Ġesù għażel tnax ir-raġel biex ikunu Miegħu waqt il-ħidma Tiegħu fid-dinja. Dawn kienu jissejhu appostli, wieħed minnhom kien jismu Mattew. Qabel ma mar wara Ġesù kien jiġbor it-taxxi għal Imperu Ruman.
Kif spiċċa Mattew, li kien Lhudi, jiġbor it-taxxi għar-Rumani?
Dak iż-żmien, il-Palestina kienet taħt ir-Rumani, hu riedu li titħallas it-taxxa mill-Poplu Lhudi. Il-persuni imqabbda mir-Rumani biex jiġbru it-taxxi kienu jissejħu publikani. Dawn l-irġiel kienu meqjusa bħala tradituri u midinba minħabba li kienu jiġbru t-taxxa mingħand nieshom stess. Ħafna minn dawn il-publikani kienu jiġbru aktar taxxi minn dak li kien suppost u l-flus żejda kienu iżżommuhom għalihom!
Mattew kien wieħed minn dawn il-Publikani. Ħajtu inbidlet meta Ġesù għadda minn ħdejh meta kien qiegħed jiġbor it-taxxi. (Matt.9, 9-13) Għajnejn Mattew iltaqgħu ma dawk ta’ Ġesù filwaqt li semgħu jgħidlu, “Ejja Warajja”.
Dak il-ħin stess, Mattew telaq kollox u mar wara Ġesù. Dak inhar filgħaxija, Ġesù flimkien ma’ l-Appostli l-oħra, marru jieklu għand Mattew fil-kumpanija tal-ħbieb ta’ Mattew li kienu publikani bħalu, taħt il-ħars ikrah tal-fariżej.
Mattew baqa ma Ġesù bħala wieħed mill-Appostli tiegħu; kien ukoll xhud tat-tagħlim u l-mirakli ta’ Ġesù. Mattew kien xhud ukoll tal-Qawmien ta’ Ġesù, kien preżenti meta Ġesù telgħa is-sema, irċieva l-Ispirtu Santu ma’ l-Appostli l-oħra nhar Pentekoste u intbgħat jipriedka il-Bxara t-Tajba ma’ l-Appostli l-oħra.
It-tradizzjoni tgħid li San Mattew mar jaqdi il-missjoni tiegħu fl-etjopja fejn kompla jipriedka u jikonverti l-abbitanti. Id-dettalji ta’ kif miet San Mattew mhumiex ċari, hemm minn jgħid li miet martri u minn jgħid li miet mewta naturali.
San Mattew għadu xhieda ta’ Ġesù Kristu, anki illum permezz tal-Evanġelju li kiteb. Dan l-Evanġelju inkiteb għal Insara Lhud biex jikkonvinċihom li Ġesù Huwa tassew il-Messija.