Żmien ir-Randan fis-simboli

Żmien ir-Randan

Għall-ġenituri

Wasal Randan ieħor. Il-Knisja tagħtina dawn iż-żminijiet differenti matul is-sena, għal raġuni speċifika. Ir-Randan huwa żmien meta flimkien ma’ Ġesù nagħmlu l-vjaġġ lejn is-salib, il-passjoni u mewt tiegħu. Wara iżda, niċċelebraw l-akbar festa tagħna l-Insara: l-Għid. Ġesù jqum rebbieħ fuq il-mewt. U b’hekk jibda żmien il-Għid li jwassalna għall-festa ta’ Pentekoste, il-festa tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu.

X’ser ikollna bżonn?

Għal matul ir-Randan:

  • Salib: jekk tixtiequ, għinu lit-tfal jagħmlu salib huma, bl-injam jew zkuk
  • 5 xemgħat vjola
  • Xemgħa roża
  • 40 ċagħqa
  • Ramel
  • Reċipjent kbir biżżejjed fejn jitpoġġew is-salib, ix-xemgħa, ramel u ċagħaq
  • Salib żgħir
  • Spalliera żgħira tat-tfal
  • Printout li ser titpoġġa fuq l-ispalliera
  • Żigarella jew spag
  • Kuluri
  • Imqass
  • Gloj
  • 5 kuluri ta’ kartonċin differenti
  • Kartonċina ħadra
  • Karta tat-tajr
  • Printout tal-istampi
  • Sticky tape
  • Bibbja tat-tfal
  • Laptop

(jekk it-tfal mhux ser jagħtu kulur lill-istampi, ipprintjaw l-istampi tal-kulur)

Għal żmien il-Għid

  • Xemgħa bajda kbira
  • Bajda tal-Għid li tibqa’ tintuża sa’ Pentekoste, jew 15-il bajda tal-Għid żgħar.
  • Fjuri żgħar, artfiċjali

Matul ir-Randan u l-Għid, it-tfal ser ikollhom spjegazzjoni ta’ simboli u oġġetti li jaraw f’dawn iż-żminijiet. Is-simboli jgħinuna biex nifhmu aħjar is-sinifikat u l-messaġġ ta’ dan iż-żmien importanti.

Ser ikun hemm żewġ simboli kull ġimgħa. Dawn ser jinqatgħu u jingħataw il-kulur. Qabel ma jibda r-Randan, għinu lit-tfal jippreparaw l-ispalliera li se sservi biex jiddendlu s-simboli magħha (ara eżempju).

Ibdew billi tagħmlu printout tal–kliem: X’ser naraw fir-Randan u l-Għid? It-tfal jagħtuha l-kulur. Taqqbuha min-nofs biex tkun tista’ titlibbes fuq l-ispalliera.

F’Pentekoste, it-tfal ikunu għamlu 29 simbolu. Dawn ser jiddenlu mal-ispalliera, ftit ftit. Mill-ispalliera dendlu 6 tulijiet ta’ żigarella, twal biżżejjed li jitwaħħlu dawn is-simboli magħhom.

Minbarra spjega tas-simbolu, ser ikun hemm xi ħaġa li t-tfal jistgħu jagħmlu jew jaraw. Ser ikun hemm ukoll forma ta’ qalb u kull darba ser jiktbu fuqha, biex jiffurmaw fjuri bihom. Matul ir-Randan nippruvaw li nitolbu (🕆), aktar, nagħmlu xi sagrifiċċju (✂), u nagħmlu karità (❤️). Kull darba ser ikun hemm idea ta’ xi ħaġa li jistgħu jagħmlu t-tfal. Fi Żmien il-Għid, li hu żmien ta’ ferħ, it-tfal ser ikunu mħeġġa biex iferħu lil xi ħadd (🙂).

Jekk tixtiequ li din l-attività tagħmluha wkoll bħala logħba, matul ir-Randan aħbu s-simbolu u mmarkaw il-post bis-salib żgħir u ħallu lit-tfal ifittxuh, mill-Għid sa Pentekoste, minflok is-salib, użaw bajda tal-Għid. Tistgħu jew tużaw l-istess bajda sa Pentekoste, jew jekk ser jikluha fl-Għid, tkunu tridu 15-il bajda tal-Għid.

Qabel Ras ir-Randan lestu r-reċipjent fejn ser jitpoġġa s-salib, ramel, xemgħa u ċagħaq.

In-numru 40

Nitgħallmu:

Tfal, sibu kalendarju ta’ din is-sena. Illum niċċelebraw il-bidu tar-Randan. Id-data tal-lum hija 22 ta’ Frar. Issa għoddu l-ġranet sal-Għid, jiġifieri tal-Ħadd 9 ta’ April.

Kemm hemm ġranet? (47)

Tafu għalfejn ngħidu li r-Randan twil 40 ġurnata, imma intom għaddejtu 47 ġurnata minn Ras ir-Randan sal-Għid?

Dan għax il-Ħadd, hija ġurnata speċjali. Kull nhar ta’ Ħadd aħna niċċelebraw u niftakru meta Ġesù qam mill-mewt! Għalhekk il-Ħdud ma nqisuhomx parti mir-Randan.

Fil-Bibbja nsibu ġrajjiet fejn in-numru 40 huwa mportanti. Per eżempju, Noè u l-familja tiegħu, flimkien mal-annimali damu 40 ġurnata fl-arka; Mosè u l-ħbieb tiegħu damu 40 sena fid-deżert, David dam 40 sena re u anke t-tifel tiegħu Salamun.  Qabel ma Ġesù beda jgħallem lin-nies, hu dam 40 ġurnata jitlob fid-deżert, u wara li qam mill-mewt, għamel 40 jum jiltaqa’ mal-ħbieb tiegħu, imbagħad Ġesù tela’ fis-sema.

Nagħmlu:

Fir-reċipjent li lestejtu poġġu s-salib fin-nofs. Fuq naħa minnhom għamlu 3 xemgħat vjola, fuq in-naħa l-oħra l-bqija tax-xemgħat, bix-xemgħa r-roża fin-nofs. Dawn ix-xemgħat jirrapreżentaw il-Ħdud tar-Randan.

Aqtgħu n-numru 40, u agħtuh il-kulur (niżżel minn hawn). Meta tkunu lesti, waħħlu dan l-ewwel simbolu ma’ waħda mill-ispag li għandkom imdendlin mal-ispalliera. L-ispalliera dendluha fil-kamra tal-ikel fejn tiltaqgħu bħala familja.

Fuq waħda mill-qlub pinġu 40 bewsa lil Ġesù, biex turuh li tħobbuh ħafna. Tistgħu tużaw kuluri jew glitter. Poġġu din il-qalb ġo kaxxa biex meta jkollkom biżżejjed tkunu tistgħu tagħmlu fjura.

Mill-Bibbja tat-tfal, aqraw l-istorja ta’ Noè, inkella tistgħu taraw din l-istorja minn hawn.

illum tiekolx ħelu

Nitolbu

Għażiż Ġesù, illum bdejna ż-żmien speċjali tar-Randan. F’dawn il-ġranet li ġejjin, irridu nitgħallmu aktar dwar l-imħabba tiegħek għalina. Ammen.

Għal aktar tagħrif għall-ġenituri, agħfas hawn.

Id-deżert u l-ġebel

Nitgħallmu:

Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu l-ġrajja meta Ġesù mar fid-deżert u baqa’ hemm għal 40 jum.

Għalfejn mar fid-deżert?

Id-deżert huwa post fejn ma hemm xejn ħlief ramel u ġebel. Ġesù mar hemmhekk biex ikun waħdu għall-kwiet. Hu qagħad jitlob u jipprepara lilu nnifsu biex jgħallem lin-nies dwar Alla u jgħidilhom kif jistgħu jgħixu u jkunu ferħanin.

