L-Ospitalità

Il-Ħames riflessjoni

Meta jitkellem dwar il-vjaġġ ta’ San Pawl f’Malta, Papa Franġisku jiddeskrivi lill-Maltin ta’ dak iż-żmien bħala twajbin, bħala nies li diġà kienu jafu kif jilqgħu lil San Pawl u lil dawk kollha li kienu miegħu fuq il-ġifen.

Kienet ix-xita u l-bard, u wara d-diffikultajiet kbar li ltaqgħu magħhom fuq il-baħar, San Pawl u dawk li kienu miegħu fuq il-ġifen intlaqgħu tajjeb u ngħataw l-għajnuna li kellhom bżonn. Din l-ospitalità, li tiddeskrivi lill-Maltin ta’ żmien San Pawl, hija wkoll il-kwalità li aħna msejħin ngħixu llum. Minħabba li San Pawl kien milqugħ f’Malta, seta’ jitkellem dwar Ġesù u jfejjaq lill-morda li kienu jgħixu f’Malta f’dak iż-żmien. Papa Franġisku jfakkarna, għalhekk, li meta nilqgħu lil xulxin inkunu qed inħobbu lil min hu differenti minna u nagħtuhom iċ-ċans li jħobbuna lura. Id-differenzi ta’ bejnietna ma għandhomx ikunu sors ta’ firda jew ta’ biżgħa iżda opportunità sabiħa li tgħinna nikbru u tfakkarna li aħna lkoll aħwa ta’ xulxin.

San Pawl jgħallimna li fid-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom għandu jkollna fiduċja f’Alla, għax meta nafdaw f’Alla u nirċievu r-rigali li Alla jagħtina, aħna wkoll nistgħu naqsmu dawn ir-rigali ma’ xulxin. Papa Franġisku jfakkarna li l-akbar rigal li Alla jagħtina hu r-rigal ta’ xulxin.

Ejjew għalhekk nitgħallmu nilqgħu lil xulxin, anke jekk aħna differenti ħafna minn xulxin, bħala rigal ta’ Alla għalina billi nuru ħlewwa u b’imħabba kbira ma’ kulħadd!