Nagħtu bil-ferħ!

It-Tielet Ħadd tal-Avvent

Ix-xemgħa li nixgħelu l-lum fil-girlanda tal-Avvent hija t-tielet waħda u hija simbolu ta’ ferħ, hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn il-Milied. Fil-fatt dan il-Ħadd jissejjaħ il-Ħadd Gaudete. Il-kelma Gaudete hija kelma Latina li tfisser “ferħ”. Għandna nieħdu din l-opportunità biex naħsbu f’modi li bihom nistgħu nġibu ftit ferħ lil xi ħadd ieħor li nafu li jistaʼ jkun waħdu jew marid f’dan iż-żmien.

Il-Vanġelu jerġa’ jippreżenta lil Ġwanni l-Battista. Il-folol fil-Vanġelu tal-lum speċifikament jistaqsu lil Ġwanni l-Battista x’għandhom jagħmlu biex juru li lesti jilqgħu lill-Messija. Liema evidenza taʼ ndiema hija meħtieġa? Ġwanni jgħidilhom li mhux biżżejjed li jistrieħu biss fuq in-nisel tagħhom bħala Iżraelin (il-poplu magħżul ta’ Alla). L-indiema għandha tkun viżibbli fl-azzjonijiet tagħhom. Kliem Ġwanni huwa daqstant importanti għalina llum. Ġwanni jgħidilhom li għandhom jaqsmu l-ikel u l-imnatar tagħhom, lill-kolletturi tat-taxxa u lis-suldati, jgħidilhom li għandhom jaġixxu b’mod ġust. Luqa qed jenfasizza l-ħtieġa tagħna li nippreparaw għall-Messija permezz tal-atti tagħna ta’ indiema u billi nuru ħniena lejn ħaddieħor.

Meta l-folla tibda tistaqsi jekk Ġwanni l-Battista jistax ikun il-Messija, huwa jagħmilha ċara li m’huwiex u li hu sempliċement qed iħejji t-triq għall-Messija. “Jiena ngħammidkom bl-ilma, imma ġej xi ħadd li hu aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”. 

Il-missjoni ta’ Ġwanni kienet li jsejjaħ lin-nies ta’ żmienu għal bidla fil-qalb; għal għarfien ġdid dwarhom infushom u dwar min huwa Alla. Hekk kif nisimgħu l-kliem tal-Evanġelju ta’ Luqa llum, Ġwanni l-Battista qed isejjaħ lilna wkoll. Huwa daqshekk faċli li wieħed isir distratt f’dan iż-żmien tas-sena bil-preparazzjonijiet kollha, ħafna drabi mimlijin ġenn, għall-Milied. Il-qari tal-lum iħeġġiġna biex nippruvaw ma nitbiegħdux min Alla u biex nagħmlu lil Ġesù ċ-ċentru ta’ ħajjitna.

Il-Papa Franġisku jħeġġiġna bħala Kattoliċi biex nirriflettu dwar jekk ngħixux il-fidi tagħna bil-ferħ u jekk fil-fatt ngħaddux dan il-ferħ lill-oħrajn. Il-ferħ Kristjan jiffoka fuq Ġesù Kristu u inqas fuqna nfusna. Għandna nistaqsu l-istess mistoqsija li l-folla staqsiet lil Ġwanni, “X’għandna nagħmlu?” biex jippreparaw għall-Messija. Kull wieħed minna għandu jagħmel xi ħaġa żgħira biex jinbidel matul l-Avvent. Huwa żmien li fih niftħu lilna nfusna biex Alla jista’ jwettaq atti straordinarji permezz tal-ħajja umana ordinarja tagħna, permezz tar-relazzjonijiet tagħna ma’ nies li s-soċjetà tagħna temarġina. Wasal żmien tajjeb biex ngħixu l-opri tal-ħniena; itma’ lil min hu bil-ġuħ, agħti l-ilma lil min hu bil-għatx, libbes lil min hu għarwien, agħti kenn lil min hu bla dar, żur il-morda/il-ħabs, agħti l-karita’ lill-foqra u idfen lill-mejtin.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 3, 10-18)

