Santa Ġużeppina Bakhita

8 ta' Frar

Il-kelma ‘Bakhita’ bl-ilsien ta’ din il-qaddisa tfisser fortunata.

Ġużeppina twieldet fir-reġjun ta’ Darfur, ġewwa s-Sudan, fl-Afrika.  Is-sena kienet 1869, u il-bejgħ u x-xiri ta’ l-iskjavi kien għaddej bla rażan.  Kellha biss 7 jew 8 snin meta ġiet maħtufa minn negozjanti ta’ l-iskjavi Arab, waqt li kienet qed taħdem fl-għelieqi mal-familja tagħha.  Ġiet imġiegħla timxi ħafja sas-suq ta’ l-isjkavi ġewwa El Obeid, fejn inxtrat u inbiegħet madwar darbtejn waqt dak il-vjaġġ.

Ġużeppina baqgħet tinbiegħ u tinxtara bħala skjava u għamlet żgħożita fl-iskjavitu, tgħaddi mingħand sid għal ieħor.  Fil-fatt anki isimha insiet, meta kienu jistaqsuha isimha kienet twieġeb ‘Bakhita’, isem li kien ġie mgħotti lilha minn dawk li ħatfuha, forsi minħabba l-fatt li kienet ittorturata, msawta u immarkata.  Darba ġiet feruta bosta drabi u għamlulha il-melħ mal-feriti tagħha!

F’dak iż-żmien, Bakhita kienet għada ma saritx Nisranija, imma dejjem kien tħares lejn is-sbuħija tan-natura madwarha b’għaġeb kbir; kienet taħseb “minn Hu s-Sid ta’ din is-sbuħija.”  Fl-aħħar inxtrat minn Callisto Legnani, il-Viċi Konslu f’Khartoum, il-Belt kapitali tas-Sudan.  Wara sentejn ħadha miegħu l-Italja u ingħatat bħala rigal lill-Kollega tiegħu, Augusto Michiele, li qabbadha biex teħodlu ħsieb it-tifla.  Meta l-famija kellha bżonn terġa tmur is-Sudan minħabba n-negozju tal-familja, Bakhita talbet biex tibqa l-Italja.  Is-sinjura tagħha ħallietha f’idejn is-sorijiet Kanossjani ġewwa Venezja.  Kien f’dak iz-zmien meta kienet mas-sorijiet li Bakhita ħasset is-sejħa biex timxi wara Ġesu’ billi ssir Nisranija.

 Meta s-Sinjura ta’ Bakhita, ġiet lura mis-Sudan, insistiet li terġa lura d-dar biex tkompli taqdiha.  Iżda Bakhita ma riditx titlaq minn mas-sorijiet.  Is-superjura tal-kunvent iddeċidiet biex tidħol għad-drittijiet ċivili ta’ Bakhita quddiem l-awtoritajiet ċivili minħabba l-fatti li is-skjavitu ma kienx legali ġewwa l-Italja u is-skjavitu kien spiċċa fis-Sudan anki qabel ma kienet ġiet maħtufa Bakhita!  Meta l-qorti ordna li Bakhita kienet persuna libera, iddeċidiet li tingħaqad mas-Sorijiet Kanossjani.

Meta żmien tal-katekumenat wasal fi tmiemu, Bakhita tgħammdet, l-isem li għażlet kien Ġużeppina Margerita Fortunata (Fortunata hija l-kelma Bakhita bil-Latin).  Fl-istess ġurnata li tgħammdet għamlet il-Griżma tal-Isqof u l-ewwel Tqarbina.  Eventwalment ingħaqdet mas-Sorijiet Kanossjani u intbagħtet fil-kunvent ta’ Schio ġewwa Venezja fl-Italja.  Għal tnejn u erbgħin sena hija ħadmet bħala purtinara u fil-kċina.  Kienet ukoll tiġi imqabbda titkellem mas-Sorijiet li kienu ser imorru l-Afrika bħala missjunarji.  Waqt dawn il-laqgħat, meta kienet titkellem dwar l-esperjenzi tagħha, il-ħtif u l-iskjavitu tagħha, hija mhux biss ħafret lil dawk li ħatfuha imma ukoll rringrazzjathom għax kienet tqis lilha nnfisha fortunata għax kieku ma kienx ser ikollha l-esperjenza li tiltaqa’ ma Ġesu’ Kristu.

