X’nippreparaw

  • Stampi ta’ kull ġrajja, inpoġġuhom f’postijiet differenti fid-dar. Jekk mhux ta’ periklu, nużaw ix-xemgħat, indawwlu l-post. Inżejjnu bil-fjuri u palm/weraq taż-żebbuġ u drapp abjad.
  • Laptop – minflok il-qari jistgħu jintwerew il-video clips

Inroddu s-salib

Ġesù qam mill-mewt, Hallelujah

Inkantaw: Dan il-ferħ tagħna

Għażiż Missier, grazzi li inti salvajtna permezz ta’ Ibnek Ġesù. Grazzi tal-imħabba tiegħek u t-tama li tajtna fl-Għid. Għinna biex naqsmu dan il-ferħ u din it-tama mal-oħrajn. Se nitolbu din it-talba ta’ ferħ biex niftakru li dak li ġara tant snin ilu, qiegħed iseħħ illum, dak li Ġesù qal lill-appostli u lill-ħbieb tiegħu, jgħidu lilna wkoll.

Nixtiequ nitolbu għat-tfal kollha li bħalissa mhumiex ferħana u m’għandhomx paċi madwarhom. Ibgħat Ġesù, nies biex iwasslulhom il-ferħ u l-paċi tiegħek.

Ammen.

Nadurawk o Ġesù u nberkuk, għax b’salibek, il-mewt u l-qawmien tiegħek, inti fdejtna.

Ġesù jqum mill-mewt

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (28, 1-10)

Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. U ara, inħasset theżżiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; ilbiesu abjad bħas-silġ. Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin. Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. Mhuwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedtulkom.” Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. U ara, iltaqa’ magħhom Ġesù u qalilhom: “Is-sliem għalikom.” Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk.”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Naħsbu u nirriflettu

  • X’taħsbu li ħassew Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra, meta theżżet l-art u raw l-anġlu?
  • Inti qatt bżajt?
  • Taf kif jista’ jkollok kuraġġ meta tibża’? Ftakar li Ġesù qiegħed dejjem ħdejk, għalkemm ma tarahx hu qiegħed jieħu ħsiebek u jgħidlek “tibża’ xejn!”

Talba

Ġesù, l-anġlu qal, “qam, kif kien qal.” Ġesù inti dejjem iżomm il-wegħdiet tiegħek. Għinna biex aħna dejjem niftakru u fejn hemm bżonn infakkru wkoll lill-oħrajn, li inti dejjem magħna, li inti tħobbna, li inti tgħinna, li inti taħfrilna. Grazzi Ġesù, li aħna tant aħna speċjali għalik.

Ġesù qam mill-mewt, Hallelujah

Inkantaw: Dan il-ferħ tagħna

Nadurawk o Ġesù u nberkuk, għax b’salibek, il-mewt u l-qawmien tiegħek, inti fdejtna.

Ġesù jiltaqa’ ma’ żewġ dixxipli fit-triq lejn Emmaws

Araw:

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (24, 13-27)

Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Naħsbu u nirriflettu

  • Inti qatt stennejt li se jiġri xi ħaġa sabiħa u ġara l-oppost? Kif ħassejtek?
  • Dawn id-dixxipli kienu mħawwda. Ġesù kien miet, kien hemm min mar fil-qabar u sabu vojt. Ma kinux jafu x’ser jagħmlu. Kienu mdejqa. Meta Ġesù beda miexi magħhom ma għarfuhx mal-ewwel. L-istess jiġri lilna, aħna nsiru nafu lil Ġesù ftit ftit.
  • Ġesù tana rigal kbir u speċjali bit-tqarbin. Tħossu qrib tiegħek lil Ġesù meta titqarben? Lil Ġesù tħossu qrib tiegħek meta taqra l-Bibbja?

Talba

Għażiż Ġesù grazzi tar-rigal kbir tal-Ewkaristija. Għinna biex inneħħu kull ħsieb minn moħħna u kull distrazzjoni, meta nirċevuk fit-tqarbin u niftakru biss li inti qiegħed tassew qrib tagħna. Għinna wkoll biex nagħtu l-attenzjoni tagħna kollha meta nisimgħuk tkellimna permezz tal-Bibbja.

