11-il Jum

11-il Jum

Illum ser insibu: ir-rigali

Naħsbu:

Meta xi ħadd ikollu baby u tmorru tarawh, teħdulu xi rigal. Meta l-għorrief marru jaraw lil Ġesù, ħadulu rigali wkoll. Tawh: deheb, inċens u mirra. Dawn ma kienux rigali li s-soltu nagħtu lit-trabi, imma din it-tarbija kienet speċjali ħafna. Din it-tarbija kienet Ġesù. U r-rigali wkoll kienu speċjali. Il-maġi taw dawn ir-rigali għax kienu jfissru xi ħaġa, kienu juru min kien Ġesù. Id-deheb kien juri li Ġesù hu sultan, l-inċens kien juri li Ġesù kien il-Messija, l-Iben ta’ Alla, u l-mirra, kienet turi li Ġesù kien ser imut biex isalva lill-bnedmin kollha.

X’ser tagħmlu flimkien bħala familja?

Dawn l-għorrief ġew mill-bogħod ifittxu lil Ġesù u ma qatgħux qalbhom. Tkellmu bejnietkom x’inhuma dawk l-affarijiet li jfixklukom jew jittantawkom biex ma tersqux lejn Ġesù bħalma huma dawk l-affarijiet li jħajrukom biex ma tmorrux il-quddies, ma titolbux, ma tmorrux għal-laqgħat ta’ formazzjoni (għall-ġenituri) jew it-tfal ma jmorrux għal-laqgħat tagħhom. Għidu x’jista’ jgħin biex tegħlbu dawn id-diffikultajiet.

Talba:

Ġesù, dawn l-għorrief ma qatgħux qalbhom, baqgħu iffitxu sakemm sabuk u tawk ir-rigali tagħhom. Nitolbuk tagħtina l-kuraġġ biex aħna wkoll nibqgħu infittxuk biex kif għamlu huma, nagħrfuk bħala s-sultan tagħna, il-Messija li ssalvana.

Azzjoni:

Lil Ġesù ma tistgħux tagħtuh rigal kif tawh il-maġi. Minkejja dan, meta tħobbu lil xi ħadd, xorta tkunu qegħdin tagħtu rigal lil Ġesù wkoll. Illum għinu lil xi ħadd fid-dar jew lin-nanniet, mingħajr ma jitolbukom huma. Meta tgħinu, tkunu qegħdin turu imħabba.

Diska:

Inkantaw: King seekers.

11. Niżżel it-tpenġija