F’dak  iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu:
“Mela x’għandna nagħmlu?” U huwa kien iweġibhom:
“Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess.” 
Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?” U huwa weġibhom:
“Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu.”
Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”
U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom.”
Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan,
u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. 
Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. 
Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.
Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ
fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.”
U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

1. Aqra l-istorja tal-Evanġelju sabiex tkun familjari magħha.
2. Irrifletti fuq dak li qed tgħidlek l-istorja tal-Evanġelju. Liema punti tenfasizza u għaliex?
3. Il-qari tal-Evanġelju jitkellem fuq ħajjitna llum, u jiffoka fuq il-ferħ li għandna bħala segwaċi ta’ Kristu. Ġwanni jgħidilna li kif inġibu ruħna mal-oħrajn huwa kejl ta’ kemm ilqajna profondament lil Ġesù fi qlubna.
4. Mhux biss għandna nirriflettu fuq l-azzjonijiet tagħna (dak li nagħmlu), iżda aħna wkoll mistiedna naħsbu dwar l-attitudnijiet tagħna u r-raġunijiet għal dawn l-azzjonijiet. Jien verament nipprattika l-ġenerożità tan-Nisrani ġenwin? Ejja naqsmu bil-ferħ ir-rigali t’Alla ma’ ħaddieħor.
5. Flimkien mal-familja tiegħek sib ħin tajjeb biex taqra dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin, allura qabel tibda, ipprepara;
i.  Il-qari tal-Bibbja minn San Luqa (Lq 3, 10-18)
ii. Il-Girlanda tal-Avvent, illum ixgħel ix-xemgħa r-roża
iii.Għatti l-mejda b’ċarruta vjola
iv. Kompjuter/laptop bil-qari u l-clips
6. Għaddi l-passi mat-tfal tiegħek (qed jiġu ssuġġeriti 2 gruppi ta’ età).
7.  Ħossok liberu li tadatta għas-sitwazzjoni tiegħek.
8. Kun kreattiv 
9. Mur fis-sezzjoni Prayer Corner biex tkompli titlob bħala familja.

F’dan it-tielet Ħadd tal-Avvent infaħħru lil Alla u nkantaw bil-ferħ. Aħna nemmnu li Ġesù hu qrib u li Alla jħobbna. Mulej għinna nħarsu ’l quddiem lejn it-twelid tiegħek b’ferħ u radd il-ħajr. Illum nixgħelu x-xemgħa bil-kulur roża fuq il-kuruna tal-Avvent.

  • Ġwanni l-Battista jgħidilna li ġej xi ħadd qawwi ħafna.
  • Dik il-persuna hija Ġesù
  • Stampa kbira tal-qalb
  • Kuluri u stickers għad-dekorazzjoni
  • Kartonċin, imqass, kolla
  • Spag/żigarella

Fil-qari tal-Evanġelju llum naqraw li ħafna nies kienu semgħu lil Ġwanni l-Battista jipprietka. Hu qalilhom biex jindmu (jiddispjaċihom) minn dnubiethom u jitgħammdu sabiex ikunu lesti għall-miġja tal-Messija (isem ieħor għal Ġesù). Folol kbar taʼ nies kienu ġejjin għand Ġwanni biex jitgħammdu fix-xmara Ġordan. Hu qalilhom li l-ewwelnett, kellhom jagħmlu xi ħaġa biex juru li tassew kien qed jiddispjaċiehom minn  dnubiethom.

“X’għandna nagħmlu?” staqsew n-nies. Ġwanni jgħidilhom li għandhom iħarsu lejn ħajjithom u jaraw jekk humiex qed jgħixu sewwa. Huwa qal lin-nies, li jekk għandhom żewġ ilbiesi, jagħtu waħda lil xi ħadd li m’għandux. Jekk għandhom l-ikel, għandhom jaqsmuh ma’ ħaddieħor. Ġwanni kien qed jgħid li għandhom jieqfu jaħsbu fihom infushom biss u jibdew jaħsbu f’dawk fil-bżonn.

