Fl-Evanġelju tal-lum, nisimgħu parabbola dwar festa ta’ tieġ. Ġesù jgħallimna dwar l-umiltà u l-imħabba, kwalitajiet li jiddefinixxu l-ħajja nisranija.
Immaġina ftit li mistiedna għal tieġ, kif tidħol fis-sala, issib siġġijiet u mwejjed imżejna. X’aktarx l-ewwel ħsieb li jiġi f’moħħok ikun, ‘fejn se noqgħod bilqegħda?’ Mhux il-każ li tkun fil-mejda prinċipali, sakemm ma tkunx qrib ħafna tal-koppja. Jista’ jkun li tagħżel mejda fuq wara, u tistenna, tara jekk xi ħadd jgħidlekx tersaq fuq mejda oħra aktar ċentrali. Ġesù mhuwiex jitkellem dwar l-etikett! Qiegħed iżda, jgħallimna dwar l-importanza tal-umiltà fil-ħajja nisranija u dwar kif nistgħu niksbu l-ferħ vera tal-ikla fis-sema.
Ġesù juża dan l-eżempju ta’ ikla ta’ tieġ, għax kien għadu kif kien mistieden għall-ikel għand wieħed mill-Fariżej importanti; hawnhekk hu kien innota xi persuni jagħżlu l-aħjar postijiet għalihom infushom. Hu jwissi biex il-mistednin jistennew biex jingħataw post, biex b’hekk jekk jasal xi ħadd aktar importanti, ma jistaqsuhomx biex iqumu (u b’hekk tevita ħafna mistħija). Ġesù jagħtina parir ta’ kif għandna nsibu l-post tagħna fis-Saltna ta’ Alla. Jgħidilna biex ma nistidnux nies li se jpattuhielna lura bi stedina għal ikla oħra. Minflok, għandna nistiednu lil dawk li ma jistgħux jirreċiprokaw l-istedina. Nistiednu lill-fqar, lill-magħtubin, liz-zopop u l-għomja u b’hekk nirċievu ħafna barkiet u l-premju tal-ġenna. Ġesù jgħidilna li umiltà ġenwina twassal għall-imħabba profonda għal Alla u wkoll għal rispett lejn xulxin. Il-Knisja ssejjaħ dan, ‘l-għażla preferenzjali’ tal-fqar. In-nisrani huwa msejjaħ biex jieħu ħsieb lill-fqir għax Alla hekk jagħmel. L-Evanġelju jsejħilna biex nagħtu każ ta’ dawk fil-periferiji, dawk li qegħdin ifittxu l-ażil, ir-refuġjati, il-ħabsin. Jien kif inħares lejn dawn in-nies? Narani aħjar minnhom? Ġesù jfakkarna li aħna lkoll indaqs f’għajnejn Alla. Meta niċċekknu, għad inkunu eżaltati. Mulej, għallimni nkun umli f’dak kollu li nagħmel u ma niddiskriminax kontra dawk li huma anqas ixxurtjati minni.