WarajH

Ħadd il-Palm

Illum Ħadd il-Palm, jew il-Ħadd tal-Passjoni tal-Mulej. Hija l-ewwel ġurnata tal-Ġimgħa Mqaddsa li tispiċċa bit-Tridu tal-Għid (Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira, il-Vġili tal-Għid). Dawn it-tlett ijiem huma l-quċċata taċ-ċelebrazzjonijiet tas-sena liturġika tal-Knisja.

Illum nisimgħu żewġ Evanġelji, l-ewwel wieħed ikun ipproklamat fil-purċissjoni bil-palm u jirrakkonta d-daħla trijonfali ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, riekeb fuq felu. Il-Lhud ħasbu li Ġesù seta’ kien il-Messija mwiegħed, dak li kellu jmexxihom kontra l-ħakkiema Rumani. Iżda l-imġieba tiegħu ma kinitx ta’ dan it-tip ta’ re. Hu kien ifejjaq, iħobb, jahder, jaħfer. Hu kien Re tal-paċi.

Il-qari tal-lum għandu bħala tema l-passjoni, l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Il-kliem ta’ Ġesù fuq is-salib, ngħiduhom fis-Salm tal-lum, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Forsi ġieli sibna lilna nfusna f’ċirkostanzi fejn staqsejna lil Alla l-istess mistoqsija, speċjalment fi żmien ta’ tbatija. L-għotja ta’ mħabba u l-ubbidjenza ta’ Ġesù għar-rieda tal-Missier, tagħtina ħafna fuqhiex nirriflettu meta nkunu wiċċ imb’wiċċ ma’ sitwazzjonijiet li jidhru impossibbli. Matul il-ġrajja tal-passjoni, irrakuntata fl-Evanġelju ta’ San Luqa, niltaqgħu ma’ kliem u azzjonijiet ta’ maħfra. Dawn il-kliem ta’ Ġesù huma xhieda tas-Saltna ta’ Alla u aħna mistiedna li nimxu ma’ Ġesù fl-aħħar ftit tal-vjaġġ tiegħu lejn is-salib. Hemm dettalji fl-Evanġelju ta’ San Luqa, li ma nsibuhomx fl-Evanġelji l-oħra, bħad-deskrizzjoni tat-triq tas-salib u t-tislib ta’ Ġesù. Eżempju ieħor huwa fil-ġnien taż-żebbuġ, meta Ġesù jfejjaq lill-qaddej tal-qassis il-kbir li qatgħulu widnejh.  Fit-triq lejn il-Kalvarju, Ġesù jiltaqa’ man-“nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh.” San Luqa biss jirrakkonta l-kliem ta’ maħfra minn fuq is-salib, u l-konverżazzjoni bejn Ġesù u l-ħalliel it-tajjeb, kliem li fihom tispikka l-ħniena ta’ Ġesù. Fl-aħħar Ġesù jagħti lilu nnifsu lill-Missier u jitlob, “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”. Dawn id-dettalji fl-Evanġelju ta’ San Luqa juru l-imħabba bla qjies ta’ Alla, li tasal għand dawk kollha li jduru lejh għall-għajnuna. Matul din il-ġimgħa staqsi lilek innifsek, kif qed twieġeb għal din l-imħabba u l-ġentilezza ta’ Alla. In-nies li għajtu “Hosanna” fil-bidu tal-ġimgħa, malajr biddlu l-għajta f’“sallbu.” Jien dixxiplu vera ta’ Ġesù? Jew jien bla sinsla u malajr inbiddel fhemti? Il-Ġimgħa Mqaddsa hija opportunità biex nirriflettu fuq l-offerta tas-salvazzjoni li jagħtina Ġesù, u bħall-ħalliel it-tajjeb, nitolbu, “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (19, 28-40) – waqt il-purċissjoni tal-Palm

F’dak iż-żmien, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom: “Għalfejn qegħdin tħolluh?”, għidulu hekk: “Il-Mulej għandu bżonnu”.

Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom. Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?”. U huma wieġbu: “Għax il-Mulej jeħtieġu”.

Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajjat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, u bdew jgħidu:

“Imbierek is-Sultan

li ġej f’isem il-Mulej!

Sliem fis-sema,

u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”

Xi wħud mill-fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Għal verzjoni t-twila tal-quddies żur.