Ejja naħsbu dwar kif nuru l-qalb tajba lill-oħrajn? Titlef il-paċenzja tiegħek malajr meta ma tieħux il-mod tiegħek? Tonqos mill-ubbidjenza lill-ġenituri, għalliema jew katekisti tiegħek?

Il-Milied dalwaqt se jkun hawn. Kemm ħsibt għal dak li tista’ tagħmel biex tgħin lil ħaddieħor matul dan l-istaġun tal-Milied? X’inhuma xi wħud mill-modi li bihom nistgħu nuru qalb tajba? Nistgħu naraw jekk għandniex xi ġugarelli jew ħwejjeġ u nagħtuhom għall-karità. Forsi tista’ tagħmel telefonata lil xi ħadd li taf li jinsab waħdu f’dan il-ħin u tferrħu. Li naqsmu dak li għandna ma’ ħaddieħor huwa l-ispirtu veru tal-Milied. Ejja nxerrdu l-ferħ tal-istaġun tal-Milied ma’ dawk ta’ madwarna.

Inroddu s-salib.

Ejja, Mulej Ġesù, imliena bil-ferħ u bil-ħajr hekk kif nistennew il-miġja tiegħek. Ispirana biex naqsmu dak li għandna ħalli n-nies kollha jgħixu ħajja sħiħa u ferħana. Ammen.

Biex tħejji qalbek għall-miġja ta’ Ġesù, tista’ taqta’ l-qalb kbira u tikteb fiċ-ċentru ‘INĦEJJI QALBI GĦAL GĦAL ĠESU’. Imbagħad tista’ żżejjinha u tikteb il-kliem ‘tama’, ‘paċi’, ‘ferħ’ u ‘imħabba’ biex tfakkar lilek innifsek fl-4 iĦdud tal-Avvent. Imbagħad tista’ tagħtiha l-kulur u żżejjinha bi stickers jew kolla bil-glitter. Imbagħad waħħalha fuq kartonċina, agħmel toqba u għaddi ħajta spag jew żigarella minn ġot-toqba sabiex tkun tista’ ddendilha mas-siġra tal-Milied. Agħmel din l-attività waqt li tisma’ l-kanzunetta: Angels we have heard on high.

Introduzzjoni

Illum nixgħelu x-xemgħa roża fuq il-girlanda tal-Avvent. Din ix-xemgħa hija simbolu ta’ ferħ hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn il-Milied. Ġwanni l-Battista jgħidilna kif nistgħu nkunu lesti li nilqgħu lil Ġesù f’qalbna, kif nistgħu nibdlu ħajjitna għall-aħjar u nistennew b’mod attiv il-wasla tal-Mulej.

  • Ġwanni l-Battista jgħallimna nitbiegħdu mid-dnub u nħejju qalbna bil-ferħ għall-miġja tal-Messija
  • 2x mudell ta’ qlub kbar u 1x żgħar
  • Imqass/kolla
  • Kartonċina
  • Lapsijiet/kuluri

Illum huwa t-tielet Ħadd tal-Avvent, u jissejjaħ il-Ħadd “Gaudete” li jfisser ferħ. Nifirħu bil-qawwa ta’ Alla li ssalva u fl-istennija tal-miġja ta’ Kristu Ġesù.

L-istaġun kollu tal-Avvent jiffoka fuq l-esperjenza tal-istennija. Naħsbu dwar kif l-Iżraelin fil-passat stennew lill-Messija mwiegħed. Naħsbu dwar kif qed nistennew li Ġesù jerġa’ jiġi fil-Glorja (il-futur). Naħsbu dwar x’nistgħu nagħmlu issa (fil-preżent) biex nistennew b’mod attiv il-wasla Tiegħu li niċċelebraw fil-25 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

Fl-Evanġelju tal-lum il-poplu jistaqsi lil Ġwanni l-Battista x’għandhom jagħmlu biex jippreparaw għall-miġja ta’ Kristu. Huwa wieġeb li jekk xi ħadd għandu żewġ tuniki għandu jaqsam mal-persuna li m’għandha l-ebda lbies. Kulmin għandu x’jiekol għandu jagħmel l-istess. Lill-kolletturi tat-taxxi u lis-suldati jgħidilhom li għandhom ikunu ġusti mal-oħrajn. Dawn huma azzjonijiet speċifiċi li juru r-rieda tal-persuni li jitbiegħdu mid-dnub u jsegwu lil Kristu.