Fl-aħħar tal-40 jum, Ġesù ġie ttentat biex jagħmel għażliet ħżiena, imma huwa m’għamilhomx. L-għaqda perfetta ta’ Ġesù mal-Missier, ħarsitu mill-attakki tal-ħażin.

Nagħmlu:

Fir-reċipjent li għandkom is-salib u x-xemgħat, żidu r-ramel u 4 ċagħqiet. Dawn l-4 ċagħqiet huma l-4 ġranet tar-Randan li għaddew sa issa. Kuljum ftakru żidu oħra, imma ftakru wkoll li l-Ħadd ma tagħmlux waħda. Qabel ma titolbu llum ixgħelu s-6 xemgħat.

Għal Ġesù t-talb kien importanti ħafna. Hu mar fid-deżert biex ħadd ma jfixklu. Illum jew meta tmorru l-knisja, inkella xi ħin tkunu d-dar, oqgħodu fil-kwiet, għalqu għajnejkom biex dak li jkun qed jiġri madwarkom ma jfixkilkomx u tkellmu f’qalbkom ma’ Ġesù.

Aqraw il-ġrajja ta’ Ġesù fid-deżert mill-Bibbja tagħkom jew araw dan il-clip, https://malta.catholicbrain.com/edu/videos/42664/1/lent-04—jesus-in-the-desert

Aqtgħu l-istampa tad-deżert u l-ġebel u agħtuhom il-kulur (niżżel minn hawn). Waħħluha mal-ispaga. Issa għandkom 2 stampi mdendlin!

Fuq qalb (l-istess kulur bħal li għamiltu l-bews fuqha) iktbu: Jiddispjaċini Ġesù meta jiena nagħmel il-ħażin. Erfa’ din il-qalb mal-oħra.

U matul il-ġurnata, meta tiftakar, għid f’qalbek, ‘Ġesù jiena nħobbok u nadurak.’

Nitolbu

Ixgħelu s-sitt xemgħat u roddu s-salib. Wara itfu waħda mix-xemgħat vjola. Fl-Avvent konna nixgħelu xemgħa kull ġimgħa, fir-Randan, minflok se nitfu xemgħa kull ġimgħa, għax fl-aħħar tar-Randan naslu għall-festa tal-Ġimgħa l-Kbira, meta miet Ġesù.

Għażiż Ġesù, għallimni biex bħalek jiena nagħmel għażliet tajba. Ammen.

L-Irmied

Nitgħallmu:

Fl-ewwel ġurnata tar-Randan, meta morna l-knisja, tpoġġa l-irmied fuq rasna. Tafu għalfejn?

Tafu l-ewwel xejn kif sar dan l-irmied? Is-sena l-oħra ċċelebrajna Ħadd il-Palm. Minn dak in-nhar intrefgħu xi weraq tal-palm u issa nħarqu u saru rmied. Dan l-irmied intuża biex jitpoġġa fuq rasna f’Ras ir-Randan! 

Dakinhar li tpoġġa l-irmied, is-saċerdot qal “Trab kont u trab terġa ssir”, inkella qal “indem u emmen fil-Bxara t-Tajba.” Fl-ewwel ktieb tal-Bibbja naraw li Alla ħalaq lill-bniedem mit-trab, imma mbagħad tah in-nifs tiegħu. Meta nagħmlu dak li hu ħażin, inkunu qed nersqu ’l bogħod minn Alla. Għalhekk l-irmied u l-kliem tas-saċerdot ifakkruna kemm hu importanti Alla għalina. Alla ħalaqna u jgħinna ngħixu ħajja tajba permezz tal-kelma tiegħu (il-Bxara t-Tajba) li nsibu fil-Bibbja. Li nindmu tfisser li jiddispjaċina li għamilna l-ħażin u li ser nippruvaw li ma nerġgħux nirrepetu dan il-ħażin li għamilna.

Nagħmlu:

Pinġu stampa ta’ xi ħaġa ħażina li għamiltu llum jew dawn l-aħħar ġranet, per eżempju li ġġilidtu ma’ ħutkom jew l-iskola, jew ma obdejtux lill-ġenituri. Jista’ jkun li rrabbjatu u kissirtu xi ħaġa jew weġġajtu lill-pet tagħkom.

Aqtgħu l-istampa tal-irmied u agħtuha l-kulur. Dendluha mal-ispaga. (niżżel minn hawn)

Fuq qalb (l-istess kulur bħal ta’ qabel) iktbu: Il-Bxara t-Tajba

Qegħdin tiftakru żżidu ċagħqa kuljum? Illum tpoġġu s-7 waħda!

illum tilgħabx fuq il-computer jew tablet. Minflok ara jew aqra xi ġrajja mill-Bibbja.

Nitolbu

Ixgħelu s-sitt xemgħat u roddu s-salib. Wara itfu waħda mix-xemgħat vjola. Fl-Avvent konna nixgħelu xemgħa kull ġimgħa, fir-Randan, minflok se nitfu xemgħa kull ġimgħa, għax fl-aħħar tar-Randan naslu għall-festa tal-Ġimgħa l-Kbira, meta miet Ġesù.

Għażiż Ġesù, għallimni biex bħalek jiena nagħmel għażliet tajba. Ammen.

Il-Ħobż u Inbid

Nitgħallmu:

Fhiex ifakkrukom il-ħobż u l-inbid?

Fl-ikel? Fl-offerti li ntellgħu waqt il-quddiesa?Iż-żewġ tweġibiet tajba! Meta Ġesù tana l-quddiesa, l-Ewkaristija, bħala rigal, huwa ried li din tkun ikla speċjali. Aħna nieħdu gost nieklu mal-familja u mal-ħbieb, nieħdu gost li nkunu flimkien. Hekk ukoll, Ġesù jrid li tkun kull quddiesa, li l-ħbieb tiegħu jiltaqgħu u jieklu flimkien. L-ikel li jkollna waqt il-quddiesa huwa speċjali ħafna, għax huwa Ġesù nnifsu. Meta Ġesù għażel il-ħobż ried jurina li dan ir-rigal huwa għal kulħadd. Il-ħobż huwa fost l-aktar ikel irħis li kulħadd jista’ jixtri, mhuwiex bħal xi biċċa fillet taċ-ċanga li mhux kulħadd għandu biżżejjed flus biex jixtriha ta’ spiss. Ġesù jrid li kulħadd jiekol minn dan l-ikel tiegħu. Meta waqt l-ikel, il-papa u l-mama jieħdu xi ftit inbid, juru li tkun okkażjoni speċjali. Il-quddiesa wkoll hija speċjlai għax niltaqgħu ma’Ġesù u l-ħbieb tagħna l-oħra.

Nagħmlu:

Tafu meta Ġesù tana dan ir-rigal kbir u speċjali tal-Ewkaristija? (Fl-Aħħar Ċena) Aqraw din il-ġrajja mill-Bibbja tagħkom, jew araw din il-clip.

Aqtgħu l-istampa tal-ħobż u l-inbid u agħtuha l-kulur. Waħħluha mal-ispaga. (niżżel minn hawn)

Fuq qalb (l-istess kulur bħal ta’ qabel) iktbu: Ġesù jagħtina l-Ewkaristija, rigal speċjali.

Għin lill-mama u lill-papa waqt li jkunu qegħdin jippreparaw l-ikel.

Nitolbu

Ixgħelu ħames xemgħat u roddu s-salib. Wara itfu waħda mix-xemgħat vjola. 

Grazzi Ġesù li inti tajtna dan il-rigal speċjali tal-Ewkaristija. Ammen.

Il-kulur vjola

Nitgħallmu:

Bħalissa meta mmorru l-knisja, naraw il-kulur vjola. 