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Matul din il-ġimgħa mistieden li timxi ma’ Ġesù waqt il-passjoni u mewt tiegħu. Wara l-Kalvarju hemm it-tama tal-Qawmien tiegħu. Jalla li waqt li nikkontemplaw u niċċelebraw din il-ġrajja nidħlu aktar fil-fond tal-misteru tal-imħabba li Alla għandu għalina.
  4. Poġġi x-xbieha ta’ Ġesù msallab f’post ċentrali fid-dar u meta tħares lejh, itlob bil-kliem ta’ San Ljun il-Kbir, “il-vera riverenza għall-passjoni ta’ Sidna Ġesù tfisser li nwaħħlu l-għajnejn ta’ qalbna fuq Ġesù msallab u nagħrfu fih, l-umanità tagħna.”
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa 22, 14-23, 56
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħmar
    iv. Kurċifiss
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Illum niċċelebraw id-daħla trijonfali ta’ Ġesù, f’Ġerusalemm. Illum nagħtu bidu għall-aktar ġimgħa qaddisa tas-sena tal-Knisja minħabba li matul din il-ġimgħa niftakru fil-vjaġġ ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, fil-mewt tiegħu fuq is-salib għas-salvazzjoni tagħna. Meta nħarsu lejn il-kurċifiss, niftakru kemm iħobbna Ġesù.

  • M’għandniex għalfejn nagħmlu qalbna sewda meta niftakru f’Ġesù li miet fuq is-salib. Minflok, għandna nfaħħruh bħala Re tagħna u ngħidulu grazzi li miet għad-dnubiet tagħna u li ħejja t-triq biex aħna niltaqgħu miegħu fil-ġenna
  • Printout tal-werqa tal-palm
  • Kuluri/lapes

Qatt ħadtu sehem f’xi purċissjoni jew f’xi parata? Forsi fil-festa tar-raħal jew l-iskola waqt l-inkurunazzjoni tal-Madonna. Il-parata hija okkażjoni ta’ ferħ. Dan hu li se nisimgħu fl-Evanġelju tal-lum. Ġesù u sħabu kienu mixjin lejn il-belt ta’ Ġerusalemm, biex jiċċelebraw il-festa tal-Għid. Meta waslu f’post imsejjaħ l-Għolja taż-Zebbuġ, Ġesù ta xi struzzjonijiet lid-dixxipli. “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom: “Għalfejn qegħdin tħolluh?”, għidulu hekk: “Il-Mulej għandu bżonnu”. Id-dixxipli għamlu dak li qalilhom Ġesù u ħadu l-felu għand Ġesù.

Poġġew mantar fuq dahar il-felu u Ġesù qagħad fuqu u daħal fil-belt. Sadanitant, in-nies semgħu li Ġesù kien hemm, huma kienu ferħana u eċitati li se jaraw lil dik il-persuna li kienet fejqet tant nies u wkoll li kien qajjem lil Lażżru mill-mewt. Kien hemm folla kbira xxejjer il-friegħi tal-palm, ikantaw u jfaħħru lil Ġesù. Huma wkoll firxu l-imnatar tagħhom fit-triq quddiem Ġesù u bdew jgħajjtu, ““Imbierek is-Sultan li ġej f’isem il-Mulej!” Iżda għalkemm kien hemm dan it-tifħir kollu, huma ma kienux jafu min kien Ġesù fil-verità. Huma ma fehmux li r-renju tiegħu kien fil-ġenna. Ftit tal-ġranet wara, dawn l-istess nies għajjtu, “Sallbu!” għax hu ma kienx ir-re li xtaqu.

Madanakollu, aħna nafu x’ġara. Wara li Ġesù miet fuq is-salib, hu qam mill-mewt. Huwa s-Sid u s-Salvatur tagħna. L-Aħbar it-Tajba hi li meta ngħajtu, “Hosanna!” li tfisser “salvana issa,” nafu li Ġesù jsalvana, hu t-tama u salvazzjoni tagħna. Hu r-Re tar-Rejjiet u s-Sid ta’ kollox.  

Għalkemm xi drabi ma nkunux nafu x’ser jiġri, nafu li Alla qiegħed magħna u li hu jisma’ t-talb tagħna. Hekk kif Ġesù jimxi matul Ġerusalemm, din il-ġimgħa nitolbu għal dawk kollha li għandhom bżonn it-talb tagħna. Dawn huma xi wħud li tista’ titlob għalihom: it-tobba u l-infermiera, il-ħbieb, il-familja, il-morda, dawk li qegħdin fil-gwerra, għalina nfusna. Aqta’ l-werqa u waħħala mal-bieb tal-kamra tiegħek biex meta taraha titlob għal xi ħadd.

Agħti l-kulur lill-werqa tal-palm u f’kull parti ikteb għal min ser titlob matul din il-ġimgħa. 

Isma’ I Will Sing Hosanna.

Inroddu s-salib.

Alla ta’ mħabba, iftaħ lil qalbna biex b’ferħ inkunu nistgħu nfaħħruk. Grazzi li bagħat lil Ibnek Ġesù biex imut fuq is-salib u jagħtina ħajja ġdida. Dan nitolbuh, f’isem Ġesù. Ammen.

F’Ħadd il-Palm nisimgħu żewġ Evanġelji. Fl-ewwel wieħed nisimgħu l-ġrajja ta’ meta Ġesù daħal Ġerusalem fuq felu. In-nies jilqgħuh bit-tixjir tal-weraq tal-palm u b’għajjat ta’ tifħir. It-tieni Evanġelju huwa dwar il-passjoni ta’ Ġesù u l-mewt tiegħu fuq is-salib.

