Santa Marija Mackillop

8 ta' Awwissu

Santa Marija Mackillop hija l-ewwel qaddisa Awstraljana.  Hi twieldet fis-sena 1842, fil-belt ta’ Fitzroy fl-istat ta’ Victoria, l-Awstralja. Il-familja Mackillop għaddiet minn żmien ta’ faqar meta missierha spiċċa mingħajr xogħol; u billi Marija kienet l-ikbar fost tmien ulied marret taħdem ġo ħanut biex setgħet tgħin lill-familja tagħha. Avolja huma kienu familja fqira, xorta rċevew edukazzjoni tajba ġewwa skejjel privati u tagħlim fid-dar mingħand missierhom.

Fl-1860 marret tgħix in-naħa t’isfel tal-Awstralja, fejn iz-zijiet tagħha mpjegawha biex tieħu ħsieb u tgħallem lit-tfal tagħhom.  Qalbha kienet dejjem marbuta mal-fqar, għalhekk flimkien ma’ dawn il-kuġini, bdiet tgħallem lit-tfal tal-bdiewa li kienu jgħixu fl-inħawi.

L-Isqof ta’ dan il-post beda jħeġġeġ lis-saċerdot Julian Woods biex jibda l-edukazzjoni Kattolika f’subborgi żgħar. Meta iltaqa’ ma’ Mary, induna bil-kwalitajiet tajbin tagħha u ħeġġiġha biex tingħaqad miegħu f’din il-missjoni. Flimkien bdew skola għal kulħadd b’xejn b’mod speċjali għal dawk li ma setgħux iħallsu.  

Minn dak iż-żmien il-ħajja ta’ Marija kienet li tgħallem b’mod partikulari tfal li kien jgħixu f’postijiet imbiegħda; dan kien jinkludi tfal aboriġini li dak iż-żmien kienu mwarrba mis-soċjetà.  Il-vokazzjoni tagħha kienet li taqdi lill-foqra u lill-emarġinati.

Maż-żmien nisa oħra bdew jingħaqdu magħha biex iwaqqfu mhux biss skejjel imma anke postijiet fejn persuni fil-bżonn ikunu jistgħu jsibu l-għajnuna.  Marija ħadet il-voti f’ordni religjuża li waqqfet hi stess flimkien mas-saċerdot Julian Woods:  din l-ordni tissejjaħ – Is-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Qalb ta’ Ġesù.  L-għan tal-ordni hu li jgħin nies minn kull qasam fil-ħajja, fil-bżonnijiet materjali u spiritwali tagħhom.

Swor Marija tas-Salib kellha tiffaċċjha ħafna diffikultajiet minn persuni li ma fehmux il-missjoni tagħha; imma hi qatt ma qatgħet qalbha. Hija vvjaġġat mill-Awstralja għal Ruma biex ir-Regola tal-Ħajja tas-Sorijiet ta’ San Ġużepp tiġi approvata uffiċjalment mill-Papa.

Fl-1902, meta Swor Marija kellha 60 sena, sofriet puplesija li ħalliet in-naħa tal-lemin tagħha paralizzata. Damet seba’ snin ġo siġġu tar-roti u baqgħet is-Superjura Ġenerali tal-Ordni sakemm mietet fit-8 ta’ Awwissu 1909.

Hi ġiet kanonizzata fl-2010 minn San Ġwanni Pawlu II u ddikjarata bħala Qaddisa Patruna tal-Awstralja. Il-Motto ta’ Mary Mackillop kien: ‘Qatt m’għandek tara ħtieġa ta’ xi ħaġa, mingħajr ma tagħmel xi ħaġa dwarha’.

Tista’ tgħin lit-tfal isibu l-Awstralja fuq mappa.

Spjega lit-tfal li fi żmien Mary Mackillop kien diffiċli ħafna li wieħed jivvjaġġa lejn dawn l-inħawi u aktar u aktar li jivvjaġġa mill-Awstralja għal Ruma, b’mezzi ta’ trasport limiti u primittivi.  Enfasizza li Mary Mackillop qatt ma qatgħet qalbha minkejja d-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom.

Fakkarhom fil-motto ta’ Mary Mackillop u kif nistgħu ngħixuh fil-ħajja tagħna. Tistgħu tagħmlu bookmark jew kartolina bil-motto ta’ Mary Mackillop fuqha.

Iddedika ftit ħin ta’ talb biex tirringrazzja lil Alla:  għall-għalliema/katekisti li jgħallmuna u jmexxuna fi triq it-tajba billi jħeġġuna u jappoġġjawna. Nitolbu wkoll biex ikompli jagħtihom l-għajnuna Tiegħu sabiex huma jistinkaw biex jedukaw anke f’sitwazzjonijiet diffiċli.

Ġesù huwa l-Akbar Għalliem tagħna. Spjega kif Ġesù għallem bil-parabboli. (stejjer b’tagħlima).  Agħzel parabbola mill-Bibbja tat-tfal u għidilhom.

Staqsi lit-tfal:  X’ried jgħallimna Ġesù b’din il-parabbola?

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.