Ħafna snin ilu, il-kulur vjola kien il-kulur użat mir-rejiet u mill-imperaturi. Dak iż-żmien kien jiswa ħafna flus biex il-materjal jingħata l-kulur, u l-kulur vjola kien l-aktar għoli u għalhekk kienu jużawh ir-rejiet! Fil-Knisja Kattolika, il-kulur vjola huwa simbolu ta’ penitenza u ta’ sagrifiċċju. 

Dan il-kulur jintuża fir-Randan u għall-quddies tal-mejtin u waqt il-qrar. Fl-Avvent, jintuża vjola xi ftit differenti, ikun jagħti aktar fl-aħmar. 

Kemm fir-Randan, fir-4 Ħadd, kif ukoll fl-Avvent, fit-3 Ħadd, minflok il-vjola jintuża r-roża. Dan biex ifakkarna li l-Għid jew il-Milied dalwaqt waslu!

Nagħmlu:

Aqtgħu l-istampa tal-pinzell u fil-vojt penġu l-kulur vjola. Waħħluha mal-ispaga. (niżżel minn hawn)

Isimgħu din, The Liturgical Colors Song.

Fuq qalb (kulur aħdar) iktbu: penitenza u sagrifiċċju

Qegħdin tiftakru żżidu ċagħqa kuljum? Illum tpoġġu t-13-il waħda!

illum ixorbu ilma biss, u itolbu għal dawk it-tfal fqar li lanqas ilma nadif x’jixorbu ma għandhom.

Nitolbu

Għażiż Ġesù, għinni biex matul dan ir-Randan jien insir aktar nixbaħ lilek. Ammen.

Pretzel

Nitgħallmu:

Intom tafu x’inhi pretzel? 

Pretzels huma ħobż li nagħmlu fir-Randan. Dawn bdew isiru ħafna ħafna snin ilu. Dak iż-żmien, matul ir-Randan, ma kienux jieħdu ħalib, bajd jew xaħam. Il-pretzels ma fihomx dawn l-ingredjenti.

Il-forma tal-pretzel qisha bħal idejn ta’ xi ħadd li qiegħed jitlob (fi żmien l-antik hekk kienu jagħmlu jdejhom biex jitolbu, ipoġġu jdejhom forma ta’ salib fuq spallejhom). Pretzel ġejja minn kelma Ġermaniża li tfisser ‘idejn żgħar.’ 

Nagħmlu:

Araw dan il-clip bi storja dwar il-pretzels.

Bl-għajnuna tal-ġenituri tagħkom, illum għamlu l-pretzels.

Għandkom bżonn:

  • Pakkett ħmira
  • 1 ½ cups ilma fietel
  • Mgħarfa zokkor  
  • Kuċċarina melħ
  • 4 cups dqiq
  • Melħ mill-oħxon
  • Saħħan il-forn 4250F (2200C jew gas mark 7)
  • Ġo reċipjent imdaqqas, ħawwad il-ħmira, mal-ilma, zokkor u melħ.
  • Żid id-dqiq u ħawwad u għaġen sakemm l-għaġina tkun lixxa (ma tkunx twaħħal).
  • Aqta’ l-għaġina u rrombla kull parti biex tifforma bħal ħabel u fforma l-pretzel.
  • Poġġi l-pretzels f’dixx tal-forn miksi b’karta tal-forn. Fuq il-pretzels roxx il-melħ oħxon.
  • Aħmi għal madwar 15-il minuta. 

Aqtgħu l-istampa tal-pretzel u agħtuha l-kulur. Waħħluha mal-ispaga.  (niżżel minn hawn)

Fuq qalb (kulur aħdar) penġu l-pretzel li għamiltu.

Għandkom biżżejjed qlub biex tagħmlu fjura. Araw kif tagħmlu l-fjura, hawnhekk taħt.

❤️ Agħmlu aktar pretzels u għada qasmuhom ma’ sħabkom l-iskola. Tinsewx tgħidulhom għalfejn għamiltuhom u tinsewx tatu pretzel lil xi tfal li ma tantx għandhom ħbieb u li jkunu waħedhom.

Nitolbu

Ixgħelu erba’ xemgħat u roddu s-salib. Wara itfu waħda mix-xemgħat vjola.

Mulej Ġesù, waqt li qegħdin nieklu dawn il-pretzels li għamilna għinna niftakru li nitkellmu aktar miegħek fit-talb, li niftakru wkoll biex nitolbu għall-oħrajn u naqsmu dak li għandna. Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu, kif kien mill-bidu, issa u dejjem, jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-ħut

Nitgħallmu:

Ir-Randan huwa żmien meta nagħmlu sagrifiċċji. Li tagħmel sagrifiċċju, bħal ma tiekolx ħelu jew ma tilgħabx xi logħba favorita jew ma tarax xi programm li jogħġbok, mhux faċli u ma tantx nieħdu gost meta nagħmlu sagrifiċċju. Ġesù ma jridx li nkunu mdejqa, imma jaf li meta nagħmlu sagrifiċċju aħna nkunu qed insiru nies aħjar. Per eżempju, jekk jien b’saħħti biżżejjed li nara l-ħelu u ma nieħux, meta nkun ittentat biex nagħmel għażla ħażina inkun b’saħħti wkoll li ngħid le!

U l-ħut x’għandhom x’jaqsmu?

Forsi ġieli smajtu lill-ġenituri tagħkom jew lin-nanniet, jgħidu “llum ma nieklux laħam.” Matul ir-Randan il-kbar ma jieklux laħam f’Ras ir-Randan u fil-Ġimgħa l-Kbira.

Fl-antik, li tiekol il-laħam ma kienx komuni u għalhekk il-laħam, kien jittiekel l-aktar, f’okkażjonijiet speċjali u ċelebrazzjonijiet. Aktar kien jittiekel il-ħut. Il-ħut kien ikel li jittiekel l-aktar ta’ kuljum. Dan ma jfissirx li meta nieklu l-ħut fir-Randan, għandna nieklu kemm nifilħu jew nagħmlu xi ikla speċjali b’ħut li jiswa ħafna flus. Meta nagħmlu sagrifiċċju nieklu bil-qies, nieklu dak li jippreparawlna l-ġenituri tagħna, anke jekk dan mhux l-ikel favorit tagħna.

Nagħmlu:

Mill-Bibbja tat-tfal, aqraw il-ġrajja ta’ meta l-appostli qabdu ħafna ħut jew arawha hawn.

Aqtgħu l-istampa tal-ħuta u agħtuha l-kulur. Dendluha mal-oħrajn. (niżżel minn hawn)

Fuq qalb (mhux ħadra) pinġu ichthus. Qatt smajtuha din il-kelma? Bl-għajnuna tal-ġenituri, fittxu t-tifsira tagħha.

L-ewwel insara kienu jpinġu l-forma ta’ ħuta, bħala messaġġ sigriet li juru li huma nsara!

Qegħdin tiftakru żżidu ċagħqa kuljum? Illum tpoġġu d-19-il waħda!

Bħala sagrifiċċju llum kul dak li jippreprawlek, anke jekk ma tħobbux. Ftakar itlob għat-tfal li m’għandhomx x’jieklu.

Nitolbu

Ġesù, illum nixtieq nitlob għat-tfal foqra li m’għandhomx x’jieklu. Agħmel li l-pajjiżi l-oħra jgħinuhom biex ma jibqgħux foqra. Ammen.

I.N.R.I

Nitgħallmu:

Ġieli rajtu l-ittri I.N.R.I. miktuba?  Fejn rajtuhom?

Dawn narawhom miktuba fuq is-salib ta’ Ġesù. Dawn huma l-ewwel ittri ta’ frażi bil-Latin, li jfissru, Ġesù ta’ Nazaret, Re tal-Lhud.

Madanakollu, Ġesù mhux re tal-Lhud biss. Huwa re tagħna wkoll. Ġesù huwa s-sultan ta’ kulħadd.

Nagħmlu:

Araw dan il-clip dwar Ġesù Sultan, Christ the King u tkellmu mal-ġenituri tagħkom dwar x’tgħallimtu.