  • Il-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib, għas-salvazzjoni tagħna, kienet l-akbar att ta’ mħabba għalina. Fit-tbatija u mewt tiegħu, Ġesù jurina l-imħabba.
  • Minn fuq is-salib, Ġesù jgħid kliem ta’ maħfra u jwiegħed lill-ħalliel it-tajjeb li se jkun miegħu fil-ġenna
  • Printout tal-attività tal-lum
  • Kuluri/lapes

Illum, Ħadd il-Palm, insejħulu wkoll il-Ħadd tal-Passjoni tal-Mulej. Illum nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa. Din il-ġimgħa tispiċċa bit-Tridu tal-Għid ( żur) meta niċċelebraw il-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Niftakru li Ġesù miet biex isalvana.

Kieku xi ħadd jistaqsik biex tiddeskrivi lil Ġesù, x’tgħidlu? Forsi tgħidlu li Ġesù jħobb, iħenn, jaħfer, ta’ min tafda fih, hu onest u paċenzjuż. Ġesù huwa s-Sid tagħna u wkoll is-Salvatur tagħna. Imma inti kif taf dan kollu dwar Ġesù? Dan nafuh għax urina l-imħabba u maħfra tiegħu, kif nisimgħu fl-Evanġelju tal-lum.

Din is-sena nisimgħu l-ġrajja tal-passjoni mill-Evanġelju ta’ San Luqa. San Luqa jidħol fid-dettal tal-kliem li Ġesù qal minn fuq is-salib, u wkoll jirrakkonta dak li qalu l-ħallelin li kienu msallba ħdejh. Dawn kienu msallba, wieħed fuq il-lemin u wieħed fuq ix-xellug ta’ Ġesù. Wieħed minn dawn il-ħallelin, qagħad iwaqqa’ lil Ġesù għaċ-ċajt, bħalma kienu qed jagħmlu ħafna oħrajn li kienu hemm. Hu jisfida lil Ġesù u jgħidlu, “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna”. Il-ħalliel l-ieħor kien differenti. Huwa ddefenda lil Ġesù u qallu li għalkemm huma kien jistħoqqilhom il-kastig, Ġesù qatt ma kien għamel xejn ħażin. Dan it-tieni wieħed, idur fuq Ġesù, u jgħidlu, “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. X’taħsbu li ried jgħid bil-kliem, “ftakar fija”? Hu għaraf li Ġesù kien il-Messija, is-Salvatur u staqsa lil Ġesù biex jaħfirlu għal dak il-ħażin kollu li kien għamel f’ħajtu. Għalhekk insejħulu, il-ħalliel it-tajjeb. Hu kien lest li jindem u jitlob skuża, hu fetaħ qalbu għal Ġesù u staqsa għall-maħfra. U t-tweġiba ta’ Ġesù, kienet, “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”. Għalkemm Ġesù kien fi tbatija kbira, hu xorta wera ħniena u mħabba għall-oħrajn, poġġa l-bżonnijiet tal-oħrajn qabel tiegħu.

Il-kliem ta’ Ġesù kienu ndirizzati lill-ħalliel it-tajjeb, imma huma kliem għalina wkoll. Jekk għandna fidi f’Ġesù u lesti li nimxu warajh fit-triq tal-imħabba, għad inkunu miegħu wkoll fil-ġenna. Ġesù tant iħobbna li miet għad-dnubiet tagħna. Hu ħejja t-triq biex inkunu nistgħu ngawdu l-ħajja eterna, ma’ Alla fil-ġenna.

Biex tkomplu taħsbu dwar dak li għamilna, ipprintjaw is-salib li għandkom fl-attività. Fin-nofs pinġu qalb u agħtuha l-kulur. Fuq is-salib iktbu dawk il-kliem kollha li ħsibtu fihom fil-bidu, jiġifieri l-kliem li jiddeskrivu lil Ġesù. Iktbu kliem bħall-iħobb, jaħfer, iħenn, jaħseb fl-oħrajn, mhux egoist, Re tar-Rejjiet, Ħaruf ta’ Alla; wara agħtu l-kulur lis-salib ukoll. Aqtgħu s-salib u waħħluh mal-bieb tal-kamra tagħkom. Kull meta tgħaddu minn ħdejh aħsbu dwar waħda minn dawn il-kelmiet u għidu talba bi preparazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid. 

Waqt li qegħdin tagħmlu l-attività, isimgħu, Love Come Down.

Inroddu s-salib.

Għażiż Alla Missier, grazzi li bgħatt lil Ibnek Ġesù, li miet fuq is-salib biex lilna jagħtina ħajja ġdida. Għinna nifhmu li bil-mewt u l-qawmien tiegħu, Ġesù kiseb is-salvazzjoni tad-dinja. Dan nitolbuh f’isem Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.