
Min hu mistiku? Mistiku huwa persuna qaddisa ħafna li l-akbar xewqa tagħha hija għaqda mimlija mħabba u profonda ma’ Alla; persuna li l-għan tagħha fil-ħajja huwa li tistinka biex tilħaq dik l-għaqda.
San Ġwann tas-Salib huwa meqjus bħala mistiku u wkoll bħala Duttur tal-Knisja, għax minbarra li għex ħajja qaddisa ħafna, it-tagħlim u l-kitbiet tiegħu huma mill-aqwa u ta’ benefiċċju għall-fidi Kattolika. Barra minn hekk, sal-lum għadu magħruf bħala poeta Spanjol ta’ ħsieb spiritwali profond.
Ġwanni twieled fis-sena 1542 f’Fontiveros, fi Spanja. Trabba fil-faqar, għax, għalkemm missieru kien ‘accountant’ f’negozju tal-familja li kien sejjer tajjeb, ġie miċħud mill-familja tiegħu stess meta żżewweġ lil Catalina, mara fqira li kienet ġejja minn klassi l-aktar baxxa tas-soċjetà.
Meta kellu biss tliet snin, missieru miet, u sentejn wara miet ukoll ħuh il-kbir. Ommu bdiet taħdem bħala nissieġa, iżda xorta waħda kienet issibha diffiċli biex tipprovdi l-ikel u l-ilbies għall-familja tagħha.
Ġwanni ntbagħat ġo skola residenzjali għat-tfal iltiema u aktar tard attenda skola tal-Ġiżwiti; kien jaħdem ukoll ġo sptar. Hu beda jħoss is-sejħa għall-ħajja reliġjuża u fl-età ta’ 21 sena huwa daħal fl-Ordni Karmelitan, fejn ingħata l-isem ta’ Ġwanni ta’ San Mattija.
Wara li għamel il-voti li jgħix il-ħajja reliġjuża, Ġwanni attenda l-Università ta’ Salamanca, biex jistudja t-Teoloġija u l-Filosofija. Huwa ġie ordnat saċerdot fl-età ta’ 25 sena. F’dak iż-żmien beda jikkonsidra jidħol fl-Ordni Kartużjan, ordni reliġjuż li l-patrijiet tiegħu jgħixu f’kmamar individwali u jgħixu ħajja kwieta ta’ meditazzjoni. Hawnhekk hu ltaqa’ ma’ Tereża ta’ Avila, soru Karmelitana, li kienet qegħda terġa ddaħħal ħajja aktar stretta fl-Ordni Karmelitan, ibbażata fuq ħajja sempliċi ta’ talb u faqar. Dawk li ngħaqdu ma’ Tereża kienu magħrufin bħala ‘Karmelitani Skalzi’ minħabba l-fatt li kienu jimxu ħafjin.
Ġwanni, flimkien ma’ xi Patrijiet Karmelitani oħra, marru jgħixu Avila, qrib fejn kienet toqgħod Tereża. Hi waqfet monasteru għall-Patrijiet Karmelitani Skalzi, li għażlu jgħixu r-regola aktar stretta. Minn dak iż-żmien Ġwanni għażel l-isem ta’ Ġwann tas-Salib.
Beda jinqala’ l-inkwiet bejn il-Karmelitani Skalzi u l-Karmelitani. Fis-sena 1577, Ġwanni nħataf u ttieħed fil-Monasteru ta’ Toledo, fejn wara proċess ġudizzjarju, kien ikkastigat b’piena ta’ ħabs. Għal disa’ xhur sħaħ, Ġwanni nżamm ġo ċella żgħira fil-monasteru, fejn kien jingħata biss ħobż u ilma u xi ħut mielaħ. Irnexxielu jaħrab u jerġa jingħaqad mal-Karmelitani Skalzi wara li kien għamel sitt gimgħat l-isptar.
Huwa baqa’ l-persuna ċentrali fi ħdan l-Ordni Karmelitan Skalz, wara li l-Papa Girgor XIII fis-sena 1580, awtorizza diviżjoni formali fi ħdan l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi mill-Karmelitani. Minn dak iż-żmien il-quddiem, Ġwann tas-Salib beda jivvjaġġa madwar Spanja bil-għan li jwaqqaf postijiet ġodda għall-Ordni Karmelitani Skalzi.
San Ġwann tas-Salib miet fl-14 ta’ Diċembru 1599, meta kundizzjoni serja tal-ġilda wasslet għal infezzjoni fatali. Hu jibqa’ mfakkar mhux biss minħabba l-qdusija tiegħu u l-ispirtwalità profonda tiegħu, imma wkoll minħabba l-kitbiet tiegħu b’mod partikulari ‘il-Kantiku Spiritwali’ u ‘Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ’, li għadhom meqjusa bħala kapolavuri tal-poeżija u tal-kitba spiritwali Spanjola. Huwa mfakkar ukoll għat-tpinġija impressjonanti bil-lapes li għamel wara viżjoni mistika ta’ Kristu Msallab.