Aqtgħu l-istampa tas-salib bl-ittri I.N.R.I u agħtuha l-kulur. Waħħluha mal-ispaga. (niżżel minn hawn)

Fuq qalb (kulur bħal ta’ qabel) iktbu l-ittri I.N.R.I.🕆 Is-slaten huma nies important. Kieku nkunu mistiedna biex niltaqgħu ma’ xi re jew reġina, inħossuna importanti wkoll. Ġesù huwa sultan u dejjem jistedinna biex nitkellmu miegħu. Illum wara l-ikel, mur fil-kamra tiegħek u oqgħod tkellem ma’ Ġesù, ir-re tiegħek.

Nitolbu

Ixgħelu tliet xemgħat u roddu s-salib. Wara itfu waħda mix-xemgħat vjola.

Ġesù, kif in-nies ta’ pajjiż jobdu lir-re jew lir-reġina tagħhom, jien irrid li nobdi lilek kuljum, anke meta dak li tridni nagħmel ma jkunx faċli. Ammen.

Imsiemer

Nitgħallmu:

Tfal, intom tafu li lil Ġesù, sallbuh bl-imsiemer fuq is-salib. Min jaf kemm weġġa’ Ġesù! Huwa għadda minn din it-tbatija għax lilna jħobbna ħafna. Mhux faċli li nifhmuha din, imma nemmnu li meta Ġesù miet fuq is-salib, għamilha possibli għalina, li xi darba, meta mmutu aħna, inkunu nistgħu mmorru ħdejh fil-ġenna.

Nagħmlu:

Inti għandek kurċifiss fil-kamra tiegħek? Jekk m’għandekx, staqsi lill-ġenituri tiegħek biex jixtrulek wieħed u jwaħħluhulek mal-ħajt bl-imsiemer u b’hekk kull darba li tħares lejh, tiftakar kemm iħobbok Ġesù.

Araw din il-clip, Hot cross buns and Good Friday.

Aqtgħu l-istampa tal-imsiemer u agħtuha l-kulur. Waħħluha mal-ispaga flimkien mal-oħrajn. (niżżel minn hawn)

Fuq qalb (kulur bħal ta’ qabel) iktbu, Ġesù jien inħobbok.

Qegħdin tiftakru żżidu ċagħqa kuljum? Illum tpoġġu l-25 waħda!

Staqsi lill-mama jew lill-papa jixtrulek hot cross bun (dan is-salib li hemm fuq il-ħobż ifakkarna fis-salib ta’ Ġesù). Imma din il-hot cross bun mhux biex tiekolha inti! Agħtiha lil ħuk jew lil oħtok, inkellha aqsama mal-ġenituri tiegħek.

Nitolbu

Ġesù jien irrid inħobbok. Ġesù għallimni kif inħobbok u kif għandi nħobb lill-oħrajn. Ammen.

Il-Ħmar

Nitgħallmu:

Ħadd ma jieħu gost li jgħidulu “kemm int ħmar!” Aħna naħsbu li l-ħmar huwa annimal għażżien. Imma fil-Bibbja naqraw dwar ħmir li kellhom xorti tajba. Tiftakru l-ġrajja ta’ meta Ġużeppi u Marija kellhom imorru Betlehem? Huma ma kellhomx xi żiemel kbir u b’saħħtu, imma marru fuq ħmar. Anke meta ħarbu lejn l-Eġittu, użaw ħmar. Il-Ħadd li ġej ser nisimgħu dwar ħmar ieħor li kellu xorti tajba. Dan kien il-ħmar li Ġesù rikeb biex daħal Ġerusalemm. 

Fi żmien Ġesù, il-ħmar kien simbolu tal-paċi. Għalhekk meta Ġesù għażel li jidħol Ġerusalemm fuq ħmar, ried juri lin-nies li hu ma riedx ġlied u gwerer, imma hu ġie fid-dinja biex iġib il-paċi.

Nagħmlu:

Mill-Bibbja tat-tfal aqraw il-ġrajja meta Ġesù daħal Ġerusalemm fuq ħmar.

Araw din il-leġenda dwar il-ħmar li rikeb Ġesù, The Legend of the Donkey’s Cross.

Aqtgħu l-istampa tal-ħmar u agħtuha l-kulur. Dendluha mal-ispaga. (niżżel minn hawn)

Fuq qalb (kulur bħal ta’ qabel) iktbu, Ġesù jrid il-paċi.

Illum minflok ma’ tixtru ħelu jew xi ħaġa oħra għalikom, agħtu l-flus għall-karità. Ħafna knejjes ikollhom kaxxa fejn jinġabru l-flus biex jingħataw lin-nies fil-bżonn.

Nitolbu

Ixgħelu żewġ xemgħat u roddu s-salib. Wara itfu x-xemgħa r-roża.

Mulej Ġesù, inti tridna li nkunu ħbieb ta’ xulxin. Għinna biex inħobbu lil kulħadd. Ġesù nixtiequ wkoll nitolbu għal dawk il-pajjiżi fejn hemm il-gwerer, biex jieqaf dan il-ġlied u jkun hemm il-paċi. Ammen.

Id-Duluri

Nitgħallmu:

Meta nidħlu l-knisja f’dawn iż-żminijiet, x’aktarx naraw l-istatwa tad-Duluri. Din hija l-istawa li turi lill-Madonna mdejqa ħafna għax lil Ġesù kienu qatluh wara li kienu sawtuh u sallbuh fuq is-salib. Kienet imdejqa ħafna wkoll, għax minkejja li Ġesù qatt m’ għamel xejn ħażin u dejjem ħabb lil kulħadd, huwa sofra din l-inġustizzja kbira.

Qatt xi ħadd waħħal fikom li għamiltu xi ħaġa ħażina u dan ma kienx vera? Kif ħassejtukom?

Nagħmlu:

Araw dan il-video, The Seven Sorrows of Mary.

Aqtgħu l-istampa tad-Duluri, agħtuha l-kulur. Dendluha mal-ispaga.(niżżel minn hawn)

Fuq qalb (waħda ħadra) iktbu, Madonna jiena inħobbok.

Qegħdin tiftakru żżidu ċagħqa kuljum? Illum tpoġġu l-31 waħda!

 Flimkien mal-familja, morru għand xi qraba jew ħbieb li joqgħodu waħedhom jew f’xi dar tal-anzjani u ma joħorġux.

Nitolbu

Madonna tad-Duluri nixtiequ nitolbu għal dawk il-ġenituri kollha li bħalissa qegħdin ibatu minħabba t-tfal tagħhom.

Għidu t-talba tas-Sliema.

Il-Palm

Nitgħallmu:

Illum niċċelebraw il-festa ta’ Ħadd il-Palm, meta Ġesù daħal Ġerusalemm fuq ħmar u n-nies kollha laqgħuh b’ħafna ferħ. In-nies laqgħu lil Ġesù bħala re.

Kieku qiegħed id-dar u tisma’ ħafna għajjat barra, x’aktarx, toħroġ tara x’ġara. Kieku n-nies jgħidulek li se jgħaddi Ġesù minn hawn, inti x’tagħmel? X’tgħidlu lil Ġesù meta jgħaddi minn quddiem id-dar tiegħek?

Nagħmlu:

Mill-Bibbja tagħkom, aqraw il-ġrajja ta’ meta Ġesù daħal Ġerusalemm fuq ħmar. Tistgħu taraw dan il-clip ukoll, Palm Sunday.

Isimgħu, Sing it Hosanna.

Aqtgħu l-istampa tal-palm u agħtuhom il-kulur. Dendluha mal-ispaga. (niżżel minn hawn)

Fuq qalb (ħadra) iktbu, Hosanna!

Issa, għandkom biżżejjed qlub lesti biex tagħmlu fjura oħra. Poġġu dawn il-fjuri li għamiltu fuq il-mejda ta’ talb tagħkom.