Ġesù qam mill-mewt, Hallelujah

Inkantaw: Dan il-ferħ tagħna

Nadurawk o Ġesù u nberkuk, għax b’salibek, il-mewt u l-qawmien tiegħek, inti fdejtna.

Ġesù jidher lill-appostli, u Tumas ma kienx magħhom

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (20, 24-29)

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.” Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”

Naħsbu u nirriflettu

  • Qatt mortu lura d-dar, jew iltaqjtu ma’ xi ħbieb u jgħidulek, “Jaħasra xi tlift, kieku wasalt ftit qabel …” u jsemmulek xi ħaġa li vera xtaqt tagħmel jew xi persuna li xtaqt li tiltaqa’ magħha? Hekk ġralu Tumas, meta mar lura ħdejn sħabu d-dixxipli, qalulu li kienu ltaqgħu ma’ Ġesù!
  • Tumas ma emminhomx. Inti temmen dak kollu li jgħidlek Ġesù? Temmen dak li l-Knisja xxandar dwar Ġesù fit-tagħlim ħaj tagħha u b’mod speċjali permezz tal-Bibbja?

Talba

Grazzi Ġesù tal-paċenzja kbira tiegħek. Inti wrejt ħafna paċenzja ma’ Tumas u aħna żguri li inti għandek ħafna paċenzja magħna wkoll. Għinna biex nemmnu dak kollu li inti tgħidilna. Inti taf li dan mhux dejjem faċli li nagħmluh. Agħtina l-fidi biex nemmnu, b’hekk ikollna l-ferħ u l-paċi f’qalbna.

Kif Ġesù jagħtina l-paċi, agħtu l-paċi lil xulxin.

Ġesù qam mill-mewt, Hallelujah

Inkantaw: Dan il-ferħ tagħna

Nadurawk o Ġesù u nberkuk, għax b’salibek, il-mewt u l-qawmien tiegħek, inti fdejtna.

Ara:

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (21, 1-13)

Wara dan, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija.  Dehrilhom hekk:  Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien, u Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad.”  Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll.”  Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.  Fil-għodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù.  Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”  “Le,” weġbuh.  Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu.”  Dawk waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut!  Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!”  Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien mingħajra, u ntafa’ l-baħar.  Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.  Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż.  Qalilhom Ġesù: “Ġibu mill-ħutiet qbadtu issa.”  Xmun Pietru tela’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx.  Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu.”  Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, ‘Int min int?’, għax kienu jafu li kien il-Mulej.  Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Naħsbu u nirriflettu

  • Ġieli ppruvajt tagħmel xi ħaġa li soltu tagħmel u tiġik tajba u din id-darba ippruvajt fuq li ppruvjat imma xorta ma rnexxilekx? Kif ħassejtek?
  • Hekk ġralhom dawn is-sajjieda, ħbieb ta’ Ġesù, marru jistadu u ma qabdu xejn!  Iżda għal kmand ta’ Ġesù, huma reġgħu tefgħu x-xbiek u qabdu ħafna ħut. Lil Ġesù ma għarfuhx mal-ewwel. Aħna dejjem nagħrfuh lil Ġesù?
  • Ġesù qalilna li dak li nagħmlu mal-oħrajn, aħna nagħmluh miegħu. Meta xi ħadd ikollu bżonn l-għajnuna tagħna, niftakru li dik l-għajnuna qiegħed jitlobhielna Ġesù?

Talba

Ġesù, irridu nafdaw aktar fik. Nafu li meta nagħmlu dak li tixtieq inti, nistgħu nagħmlu affarijiet kbar u speċjali. L-appostli ma stennewx li jaqbdu dawk il-ħut kollha, imma għax obdewk, lanqas setgħu itellgħu x-xibka! Agħtina mhux biss fiduċja fik, imma wkoll l-għerf biex narawk f’dawk kollha ta’ madwarna u niftakru li dak li nagħmlu magħhom, it-tajjeb u l-ħażin, aħna nkunu qegħdin nagħmluh miegħek.

Ġesù qam mill-mewt, Hallelujah

Inkantaw: Dan il-ferħ tagħna

Nadurawk o Ġesù u nberkuk, għax b’salibek, il-mewt u l-qawmien tiegħek, inti fdejtna.