Ħafna drabi jkollna okkażjonijiet li jeħtieġu li nistennew lil xi ħadd jew xi ħaġa imma kull okkażjoni hija esperjenza differenti. Li tistenna l-karozza tal-linja mhix l-istess bħal meta tistenna li l-aqwa ħabib tiegħek jiġi d-dar tiegħek sabiex tkun tista’ tqatta’ l-ġurnata flimkien miegħu. Jista’ jkun li tħossok għajjien u bla paċenzja, waqt li qed tistenna li tasal ix-xarabank. Min-naħa l-oħra x’aktarx tħossok ferħan u eċċitat tistenna li jasal l-aqwa ħabib tiegħek. Liema tip ta’ esperjenza ta’ stennija hija l-aktar simili tal-Avvent? Tistenna l-karozza tal-linja jew tistenna lill-ħabib tiegħek? 

Naħseb li l-istennija tal-ħabib. Dan għaliex hija xi ħaġa ferrieħa u xi ħaġa li nistennew bil-ħerqa. Matul l-Avvent hemm affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nistennew b’mod attiv il-wasla ta’ Kristu. Nistgħu naqsmu dak li għandna mal-oħrajn bħal ħwejjeġ jew ġugarelli li għadhom f’kundizzjoni tajba. Nistgħu nkunu aktar taʼ għajnuna fid-dar speċjalment jekk il-ġenituri tagħna jkunu okkupati ħafna. Nistgħu nitolbu iktar qabel ma mmorru norqdu jew nistgħu naqraw storja mill-Bibbja, imma aktar importanti minn hekk għandna nagħmlu dawn l-affarijiet bil-ferħ!

Inroddu s-salib.

Missier, għinna nħejju qlubna għat-twelid tas-Salvatur tagħna. Għinna niftakru f’dawk li għandhom bżonn ikel, kenn u ħwejjeġ. Ġesù nnifsu għallimna li meta nagħmlu xi ħaġa biex ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn, qed nagħmluha miegħu stess. Ammen.

Biex tgħinna, matul din il-ġimgħa niftakru bil-ferħ, naqsmu ma’ ħaddieħor u nħejju qlubna għat-twelid ta’ Ġesù, nistgħu nagħmlu ‘Bank tal-Qalb’.

Stampa 2 kopji tal-qalb kbira u qalb waħda żgħira. Aqta ‘l-qlub kollha, waħħal qalb waħda kbira fuq il-katronċina biex issaħħaħha. Aqta’ rettangolu miċ-ċentru tat-tieni qalb u waħħalha mat-truf mal-ewwel qalb, biex tagħmel kaxxa tal-ittri u ħalliha tinxef. Ladarba tinxef tistgħu iżżejnuha (din hija l-Bank tal-Qalb). Fuq il-qlub iż-żgħar ikteb il-modi li bihom se turi lil Ġesù li qed tistennieh. Per eżempju, agħmel att tajjeb fil-moħbi għal xi ħadd. Kun ta’ għajnuna fid-dar. Jqatta’ ħin żejjed fit-talb. Agħti donazzjoni ta’ ġugarelli/ħwejjeġ mhux mixtieqa lill-familji fil-bżonn. Oħroġ bl-ideat tiegħek u meta tkun lestejt ixħet kollox fil-‘Bank tal-Qalb’! Tista’ tisma’ wkoll il-kanzunetta: Hark the Herald Angels Sing.

1. Lin-nies li staqsewh x'għandhom jagħmlu biex juru l-indiema tagħhom, Ġwanni weġibhom...

Correct! Wrong!

2. Lill-pubblikani, jiġifieri dawk li kienu jiġbru t-taxxi, Ġwanni qalilhom...

Correct! Wrong!

3. Lis-suldati, Ġwanni qalilhom biex....

Correct! Wrong!

4. Xi staqsew in-nies lil Ġwanni, fl-aħħar tal-Vanġelu tal-lum?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.