🕆 Illum morru l-knisja mal-familja u oqgħodu ħarsu lejn it-tabernaklu, il-post speċjali ta’ Ġesù u tkellmu miegħu. Għidu wkoll xi talb li tafu bl-amment.

Nitolbu

Ixgħelu l-aħħar xemgħa u roddu s-salib. Wara itfu din ix-xemgħa. Ma baqax aktar xemgħat. Dan huwa l-aħħar Ħadd qabel il-festa tal-Għid. Illum nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa.

Ġesù, jien irrid li inti tkun ir-Re tiegħi. Jien irrid nobdik dejjem. Ammen.

Friskatur, ilma, xugaman

Nitgħallmu:

Għada meta tmorru l-knisja x’aktarx taraw lis-saċerdot jaħsel saqajn xi nies. Tafu għalfejn jagħmel hekk?

Darba waħda Ġesù ħasel saqajn il-ħbieb tiegħu. Dak in-nhar ried jurihom, li aħna lkoll l-istess, ħadd ma hu aqwa minn ħaddieħor. Għandna ngħinu lil kull minn għandu bżonn l-għajnuna tagħna. Irridu nagħmlu dak li għamel Ġesù.

Nagħmlu:

Aqraw il-ġrajja ta’ meta Ġesù ħasel saqajn l-Appostli fl-Aħħar Ċena. 

Aqtgħu l-istampa tal-friskatur bl-ilma u x-xugaman u agħtuhom il-kulur. Dendluha mal-ispaga. (niżżel minn hawn)

Fuq qalb (kartonċina kkulurita) iktbu, Nagħmel bħal Ġesù.

Qegħdin tiftakru żżidu ċagħqa kuljum? Illum tpoġġu s-37 waħda! Dalwaqt tpoġġuhom kollha! Illum għinu fid-dar, qabel ma jitolbukom, per eżempju żbarazzaw it-toys wara li tilgħabu, ħallu l-ħwejjeġ tagħkom puliti, għinu fit-tisjir u l-preparazzjoni tal-mejda għall-ikel.

Nitolbu

Ġesù, inti taf li mhux dejjem faċli li ngħinu lill-oħrajn jew għax ma jkollniex aptit jew għax lilna ma jkunux għenuna, jew min staqsiena ma jkunx ħabib tagħna. Imma inti tridna ngħinu lil kulħadd. Agħmel Ġesù li aħna nagħmlu dak li trid inti u mhux dak li rridu aħna. Ammen.

Kuruna tax-xewk

Nitgħallmu:

Illum il-Ġimgħa l-Kbira. Illum niftakru kemm iħobbna Ġesù.

Is-suldati libbsu lil Ġesù kuruna tax-xewk. Kieku Ġesù qiegħed ħdejk, inti xi tlisbbu fuq rasu lil Ġesù?

Nagħmlu:

Mill-Bibbja takom, tistgħu taqraw il-ġrajja tat-tbatija ta’ Ġesù, u meta s-suldati sallbu lil Ġesù. Tistgħu wkoll taraw din il-ġrajja hawnhekk.

Isimgħu, Where you there?

Aqtgħu l-istampa tal-kuruna tax-xewk u agħtuha l-kulur. Dendluha mal-ispaga. (niżżel minn hawn)

Fuq qalb (kartonċina l-istess kulur bħal ta’ qabilha) iktbu, Grazzi Ġesù

Qegħdin tiftakru żżidu ċagħqa kuljum? Illum tpoġġu d-39 waħda! Baqgħalkom waħda biss biex tpoġġuha għada filgħodu! Dalwaqt niċċelebraw il-festa tal-Għid.

Illum tilgħabux bit-toys, jew tablet, jew computer. U meta jkollkom aptit tilgħabu, ħarsu lejn Ġesù msallab, u għidulu “Grazzi Ġesù.”

Nitolbu

Nadurawk o Ġesù u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna (salvajtna).

Il-Knisja issa tibda staġun ġdid fil-Kalendarju Liturġiku, bi tħejjija għall-akbar festa tal-Għid. Dan l-istaġun insejħulu r-Randan u huwa twil 40 ġurnata, wara niċċelebraw it-Tridu tal-Għid (Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid). Il-Knisja tiċċelebra l-istaġun tal-Għid għal 50 ġurnata sal-festa ta’ Pentekoste (meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli).

F’dawn l-istaġuni speċjali inkunu fi vjaġġ ta’ fidi. L-ewwel parti tal-vjaġġ tagħna tar-Randan huwa 7 ġimgħat sa’ Ħadd-il Għid u l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù. Imbagħad inkomplu dan il-vjaġġ tal-Għid għal 7 ġimgħat oħra. Id-destinazzjoni tagħna hija Pentekoste, magħrufa wkoll bħala “t-twelid tal-Knisja” meta niċċelebraw l-inżul tal-Ispirtu s-Santu. Il-vjaġġ tagħna jlaqqana ma’ sinjali u simboli li naraw u nisimgħu l-Knisja u t-tweġiba u l-azzjoni tagħna għalihom. Biex tgħinna ser nagħmlu “Siġra tas-Simboli.”

Ikollna bżonn

  • Zokk jew zkuk, li nsibu taħt xi siġra, jew ixtru siġra dekorattiva żgħira bla weraq
  • Vażun
  • Ramel / ċagħaq / ġebel
  • Printout tas-simboli u qlub
  • Imqass / gloj / kuluri
  • Hole punch / spaga rqieqa
  • Kull darba ser nagħmlu printout tas-simbolu, ipprintjawh double sided (back to back) inkella fuq paġni separati, f’dan il-każ tkunu tridu twaħħluhom flimkien (l-isem wara l-istampa)
  • Agħmlu toqba fin-naħa ta’ fuq taċ-ċirku u għaddu l-ispaga minnha (tul madwar 25cm), agħmlu għoqda fit-tarf biex tkunu tistgħu ddendluha mas-siġra
  • Kull darba ser niktbu talba qasira fuq il-qalb, biex nuru lil Ġesù dak li qegħdin inħossu. Fl-aħħar tal-vjaġġ tagħna, il-qlub ser niffurmawhom fi fjuri biex nuru lil Ġesù kemm kbirna u nbdilna fil-vjaġġ ta’ fidi tagħna. It-talb tagħna ser nagħmluhom fi fjuri ta’ ferħ u qima lil Alla, Missierna li hu fis-smewwiet, Ġesù Ibnu u lill-Ispirtu s-Santu.
Is-Siġra tas-Simboli 
  • Tista’ tuża xi zokk li ssib taħt xi siġar, jew ixtri siġra żgħira dekorattiva.
  • Poġġi dan iz-zokk/zkuk ġo vażin, jista’ jkun li jkollok bżonn aktar minn żokk wieħed
  • Jista’ jkun hemm bżonn taqtgħu miz-zkuk fejn ser iddendlu s-simboli biex ikunu forma aħjar
  • Issudaw iz-zokk bil-ġebel, ramel u ċagħaq
  • Ipprintja s-simboli minn wara u quddiem jew inkella fuq karti separti u waħħalhom biex l-istampa taqbel mal-kliem
  • Agħmel toqba fuq in-naħa ta’ fuq taċ-ċirku u għaddi l-ispaga (madwar 25cm) minn ġo fiha, agħmel għoqda biex tkun tista’ ddendel dan is-simbolu