Ġesù jgħid lil Pietru biex jirgħa n-nagħaġ tiegħu

Ara:

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (21, 15-17, 19)

Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?”  “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.”  Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi.”  Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”  “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.”  Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.”  Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?”  Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, ‘Tħobbni?’, u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.”  Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.” Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja.”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Naħsbu u nirriflettu:

  • Xi tħoss meta xi ħadd jibqa’ jistaqsik l-istess mistoqsija?
  • Kif taħsbu li ħassu Pietru meta Ġesù staqsieh għal tliet darbiet, kienx iħobbu?
  • Tiftakru meta Pietru kien ċaħad lil Ġesù? Pietru kien ċaħad lil Ġesù tliet darbiet. X’aktarx kien għadu qed iħossu ħati ta’ dak li għamel. U b’dawn it-tliet mistoqsijiet, Ġesù lil Pietru jerġa’ jagħtih il-paċi f’qalbu. Ġesù kien diġà ħafirlu lil Pietru, imma Pietru kien għadu mtaqqal b’dak li għamel. Ġesù lil Pietru, mhux jaħfirlu biss, imma jafdah li jmexxi l-Knisja. U lilna jafdana biex ngħixu kif jixtieq hu.

Talba

Mulejja Alla tiegħi, inti tħobbni ħafna, jiddispjaċini talli għedtlek le bi dnubieti. Mil-lum ‘il quddiem bil-għajnuna mqaddsa tiegħek ma nerġax nagħmel dnubiet iżjed u rrid inħobbok fuq kollox.

Grazzi Ġesù li inti taħfirli dejjem.

Ġesù qam mill-mewt, Hallelujah

Inkantaw: Dan il-ferħ tagħna

Nadurawk o Ġesù u nberkuk, għax b’salibek, il-mewt u l-qawmien tiegħek, inti fdejtna.

Ġesù jitla’ fis-sema

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (16, 15-20)

U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Naħsbu u nirriflettu

  • X’taħsbu li ħassew l-appostli meta semgħu lil Ġesù jgħidilhom dak li setgħu jagħmlu jekk jemmnu fih? Ħassewhom qishom xi superheros?
  • Inti temmen li ma’ Ġesù tista’ tagħmel affarijiet kbar ħafna?
  • Meta Ġesù tela’ s-sema, naraw li ma ħallihomx waħedhom, “il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.” U l-istess qiegħed magħna llum.

Talba

Grazzi Ġesù li lilna ma tħalliniex waħedna. Għinna biex kuljum nuru li nħobbuk billi nħobbu lill-oħrajn.

Ġesù qam mill-mewt, Hallelujah

Inkantaw: Dan il-ferħ tagħna

Nadurawk o Ġesù u nberkuk, għax b’salibek, il-mewt u l-qawmien tiegħek, inti fdejtna.

Ġesù jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq id-dixxipli

Ara:

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli (2, 1-13)

Meta wasal jum il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed.  F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin.  U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom.  Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skond ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.

F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema.  Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, lkoll imħawwdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu:  Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu m’humiex ilkoll mill-Galilija?  Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu?  Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċirene, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”  U lkoll, mitlufa bl-għaġeb, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Dan xi jkun?”  Oħrajn bdew jiddieħku u jgħidu: “Dawn xorbu l-inbid ġdid!” 

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Naħsbu u nirriflettu

  • Il-ħbieb ta’ Ġesù xtaqu joħorġu u jgħallmu lin-nies, kif kien jagħmel Ġesù imma beżgħu. Inti qatt ridt tagħmel xi ħaġa li kont taf li hija tajba imma bżajt tagħmilha?
  • Għalfejn bżajt?
  • X’taħseb li ħassew d-dixxipli meta raw dawk il-fjammi tan-nar fuq rashom?
  • L-Ispirtu s-Santu tahom il-kuraġġ biex imorru jgħallmu min-nies. Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, inti x’tista’ tagħmel aktar milli qed tagħmel bħalissa?

Talba

Spirtu Santu, inti tajt il-qawwa lid-dixxipli biex jegħlbu l-biża’ li kellhom u joħorġu u jkomplu dak li beda Ġesù. Jien ukoll nixtieq li jkolli l-kuraġġ biex (semmi dak li ħsibt fuqu qabel). Jien naf li dan nista’ nagħmlu bl-għajnuna tiegħek. Ammen.

Ġesù qam mill-mewt, Hallelujah

Inkantaw: Dan il-ferħ tagħna