
Biex niltaqgħu ma’ San Polikarpu, irridu mmorru lura fiż-żmien sas-sena 68 W.K. Dan il-perjodu kien magħruf bħala l-Era Appostolika tal-Knisja. Kien żmien meta, wara l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù u l-Appostli bdew jivvjaġġaw biex ixerrdu l-Aħbar it-Tajba.
Kien f’dan iż-żmien li San Polikarpu twieled f’familja Nisranija li kienu aċċettaw il-Fidi Nisranija mit-tagħlim tal-Appostli stess.
Fil-Magħmudija ngħata l-isem ta’ Panagratios, mhux Polikarpu. L-isem Polikarpu ngħatalu iktar tard.
Hu trabba mimli ħeġġa u sod fil-fidi. Sar saċerdot u assistant personali tal-Isqof ta’ Żmirna li kienet belt fil-Greċja. Illum din il-belt tissejjaħ Iżmir u tagħmel parti mit-Turkija.
Darba minnhom, Żmirna u l-inħawi tal-madwar kienu qed ibatu minn nixfa tant qawwija li n-nies kienu ser biex imutu minħabba n-nuqqas ta’ ilma. Panagratios, flimkien mal-Isqof, mexxa lill-komunità ta’ Żmirna fi tlett ijiem ta’ sawm u talb, biex tagħmel ix-xita. Meta għamlet ix-xita u reġa beda jikber il-frott u l-ħxejjex, il-poplu emmen li Alla wieġeb għat-talb u l-penitenza ta’ Panagratios. Minn dak iż-żmien beda jissejjaħ Polikarpu li jfisser ‘ħafna frott’.
Meta kellu 40 sena, Polikarpu nħatar l-Isqof ta’ Żmirna. Sar magħruf għall-qalb tajba u l-ġenerożità tiegħu; kien jevita l-konflitti u jfittex li jsolvi l-kwistjonijiet b’mod paċifu. Huwa għadda l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu jiddefendi l-Fidi. Il-qawwa tal-Fidi tiegħu ġiet mill-fatt li kien dixxiplu ta’ San Ġwann Appostlu. It-tagħlim tiegħu jinsab f’ittra li kiteb lill-Filippin. F’din l-ittra ħeġġiġhom biex iżommu sħaħ fil-Fidi Nisranija tagħhom.
Sas-sena 155 W.K., il-persekuzzjoni tal-Insara kienet laħqet Żmirna ukoll. Polikarpu ġie akkużat li kien qed ixerred il-Fidi Nisranija, inqabad u ġie arrestat. Hu ġie meħud ġo amfiteatru, fejn poġġewh fuq il-ħatab biex jinħaraq, peress li rrifjuta li jiċħad it-twemmin tiegħu fl-Alla Wieħed u Veru. B’mod mirakoluż, in-nirien ma għamillu ebda ħsara u nqatel b’xabla. Miet fl-età ta’ 86 sena.