In-numru 40

Fil-Bibbja, in-numru 40, huwa simboliku. Ġeneralment jirrappreżenta perjodu ta’ żmien meta l-fidi ta’ persuna tkun qegħda tiġi ppruvata. Fit-Testment il-Qadim naqraw l-istorja ta’ Noè (Ġenesi 7-8), li dam għal 40 jum u lejl fl-arka, naqraw dwar Mosè li dam 40 jum u lejl fuq il-muntanja, u Alla tah l-10 Kmandamenti (Eżodu 24, 18). Il-Lhud damu 40 sena fid-deżert, qabel ma waslu fl-art imwegħda, wara li kienu ħarbu mill-Eġittu (Dewteronomju 8, 2). Ir-Re David, dam isaltan għal 40 sena (2 Samwel 5, 4). Elija mexa għal 40 ġurnata u 40 lejl biex wasal fuq il-muntanja Ħoreb, il-muntanja qaddisa ta’ Alla (1 Slaten 19, 8). Salamun ukoll dam isaltan fuq Iżrael għal 40 sena (2 Kronaki 9, 30) u Ġona wissa lill-poplu ta’ Ninwè li jekk ma jindmux u jgħidu lil Alla li jiddispjaċihom, Alla kien ser jagħmel ħerba mill-Belt, fi żmien 40 jum (Ġona 3, 4). Fit-Testment il-Ġdid, naqraw li Ġesù dam għal 40 jum u lejl fid-deżert (Mattew 4, 2; Mark 1, 13; Luqa 4, 2) u wara li Ġesù qam mill-mewt, hu dam jidher lid-dixxipli għal 40 ġurnata (Atti 1, 3).

In-numru 40, huwa simboliku għalina wkoll, minħabba li r-Randan huwa twil 40 jum. Dan huwa żmien ta’ tħejjija, fejn aħna nitolbu, noffru azzjonijiet u sagrifiċċji lil Alla, u nersqu aktar qrib ta’ Ġesù.

Talba

Għażiż Mulej, grazzi tal-imħabba kbira li inti għandek għalina, u għas-sagrifiċċju tiegħek fuq is-salib. Għinna biex matul dawn l-40 ġurnata, niffukaw il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna fuq il-grazzja salvifika tiegħek, li twassalna għall-glorja tal-qawmien mill-mewt. Ammen.

Azzjoni

  • Għażel mill-Bibbja waħda mill-ġrajjiet fejn jissemma n-numru 40 u aqra din il-ġrajja sħiħa. Agħżel minn Noè, Mosè, David, Salamun, Elija, Ġona u Ġesù. 
  • Agħmel kopja tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.

Għal aktar tagħrif għall-ġenituri, agħfas hawn.

Deżert / Ġebel

Ġesù mar fid-deżert, post niexef, mimli ramel u ġebel. Hemmhekk huwa sam u talab. F’dawn il-kundizzjonijiet ma tantx jikbru pjanti. Waqt li kien fid-deżert, ix-xitan uża l-ġebel biex jittanta li Ġesù, li żgur li sa dak il-ħin kien bil-ġuħ ħafna. “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż” (Mattew 4, 3). Ġesù għamel il-ġebel, simbolu ta’ rebħa fuq it-tentazzjoni, meta wieġeb u qal, “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.” (Mattew 4, 4 Dewteronomju 8, 3) Ġesù jgħallimna biex ma naqgħux għat-tentazzjoni.

Talba

Missierna li inti fis-Smewwiet, jitqaddes Ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema hekkda fl-art. Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum, aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni. Ammen.

Azzjoni

  • Ara dan il-video dwar it-tentazzjoni ta’ Ġesù,.
  • Agħmel kopja tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.

Irmied

Fit-Testment il-Qadim, l-irmied jirrappreżenta d-dnub u l-mewt. Wara li n-nies kienu jammettu d-dnub li għamlu, kienu joqgħodu bilqiegħda fl-irmied jew jgħattu lilhom infushom bih, bħala penitenza. Għalkemm aħna ma għadnix nagħmlu l-istess ħaġa, f’Ras ir-Randan, nużaw l-irmied biex nuru li nagħrfu d-dnub tagħna u li jiddispjaċina li għamilnih. Is-saċerdot jagħmlilna l-irmied fuq rasna jew jagħmel sinjal tas-Salib fuq moħħna, u jgħid “indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba” (Mark 1, 15) jew “Ftakar bniedem li trab kont u trab għad terġa’ ssir.” (Ġenesi 3, 19) L-irmied huwa magħmul mill-weraq tal-palm ta’ Ħadd il-Palm tas-sena ta’ qabel, dawn ikunu mgħaffġa fi trab fin. Ifakkruna li bħala bnedmin, aħna niddependu fuq Alla.

Talba

Alla, Missier u Ħallieq, matul dan iż-żmien qaddis tar-Randan, għinna biex ninbidlu u nersqu aktar qrib tiegħek permezz tas-sagrifiċċji u atti ta’ karità. Għinna biex inkunu nies ta’ qalb tajba, bħalma ħlaqtna inti. Ammen.

Azzjoni

  • Agħmel kopja tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.
  • Ara dan il-video dwar Ras ir-Randan u r-Randan.

Ħobż u Inbid

Ġesù qal, “Jiena l-Ħobż tal-Ħajja” (Ġwanni 6, 35). Aħna nirċievu lil Ġesù taħt l-ispeċi ta’ ħobż fl-Ewkaristija. Fl-Aħħar Ċena, Ġesù bierek u qasam il-ħobż għall-ewwel darba mal-appostli. Hu qal, “Ħudu u kulu, dan huwa ġismi.” Wara hu ħa f’idejh it-tazza bl-inbid, berikha u qal, “Ixorbu minnu lkoll, dan huwa demmi.” Meta mmorru għall-quddiesa u nirċievu l-Ewkaristija, inkunu qegħdin niltaqgħu ma’ Ġesù b’mod speċjali. Meta s-saċerdot jgħid il-kliem ta’ konsagrazzjoni, il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu tbiddel il-ħobż u l-inbid, fil-ġisem u demm ta’ Ġesù. Meta nirċievu l-ħobż, is-saċerdot jgħid, “il-Ġisem ta’ Kristu,” u aħna nwieġbu, “Ammen.” (iva, jiena nemmen)

Talba

Għażiż Ġesù, grazzi li tiġi għandi permezz tal-Ewkaristija. Ammen

Azzjoni

  • Agħmel kopja tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.
  • Ara dan il-video dwar l-Ewkaristija.

Il-kulur vjola

Fi żmien Ġesù, il-kulur vjola kien assoċjat mar-Rejjiet. Bħala kulur liturġiku, il-vjola huwa l-kulur tar-Randan. Is-saċerdot jilbes l-istola vjola waqt il-qrar. Huwa simbolu ta’ ndiema (meta niskużaw ruħna ma’ Alla), kif ukoll ta’ Ġesù bħala Re tad-dinja. Huwa simbolu wkoll tat-tbatija ta’ Ġesù meta s-suldati waqqgħuh għaċ-ċajt, libsuh kuruna tax-xewk u poġġew fuqu ilbies vjola (Mark 15, 17).

Talba

Alla Missier, nagħtik il-ħażin kollu li għamilt. Nagħżel li ma nagħmilx aktar dnub u nitolbok taħfirli. Jien irrid li ndawwar il-ħsibijiet tiegħi fuqek. Ammen.

Azzjoni

  • Agħmel kopja tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.
  • Isma’  The Liturgical Colours.

Pretzel

Ir-Randan huwa żmien ta’ tħejjija; aħna nippreparaw qalbna għall-mewt u qawmien ta’ Ġesù. Tliet modi kif inħejju ruħna huma t-talb, sagrifiċċju (sawm) u karità. Li ssum tfisser li tnaqqas l-ammont ta’ ikel li tiekol; sagrifiċċju tfisser li tiċċaħħad minn xi ħaġa u b’hekk ikollok l-opportunità tiffoka fuq Alla. Il-Pretzels huma tradizzjonalment simbolu tas-sawm;  huma ħobż speċjali tar-Randan. Kienet drawwa li ma jittikilx xaħam, bajd, ħalib u laħam matul ir-Randan, għalhekk kienu jagħmlu għaġina tal-ħobż li kien ikun fiha dqiq, melħ u ilma biss. L-għaġina kienet tkun irrumblata u ffurmata bħal idejn imsallba fuq xulxin, biex ifakkru fl-importanza tat-talb. Kienet ħaġa komuni, f’dawk iż-żminijiet li wieħed jitlob b’idejh forma ta’ salib fuq sidru. Il-ħobż imsejjaħ bracellae jew, “idejn żgħar” jew pretzel. Għalhekk, il-pretzels  ifakkruna fis-sawm u fit-talb.

