Ġesù l-lum jirrakkuntalna xi stejjer oħra biex jurina li s-Saltna tas-Smewwiet hija għalina bħal teżor. Ma xiex iqabbilha s-Saltna Ġesu’? (Iqabbilha ma’ raġel li kien qed ifittex perli prezzjużi, kif ukoll iqabbilha ma’ teżor li jinstab moħbi f’għalqa.)
Ejjew naħsbu ftit ieħor dwar l-istorja li jgħidilna Ġesù. Huwa jgħid li s-Saltna tas-Smewwiet hija bħal teżor moħbi f’għalqa li xi ħadd ikun sab.
Kif taħseb li tħossok kieku inti ssib xi teżor prezzjuż? X’tagħmel kieku jiġrilek xi ħaġa bħal din?
Fl-istorja li jirrakkuntalna Ġesù, il-persuna li ssib it-teżor tmur u terġa taħbih, u mbagħad tmur u tbiegħ dak kollu li għandha biex tixtri t-teżor li sabet u li reġgħet ħbiet fl-għalqa. Għalfejn għamlet hekk din il-persuna?
Għamlet hekk għaliex kellha tant entużjażmu għat-teżor li kienet sabet u kienet skopriet li dan kien jiswa ħafna iżjed mill-affarijiet kollha li kellha qabel! It-teżor li hija sabet kien l-aqwa ħaġa li qatt seta jkollha – xejn ma jista’ jitqabbel ma’ dan it-teżor!
Ġesu’ l-lum qed jgħidilna li s-Saltna tas-Smewwiet hija teżor li aħna nistgħu insibu jekk aħna nagħmlu ħilitna biex ngħixu ħajjitna kif jixtieqna ngħixuha Alla.
Ilkoll għandna teżori fil-ħajja tagħna. Inti x’teżori għandek? Għalfejn tqis li dawn it-teżori huma tant speċjali għalik? (Il-ġenituri jistgħu jitkellmu mat-tfal dwar xi ħaġa li hija tassew għal qalbhom sabiex it-tfal jingħataw eżempju li jgħinhom jifhmu x’inhuwa jgħid Ġesu’ b’dawn il-parabboli). Fost l-awqa teżori li għandna, żgur insibu l-imħabba tal-persuni li huma qrib tagħna, il-familjari tagħna, il-ħbieb tagħna u dawk kollha li lilna jridulna l-ġid u li jgħinuna ngħixu sewwa. Ma’ dawn il-persuni, hemm teżori oħrajn bħalma huma l-paċi, is-saħħa, il-ġustizzja u l-ħajja li ngħixu flimkien fil-komunitajiet tagħna. Meta noffru spazju lil Alla biex hu jkun preżenti fil-familji tagħna, fil-ħajja personali tagħna, fil-komunitajiet tagħna, hemmhekk inkunu sibna it-teżor li hija s-Saltna tas-Smewwiet. Din mhijiex Saltna tas-Smewwiet għaliex m’għandhiex x’taqsam mal-art! Anzi bil-maqlub! Hija s-Saltna tas-Smewwiet għaliex lilna li għadna ngħixu fid-dinja, bl-isfidi kollha li fiha, tagħtina ċ-ċans induqu ftit mill-paċi u l-imħabba smewwija li Alla waħdu jista’ jdewwaqna f’ħajjitna u li xi darba għad ingawdu għal dejjem miegħu fil-ġenna.