Illum huwa t-tieni Ħadd tal-Avvent. Iżda taħbat ukoll il-festa tal-Kunċizzjoni, it-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa. Din il-festa tfakkarna li Alla għażel mill-bidu nett lil Marija biex tkun omm Ġesù; mit-tnissil tagħha, il-Madonna kienet mingħajr tebgħa’ ta’ dnub.
Fl-istqarrija tad-domma tat-tnissil bla tebgħa tal-Madonna, ipproklamata fl-1854, mill-Papa Piju IX, hemm miktub hekk:
“L-Imqaddsa Verġni Marija, sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, bi grazzja u favur singulari ta’ Alla li jista’ kollox, f’ġieħ il-merti magħrufin minn qabel ta’ Ġesù Kristu, is-Salvatur talbnedmin kollha, kienet għal kollox meħlusa minn kull tebgħa taddnub tan-nisel.”
Fl-Evanġelju tal-lum, nisimgħu meta Alla bagħat lill-messaġġier tiegħu Gabrijel biex iħabbar lil Marija li kien għażilha bħala dik li kellha tkun omm Ġesù. Marija, ma kienet ħadd speċjali f’Nazaret. Ma kinitx xi tfajla magħrufa minn kulħadd. Li kellha speċjali ma kienx dak li jidher. Hi kienet lesta li tobdi r-rieda ta’ Alla, anke meta ma fehmithiex, anke meta l-ewwel ħsibijiet li ġewha f’moħħa dwar dan kollu, mhux bilfors kienu inkoraġġanti. Alla talabha ssir omm, f’ċirkustanzi li setgħu wassluha saħansitra biex tiġi mħaġġra. Marija kienet fil-libertà li tirrifjuta dak li kien mitlub minna. Dan ma kienx xi destin li Marija ma setgħetx taħrab minnu. L-iva ta’ din it-tfajla, magħrufa minn ħadd, waslet għas-salvazzjoni tal-umanità kollha.
Marija, bħal kulħadd, żgur li kellha ħolm dwar kif ser tkun il-ħajja tagħha. Meta saret omm Alla, dan il-ħolm sfaxxa fix-xejn. L-iva tagħha għamel possibbli dak li kien impossibbli. L-istess jagħmel Alla magħna, meta jitlobna xi ħaġa u aħna nwieġbu ‘iva, ikun li trid int’. Xi drabi, iżda l-pjani tagħna jkunu wisq għal qalbna, ma nkunux lesti li nibdluhom. Marija setgħet tgħid ‘iva’, għax il-fidi tagħha, u r-rieda tagħha li tobdi dak li Alla ried minnha, kienu wisq akbar minn dak li kienet fasslet għall-ħajja tagħha hi stess.
Dak li jitlob Alla minna mhux dejjem faċli. Madanakollu nemmnu li hu qiegħed dejjem magħna, u kif qal l-anġlu “għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.” Fit-talb Alla, jurina dak li jixtieq minna. L-‘iva’ tagħna, trid tkun bħal ta’ Marija, marbuta mal-ebda kondizzjoni.