Talba

Mulej, għinna biex matul dan ir-Randan aħna nitolbu aktar u nkunu aktar qrib tiegħek. Ammen.

Azzjoni

  • Agħmel kopja tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.
  • Ftakru itolbu lil Alla, qabel ma tmorru torqdu u meta tqumu filgħodu, irringrazzjawh tal-imħabba u protezzjoni tiegħu.

Il-Ħut

Bħala Kattoliċi, matul ir-Randan, aħna mistennija li nsumu (nieklu ikla waħda, flimkien ma’ tnejn oħra iżgħar) f’Ras ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira, u ma niklux laħam nhar ta’ Ġimgħa matul ir-Randan, minflok jittiekel il-ħut. Dan biex ifakkarna li Ġesù ta ġismu bħala sagrifiċċju għad-dnubiet tagħna, meta miet fuq is-salib. Dan is-sawm huwa għal dawk li għandhom 14-il sena jew aktar, għalkemm intom, tistgħu ssumu b’modi oħra kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-Randan. Sumu mill-ħelu u ċikkulata, sumu milli tilmentaw, sumu minn programm favorit jew logħba favorita. Iċċaħdu milli tqabblu lilkom infuskom ma’ oħrajn, jew minn xi vizzju, sumu milli tirrabjaw ma’ ħutkom. Sumu milli tiġbdu l-attenzjoni fuqkom. Dawn huma xi ftit eżempji ta’ dak li tistgħu tagħmlu.

Talba

Mulej, għinni nifhem li jien għandi bżonnok f’dan il-vjaġġ tiegħi matul ir-Randan. Jiddispjaċini għal dawk id-drabi li għamiltek qalbek sewda għax ma mxejtx warajk, meta għamilt l-affarijiet kif ridt jien. Jiddispjaċini ta’ dawk id-drabi li ma smajtx minn dawk li riedu jigwidawni. Ammen.

Azzjoni

  • Agħmel kopja tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.
  • Agħżel ġurnata meta se ssum minn affarijiet li jogħġbuk bħal ħelu, ċikkulata jew tnaqqir. Nhar ta’ Ġimgħa pprova iekol ħut minflok laħam.

Salib / I.N.R.I

Is-salib huwa simbolu tar-Randan u tal-Għid, għax Ġesù, il-Mulej u Salvatur tagħna miet fuq salib bejn żewġ ħallelin. Ġesù ta lilu nnifsu għad-dnubiet tagħna, sabiex aħna nkunu nistgħu ngawdu l-ħajja ta’ dejjem. Fit-Testment il-Ġdid, Ġesù huma msejjaħ is-sultan tal-Lhud. Pilatu poġġa sinjal fuq is-salib ta’ Ġesù li kellha l-ittri INRI miktuba, dawn ifissru “Ġesù ta’ Nazaret, re tal-Lhud.” Inkitbu biex iwaqqgħuh għaċ-ċajt. Fil-Latin ma hemmx l-ittra “J”, għalhekk niktbu INRI u mhux JNRJ. F’dawk iż-żminijiet kienet drawwa għar-Rumani li fuq is-salib tal-ħatja jniżżlu l-ħtijiet tal-kriminal. L-Evanġelji jsemmu li l-kitba kienet bil-Latin, Grieg u Lhudi, biex b’hekk kulħadd seta’ jaqra l-kundanna ta’ Ġesù. Għalkemm Pilatu poġġa din il-kitba biex iwaqqa’ lil Ġesù għaċ-ċajt, kienet fil-fatt verità, Ġesù huwa re, mhux tal-Lhud biss, iżda Re tar-Rejjiet (ta’ kulħadd).

Talba

Ġesù, inti Re tal-Ħniena, ikollok ħniena minna u aħfrilna. Aħna nafdaw fl-imħabba u ħniena kbira tiegħek. Nitolbuk tieħu ħsiebna u tħares lilna u lill-familji tagħna. Ammen.

Azzjoni

  • Agħmel kopja tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.
  • Jekk ma għandkomx kurċifiss fil-kamra tas-sodda tagħkom, itolbu lill-ġenituri tagħkom jixtrulkom wieħed, jew għamlu wieħed intom mill-kartonċin u agħtuh il-kulur.

Imsiemer

Tliet imsiemer huma simbolu ta’ Ġesù msallab, minħabba li s-suldati Rumani wżaw tliet imsiemer, tnejn f’idejh u wieħed għal saqajh. Immaġinaw xi tbatija għadda minnha Ġesù minħabba d-dnubiet tagħna. Fl-istess ħin ifakkruna wkoll fl-imħabba u sagrifiċċju li Ġesù għamel għall-bnedmin kollha. Matul ir-Randan naħsbu dwar is-sagrifiċċju kbir li għamel Ġesù għax iħobbna. Għandna nużaw dan iż-żmien biex aħna wkoll nagħmlu sagrifiċċji żgħar, permezz tat-talb, sawm u karità.

Talba

Ġesù tiegħi, jiena noffri dan is-sagrifiċċju (semmi s-sagrifiċċju li ser tagħmel) għall-imħabba kbira tiegħek. Nitolbok tmexxini matul ħajti kollha. Ammen.

Azzjoni

  • Agħmel sagrifiċċju u offri li tgħin fid-dar, żbarazza l-kamra tiegħek, lesti l-mejda tal-ikel, poġġi l-logħob u ħwejġek lura f’posthom.
  • Agħmel kopja tas-simbolu tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.

Il-Ħmar

Il-ħmar huwa simbolu tar-rebħa ta’ Kristu, għax ifakkarna meta Ġesù daħal Ġerusalemm riekeb fuq ħmar, f’purċissjoni trijonfanti, ftit ġranet qabel ma sallbuh. L-erba’ Evanġelji (Mattew, Mark, Luqa, Ġwanni) jsemmu lil Ġesù riekeb fuq felu li qatt ħadd ma kien għadu rikbu, u waqt li kien dieħel Ġerusalemm, in-nies laqgħuh jgħajtu u jxejru l-weraq tal-palm. Il-ħmar ġarr lil Ġesù fuq dahru, u aħna wkoll irridu nġorru lil Ġesù, iżda mhux fuq dahrna! Lil Ġesù aħna nġorruh f’qalbna, fil-kliem ta’ mħabba tagħna, u fl-azzjonijiet tajba li nagħmlu. Aħna inkunu bħall-ħmar li ġarr lil Ġesù, kull darba li nagħmlu azzjoni tajba b’imħabba.

Talba

Mulej, għinni nġorrok dejjem ġewwa qalbi u nuri lill-oħrajn l-imħabba tiegħek fil-kliem u azzjonijiet tiegħi. Ammen.

Azzjoni

  • Araw il-video ta’ Ġesù dieħel Ġerusalemm, 
  • Agħmel kopja tas-simbolu tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.

Il-Madonna tad-Duluri

Jum id-Duluri, tradizzjonalment, huwa ċċelebrat f’Malta u Għawdex, il-Ġimgħa ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Ħafna bliet u rħula jorganizzaw pellegrinaġġ penitenzjali u n-nies jimxu wara l-istatwa tal-Madonna, f’purċissjoni ta’ talb u ġabra. L-istatwa tal-Madonna turi tbatija kbira u fiha sebat isjuf dieħla ġo qalbha. Is-seba’ sjuf jirrappreżentaw is-seba’ duluri li l-Madonna ġarbet fuq din l-art.