B’sens ta’ rispett saret magħrufa bħala ‘Madre Moretta’ ~ l-Omm Sewda tagħna, kienet magħrufa ukoll għal personalita’ li tiġbdek, għat-tbissima u l-vuċi ġentili tagħha.  Hija baqgħet ferrieħija anki meta kibret u kienet tkun muġugħa ħafna u ma setgħetx tqum minn fuq is-siġġu tar-roti.

Ġużeppina mietet fit-8 ta’ Frar 1947.

Permezz tal-Grazzja ta’ Alla, Santa Ġużeppina Bakhita ma żammitx f’qalbha mibegħda u stmerrija, hija għażlet li taħfer.

Il-psikologi jaqblu li jekk tgħallem lit-tfal jaħfru meta jkunu għadhom żgħar, huma jkunu ippreparati jiffaċċjaw l-weġgħat li żgur ser jiltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħhom.  Barra minn hekk, li jitgħallmu jaħfru meta jkunu għadhom żgħar, speċjalment f’konflitti ma’ ħuthom, jista jservi bħala għajnuna biex jitgħallmu il-proċess ta’ fejqan u maħfra li twiegħed ħbieberiji dejjiema u paċi fid-dar!

Irridu nifhmu li titgħallem taħfer m’hiex xi ħaġa ta’ malajr.  Il-maħfra hija mibnija fuq l-imħabba u l-ġentilezza, empatija u rispett.  Dawn huma valuri li hemm bzonn li nrawmu f’uliedna waqt li qegħdin jiżviluppaw f’persuni maturi. 

Fi trobbija it-tfal iktar jassorbu dak li jaraw milli dak li jitgħallmu.  Huwa ta’ siwi kbir li ngħaddu l-valur tal-maħfra lill uliedna.

Meta nirrabjaw u nitilfu l-paċenzja ma’ uliedna, hemm bżonn li nitkellmu bil-kwiet magħhom u nammettu li l-attitudni tagħna setgħet kienet aħjar.  Sibu l-kuraġġ biex tiskużaw ruhkom.  Ħallihom ikunu xiehda ta’ din l-attitudni fl-adulti fid-dar!

– 

Tistgħu titkellmu fuq xi sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil li seħħet riċentement.

Ħeġġigħom biex jesprimu dak li ħassew ~ irrikonoxxi ir-rabja u l-weġgħa tagħhom.

Iddiskuti ~ x’jistgħu jagħmlu biex jirranġaw iż-żball ~ x’jagħmilhom iħossuhom aħjar.

Studjaw l-attitudnijiet tagħhom miż-żewġ naħat.

Tisforzax lit-tfal biex jiskużaw ruħhom waqt id-diżgwid, ħalli l-ħin jgħaddi,meta tkunu tistgħu titkellmu bil-kwiet.  Irridu nkunu paċenzjużi u nagħrfu li l-maħfra hija proċess u li m’hemm xejn ħażin li wieħed iħossu irrabjat anki wara li jkunu ħafru.

Xi kultant it-tfal iħossuha iebsa biex jgħidu li iddispjaċihom.  Ippermettilhom jagħżlu mod ieħor kif juru l-persuna l-oħra li ħafrulhom minn qalbhom.

Ħin ta’ Talb mal-Familja

Iddedikaw ħin għat-talb dwar il-maħfra ~ ixgħelu xemgħa ~ għamlu mużika rilassanti ~ itolbu l-Missierna.

Itolbu: “Ejjew nitolbu lil Alla biex jgħina naħfru.  Ġesu’ jgħallimna biex inħobbu mingħajr limitu”

Għamlu ftit minuti fil-kwiet.  (Dan jista jkun ħin ta’ rikonċiljazzoni bejn membri tal-familja)

Għat-tfal kbar jistgħu jitolbu l-Ħames Misterju tat-Tbatija.  Waqt mument ta’ silenzju fakkar it-tfal fuq il-kliem ta’ Ġesu’ minn fuq is-Salib:  “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”

Tista tirrakontalhom l-istorja tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, li kien mar iżżur fil-habs lil persuna li pruvat toqtlu ~ lezzjoni kbira dwar il-maħfra, għad-dinja.

Araw: Man, who shot Pope John Paul ll visits his tomb .

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.