L-Evanġelju tal-lum jibda fuq nota ta’ nuqqas ta’ tama. Pietru qisu bħal wieħed li ma jafx x’ser jaqbad jagħmel, issa li Ġesù miet. X’aktarx kien għadu qiegħed iħoss rimors kbir għall-mod li ċaħad lil Ġesù. U għalhekk, bħal qisu jrid imur lura għall-ħajja ta’ qabel ma sar jaf lil Ġesù, Pietru jiddeċiedi li se jmur jistad.
Miegħu marru sħabu l-oħra. Għamlu lejl jistadu u ma qabdu xejn! Imbagħad jitfaċċa Ġesù, jgħidilhom biex jergħu jitfgħu x-xbiek, sakemm hu ħejja l-ikel. “Ejjew kulu.” Din hi l-istedina ta’ Ġesù. Din hi l-istedina li jagħmel lilna wkoll, stedina għall-Ewkaristija. Dan l-Evanġelju fih ħafna mis-sinifikat tal-quddies.
Numru ta’ drabi, bħall-appostli, ikollna qalbna maqtugħa, inkunu mtaqqla’. Jista’ jkun li t-toqol li għandna jkun ġej minn dnub li għamilna. Pietru wkoll kien għamel għażla ħażina. Hu kien ċaħad il-ħbiberija li kellu ma’ Ġesù, ċaħad ir-relazzjoni li kellu ma’ Ġesù. Iżda l-aħħar parti tal-qari tal-Evanġelju, Ġesù jistaqsih għall-tliet darbiet, iħobbux. U lilna jistaqsina wkoll. Qatt forsi t-tfal jew ir-raġel/mara staqsewk tħobbhomx? Kif ħassejtek?
Ġieli, tkun faċli li tgħid li tħobb lil xi ħadd. Għalhekk Ġesù ma jieqafx biss, mat-tweġiba ta’ Pietru. Wara t-tweġibiet, Ġesù jgħid lil Pietru li jrid jagħmel xi ħaġa, biex isarraf il-kliem f’fatti. Ġesù jitlob lil Pietru, “jirgħa l-ħrief/nagħaġ tiegħu.” Pietru jaċċetta kemm il-maħfra li jagħtih il-Mulej, kif ukoll ix-xogħol li jingħata. U l-quddiesa tibda propju bi stqarrija tan-nuqqasijiet tagħna, u talba ta’ maħfra.
Fl-offertorju, aħna noffru dak li aħna u x-xogħol tagħna, noffru l-ħobż u l-inbid. Iżda dawn jinbidlu fil-ġisem u demm ta’ Ġesù. L-appostli joffru x-xogħol tagħhom, il-ħut li qabdu u bħal ma nafu l-appostli mhux biss komplew fuq il-passi ta’ Ġesù, iżda wkoll għax tawh dak kollu li kellhom, huma kellhom saħansitra l-qawwa li jieħdu l-martirju. Huma taw kollox lil Ġesù u hu tahom dak kollu li kellhom bżonn.
Qabel ma’ Ġesù jibgħat lil Pietru biex ‘jirgħa l-ħrief/nagħaġ,’ Ġesù jostnieh bl-ikel. L-istess jagħmel magħna. Ġesù jaf li l-ħajja tan-nisrani hija diffiċli. Għalhekk, permezz tat-tqarbin, Ġesù jagħtina l-ikel li għandna bżonn. Ikel li jagħtina l-qawwa biex nagħmlu deċiżjoni skont ir-rieda tiegħu. Imbagħad, fl-aħħar tal-quddiesa, is-saċerdot, jgħidilna “morru fil-paċi ta’ Kristu.” It-tqarbin, is-smigħ tal-Kelma, jagħtuna s-saħħa u jdaħħlu fina x-xewqa biex inwasslu l-paċi ta’ Kristu għand oħrajn, nibdew fuq kollox mill-familji tagħna.