  1. Il-profezzija ta’ Xmun
  2. Marija, Ġużeppi u Ġesù jaħarbu lejn l-Eġittu
  3. Ġesù jintilef fit-Tempju
  4. Marija tiltaqa’ ma’ Ġesù tiela t-tela tal-Kalvarju
  5. Ġesù jmut fuq is-salib
  6. Marija iżżomm il-ġisem mejjet ta’ binha Ġesù
  7. Id-difna ta’ Ġesù

Jekk tixtieq titgħallem aktar dwar id-devozzjoni lejn id-Duluri, ara dan il-video.

Talba

Madonna tad-Duluri, b’qawwa ġejja mis-sema inti bqajt taħt is-salib, taqsam it-tbatija ta’ Ġesù, bi ħlewwa liema bħala żammejtu f’idejk, b’niket imbikkija. Aħna nfaħħruk għall-fidi kbira li aċċettajt il-ħajja li Alla ppjana għalik. Għinna biex nikbru fil-fidi. Ammen.

Azzjoni

  • Agħmel kopja tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.
  • Jekk qatt ma mortu għall-purċissjoni tad-Duluri, staqsu lill-ġenituri tagħkom biex dan ir-Randan, tmorru flimkien bħala familja

Il-Palm

Il-palm ifakkarna f’Ħadd il-Palm li niċċelebrawh fl-aħħar Ħadd tar-Randan  u li jwassalna għall-Ġimgħa Mqaddsa. Dak in-nhar Ġesù daħal Ġerusalem riekeb fuq ħmar u n-nies ferħu bih u bdew jgħajtu “Hosanna” u poġġew il-friegħi tal-palm fit-triq quddiem Ġesù Sultan tal-Lhud, ftit ġranet qabel ma sallbuh (Ġwanni 12, 12-14, Mattew 21, 8-10). Il-kelma “Hosanna” bl-Ebrajk (il-lingwa ta’ Ġesù) tfisser “ikollok ħniena salvana” jew “jekk jogħġbok ifdiena.” Il-palm huma simbolu ta’ rebħa, paċi u ħajja ta’ dejjem. Jekk tmorru għall-quddies ta’ Ħadd il-Palm, qabel ma tibda l-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm, is-saċerdot ibierek il-friegħi tal-palm bl-ilma mbierek. F’Ħadd il-Palm, il-knisja tqassam friegħi tal-weraq taż-żebbuġ u noħduhom id-dar magħna, dawn jgħinnuna nersqu qrib ta’ Alla matul il-bqija tas-sena.

Talba

Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Għinna nimxu fuq l-eżempju ta’ Ibnek Ġesù b’paċenzja u umiltà, hekk kif qed nimxu lejn il-festa tal-Għid. Ammen.

Azzjoni

  • Ara l-video dwar Ħadd il-Palm, 
  • Agħmel kopja tas-simbolu tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmelkopja tas-simboluu dendlu mas-siġra.
  • F’Ħadd il-Palm, mur għall-quddiesa mal-familja tiegħek u ara li ġġib ftit weraq taż-żebbuġ imbierek. 

Ilma u xugaman

Il-fliskatur, l-ilma u x-xugaman huma simbolu tal-kmandament il-ġdid li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu fl-Aħħar Ċena. Aħna msejħa biex nimxu wara Ġesù u naqdu lill-oħrajn. Fl-Aħħar Ikla, meta ħasel riġlejn id-dixxipli, Ġesù ġab ruħu ta’ skjav. Ġesù ferra l-ilma ġol-fliskatur u beda jaħslilhom saqajhom, u wara xxutahhomlhom bix-xugaman li kellu ma qaddu. Fi żmien Ġesù, is-seftur kien dak li jaħsel is-saqajn. Għalhekk meta Ġesù ħaslilhom saqajhom, id-dixxipli nħasdu. Iżda Ġesù għallimhom lezzjoni dwar l-imħabba bħala għotja. Din il-ġrajja niċċelebrawha nhar Ħamis ix-Xirka. Waqt il-quddiesa ta’ filgħaxija, is-saċerdot jaħsel saqajn 12-il persuna u jnixxifhom, kif kien għamel Ġesù. Il-fliskatur u x-xugaman ifakkruna wkoll f’Pilatu, il-gvernatur Ruman li ħasel idejh mir-responsabbiltà li jikkundanna lil Ġesù għall-mewt. Hu kien qal, “Jien m’iniex ħati ta’ dan id-demm” (Mattew 27, 24).

Talba

Ġesù, l-imħabba tiegħek hija għal dejjem. Aħna noffrulek post fid-dar tagħna u f’qalbna. Ejja, għinna niftħulek il-bieb, u ibqa’ magħna. Ġibilna l-paċi u l-ferħ tiegħek. Jiddispjaċini ta’ meta mort kontrik u sibtha diffiċli li nkun ħabib/a tiegħek. Ammen.

Azzjoni

Illum jibdew 3 ijiem speċjali, it-Tridu tal-Għid. Biex tiftakru dak li Ġesù għamel fl-Aħħar Ikla, waqt l-ikel, ħallu siġġu vojt għal Ġesù, biex kulħadd jiftakar li Ġesù huwa mistieden għandkom.

  • Agħmel kopja tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.
  • Araw il-video ta’ meta Ġesù ħasel saqajn d-dixxipli.

Kuruna tax-xewk

Meta naħsbu f’kuruna, ġeneralment nimmaġinaw xi waħda tad-deheb mimlija ġojjelli, milbusha minn xi re jew reġina. Is-suldati waqqgħu lil Ġesù għaċ-ċajt u libsulu kuruna differenti. Kienet kuruna tax-xewk li huma defsulu fuq rasu, wara li kien arrestat. Riedu jiżebilhu bih, riedu jumiljawh. Immaġinaw l-uġigħ u t-tbatija li dawn is-suldati għaddew lil Ġesu minnha; wara li sawtuh, libsuh din il-kuruna tnigges fuq rasu. Il-kuruna tax-xewk tissimbolizza l-uġigħ ta’ Ġesù, it-tbatija u l-umiljazzjoni li hu sofra minħabba fina. Ġesù ma kien għamel l-ebda ħażen, iżda hu miet fuq salib sabiex id-dnubiet tagħna jinħafru u nkunu nistgħu ngawdu r-rigal tal-ħajja ta’ dejjem fil-ġenna. Hu għamel is-sagrifiċċju aħħari. Il-kuruna tax-xewk tfakkarna fit-tbatija fiżika, fl-inġustizzja u fis-solitudni li hawn fid-dinja.

Talba

Mulej, aħna naċċettawk bħala Re, nafu kemm batejt minħabba fina. Grazzi li inti Re u Salvatur tagħna. Tħallinix inwaqqek għaċ-ċajt kif għamlu s-suldati, aħfrilna u jkollok ħniena minna permezz tal-pjagi divini tiegħek. Ammen.

Azzjoni

Illum il-Ġimgħa l-Kbira, it-tieni ġurnata tat-Tridu tal-Għid. Hija ġurnata ta’ sawm u sagrifiċċju, sabiex niftakru fil-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib. Ippruvaw morru għall-funzjoni li ssir fit-3pm, flimkien mal-familja tagħkom. Din il-funzjoni fiha 3 partijiet: il-Liturġija tal-Kelma, l-Adorazzjoni tas-Salib u t-Tqarbin.

  • Agħmel kopja tal-qalb u aqtagħha. Fuqha ikteb talba qasira lil Ġesù biex turih kif ser tipprepara qalbek għalih matul dawn l-40 jum tar-Randan.
  • Erfa’ din il-qalb fejn issibha, għax fl-aħħar ta’ dan il-vjaġġ ta’ fidi, ser tkun qed tuża dawn il-qlub.
  • Agħmel kopja tas-simbolu u dendlu mas-siġra.