentru tal-ħidma tagħhom f’monasteru fi Proulle u aktar tard, f’Santa Sabina.
Wara li rrifjuta t-talbiet tal-Papa biex isir Isqof, Duminku kien konvint li l-missjoni tiegħu kienet li jwaqqaf Ordni li “tinkorpora sistema ta’ edukazzjoni bbażata fuq it-talb u l-penitenza”, fejn il-membri kienu jivvjaġġaw biex jipprietkaw il-prinċipji tal-Fidi Kattolika.
Kien f’Lulju tal-1215 li l-Papa ta’ l-permess lil Duminku biex iwaqqaf Ordni bbażata fuq dawn il-prinċipji. Il-grupp inizjali ta’ sitt segwaċi kiber u nfirex madwar l-Ewropa, fejn twaqqfu djar ġodda tal-Ordni, magħrufa bħala l-Ordni tal-Predikaturi.
