
Santa Roża twieldet f’Lima, il-belt kapitali tal-Perù, nhar l-20 ta’ April 1586. Fil-Magħmudija, ingħatat l-isem Isabel Flores de Olivia.
Missierha kien jismu Gaspar Flores u kien suldat fl-Armata Spanjola u ommha kien jisimha Maria De Olivia. Roża kienet tifla sabiħa u waħda mill-qaddejja kienet qalet li hi sabiħa daqs warda; u b’hekk kulħadd beda jsejħilha Roża. Minħabba f’hekk, hi ħadet dak l-isem fil-Griżma tagħha.
Meta kibret, Roża saret tfajla sabiħa mmens, u kienet tiġbed l-attenzjoni ta’ ħafna ġuvintur; imma Roża, minn mindu kienet ta’ età żgħira riedet tingħata kollha kemm hi lil Alla u tidħol soru. Iżda l-ġenituri tagħha xtaqu li Roża tiżżewweġ għax kienu żguri li s-sbuħija tagħha kienet ser tattira ġuvni sabiħ. Il-kumplimenti li Roża kienet tirċievi minħabba s-sbuħija tagħha kienu jdejquha; tant hu hekk li qagħtet xagħarha u kienet togħrok wiċċha bil-bżar biex jitlgħalha kollu nfafet u jittebba’ ħalli b’hekk tnaqqas sbuħitha.
Il-ġenituri tagħha ma tawhiex permezz biex tidħol soru; għalhekk flimkien ma’ ħuha, bnew għar żgħir fil-ġnien tagħhom u bdiet tgħix hemm. Meta kellha madwar għoxrin sena, Roża daħlet Terzjarja Dumnikana.
Kien hemm żmien, li l-familja tagħha ffaċċjat diffikultajiet finanzjarji u biex tgħinhom, hija bdiet taħdem fil-ġnien tikkultiva l-fjuri biex jinbiegħu fis-suq. Bdiet ukoll taħdem il-bizzilla u r-rakkmu biex tgħin lill-familja tagħha.
Spiss kienet tqatta’ ljieli sħaħ mitlufa fit-talb u fil-kontemplazzjoni tal-Ewkaristija li kienet tirċievi kuljum, li kienet ħaġa rari għal dak iż-żmien. Hi kienet tqatta’ ġranet fil-grotta żgħira tagħha, issum tlett darbiet fil-ġimgħa, ma tiekolx laħam u saħansitra tomgħod ħxejjex morri. Kienet ukoll tilbes ħwejjeġ skomdi u tagħmel penitenzi ħorox oħra.
Avolja kienet tgħix maqtugħa għaliha waħedha, ma kinetx maqtugħa minn dak li kien qiegħed jiġri madwarha. Kienet taf dwar it-tbatija li kienu jbatu n-nies minħabba l-korruzzjoni tas-sinjuri u ta’ dawk li kellhom il-poter. Roża tkellmet fil-miftuħ kontra din it-tbatija nġusta u favur il-missjunarji li kienu qegħdin jippruvaw itaffu xi ftit minn din it-tbatija. Roża kienet tgħin ukoll lill-morda, il-foqra, dawk bla dar, l-anzjani b’kull mod li setgħet, saħansitra kienet teħodhom id-dar tagħha stess.
Roża spiss kienet tiġi mwaqqa’ għaċ-ċajt, speċjalment meta bdiet titkellem dwar id-dehriet li kellha u l-vuċijiet mis-sema. L-istil iebes ta’ ħajja li kienet tgħix, flimkien mal-penitenzi ħorox li kienet tagħmel ħallew effett fuq saħħitha tant li eventwalment bdiet tbati minn mard fl-istonku, rewmatiżmu u deni.
Roża mietet nhar l-24 ta’ Awwissu 1617 fl-età ta’ 31 sena. Għall-funeral tagħha attendew għalih folol kbar ta’ nies minn kull parti tas-soċjetà. Persuni prominenti ta’ Lima refgħu t-tebut tagħha.
Fl-1671, il-Papa Klement X iddikjarha Qaddisa u Patruna tal-Perù, tal-Amerika t’isfel u tal-Filippini.
