Inħarsu madwarna

22 Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

Fl-Evanġelju tal-lum, nisimgħu parabbola dwar festa ta’ tieġ. Ġesù jgħallimna dwar l-umiltà u l-imħabba, kwalitajiet li jiddefinixxu l-ħajja nisranija.

Immaġina ftit li mistiedna għal tieġ, kif tidħol fis-sala, issib siġġijiet u mwejjed imżejna. X’aktarx l-ewwel ħsieb li jiġi f’moħħok ikun, ‘fejn se noqgħod bilqegħda?’ Mhux il-każ li tkun fil-mejda prinċipali, sakemm ma tkunx qrib ħafna tal-koppja. Jista’ jkun li tagħżel mejda fuq wara, u tistenna, tara jekk xi ħadd jgħidlekx tersaq fuq mejda oħra aktar ċentrali. Ġesù mhuwiex jitkellem dwar l-etikett! Qiegħed iżda, jgħallimna dwar l-importanza tal-umiltà fil-ħajja nisranija u dwar kif nistgħu niksbu l-ferħ vera tal-ikla fis-sema.

Ġesù juża dan l-eżempju ta’ ikla ta’ tieġ, għax kien għadu kif kien mistieden għall-ikel għand wieħed mill-Fariżej importanti; hawnhekk hu kien innota xi persuni jagħżlu l-aħjar postijiet għalihom infushom. Hu jwissi biex il-mistednin jistennew biex jingħataw post, biex b’hekk jekk jasal xi ħadd aktar importanti, ma jistaqsuhomx biex iqumu (u b’hekk tevita ħafna mistħija). Ġesù jagħtina parir ta’ kif għandna nsibu l-post tagħna fis-Saltna ta’ Alla. Jgħidilna biex ma nistidnux nies li se jpattuhielna lura bi stedina għal ikla oħra. Minflok, għandna nistiednu lil dawk li ma jistgħux jirreċiprokaw l-istedina. Nistiednu lill-fqar, lill-magħtubin, liz-zopop u l-għomja u b’hekk nirċievu ħafna barkiet u l-premju tal-ġenna. Ġesù jgħidilna li umiltà ġenwina twassal għall-imħabba profonda għal Alla u wkoll għal rispett lejn xulxin. Il-Knisja ssejjaħ dan, ‘l-għażla preferenzjali’ tal-fqar. In-nisrani huwa msejjaħ biex jieħu ħsieb lill-fqir għax Alla hekk jagħmel. L-Evanġelju jsejħilna biex nagħtu każ ta’ dawk fil-periferiji, dawk li qegħdin ifittxu l-ażil, ir-refuġjati, il-ħabsin. Jien kif inħares lejn dawn in-nies? Narani aħjar minnhom? Ġesù jfakkarna li aħna lkoll indaqs f’għajnejn Alla. Meta niċċekknu, għad inkunu eżaltati. Mulej, għallimni nkun umli f’dak kollu li nagħmel u ma niddiskriminax kontra dawk li huma anqas ixxurtjati minni.

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 14: 1,7-14) 

Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: “Agħti l-post lil dan”, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.

Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: “Ħabib, itla f’post aktar ‘il fuq”. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. L-Evanġelju tal-lum jgħallimna dwar l-umiltà u l-imħabba għal dawk li huma fil-bżonn. Aħna għandna obbligu morali li ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn, mingħajr ma nistennew ħlas lura. Aħseb, kif inti u l-familja tiegħek, tistgħu tħarsu dan l-obbligu, billi tagħmlu atti ta’ karità mal-oħrajn. 
  4. Papa Franġisku jgħid li ‘l-umiltà’ waħedha tiftaħna għall-esperjenza tal-verità, għall-ferħ ġenwin, li nagħżlu dak li hu importanti. Mingħajr l-umiltà ma nistgħux nifhmu lil Alla jew lilna nfusna. Itlob biex din il-ġimgħa timxi fuq l-eżempju perfett ta’ umiltà, dak ta’ Marija. Nitolbu bi kliem Marija, “Il-Mulej għamel miegħi ħwejjeġ kbar. Qaddis hu l-isem tiegħu.”
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (14: 1, 7-14)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħidilna biex ma noqgħodux naħsbu wisq fina nfusna. Jekk dejjem naħsbu li aħna l-aħjar u l-aktar importanti, x’aktarx xi darba jew oħra ser naqgħu għaċ-ċajt! Ejjew nisimgħu x’ser jgħidilna Ġesù.

  • Ġesù ma jridx li naħsbu li aħna tant importanti, li ninsew lilu u lill-oħrajn
  • Ġesù jrid li nkunu umli; hija permezz tal-qawwa ta’ Alla li jirnexxielna nagħmlu ħwejjeġ kbar 
  • Tlett ibżieżaq 
  • Balloon pump
  • Marker pen
  • Spag / żigarella

Fl-Evanġelju tal-lum, niltaqgħu ma’ Ġesù li hu mistieden għal ikla. Hu qagħad iħares lejn il-mistednin u josserva fejn marru joqgħodu bilqegħda. Ġesù induna li kienu mkabbra, għalhekk jgħallimhom dwar l-umiltà. M’għandniex għalfejn nitkabbru. M’għandniex għalfejn noqgħodu niftaħru dwar kemm aħna tajbin fil-football jew fiż-żfin jew f’xi ħaġa oħra li nagħmlu.  M’għandniex għalfejn niftaħru ma’ sħabna dwar il-ġugarelli jew ħwejjeġ li għandna. Alla jaf kemm aħna importanti, mingħajr il-bżonn li noqgħodu niftaħru.

Onfoħ waħda mill-bżieżaq. Aktar ma tonfoħ, aktar se timtela bl-arja u tikber. Xi drabi meta nitkabbru, inkunu bħall-bużżieqa. Nimtlew bina nfusna, naħsbu li aħna ma hawnx oħrajn bħalna u nistennew li oħrajn jaħsbu hekk ukoll. Jista’ jkun għax għandna l-aqwa logħob u niskurjaw ħafna fil-football jew aħna nkantaw l-aqwa fil-kor. Jekk nonfħu l-bużżieqa żżejjed, x’ser jiġri? Tinfaqa’! Ġesù jwissina li jekk inkunu mkabbra żżejjed u naħsbu li aħna importanti ħafna, nistennew xi waqa’! Xi darba jew oħra, se jiġri xi ħaġa u naqgħu għaċ-ċajt. Ġesù jgħallimna li aħna għandna nkunu umli. Li nkunu umli, jfisser li nagħrfu li dak li għandna ġej minn Alla. Hu jagħtina t-talenti, ir-rigali u affarijiet sbieħ oħra, bħall-familja u l-ħbieb. Hu jagħtina dan kollu għax iħobbna. Li nkunu umli, ifisser ukoll li naqsmu dak li għandna mal-oħrajn. Li tkun umli ma tfissirx li ma tkunx importanti. Alla qiegħed fina, għalhekk aħna speċjali u importanti, f’għajnejn Alla. Alla jrid li nużaw it-talenti tagħna biex ngħinu lill-fqar, lil dawk li huma waħedhom, lill-morda, lil dawk it-tfal li huma anqas ixxurtjati minna. 

Aħseb dwar kif tista’ tkun umli u tuża’ t-talenti tiegħek għall-ġid tal-oħrajn. Onfoħ il-bżieżaq u fuq kull waħda ikteb kif tista’ tgħin lill-oħrajn bħal per eżempju li ċċempel ħabib lil hu marid, tiġbor ikel għall-fqar. Orbot il-bużżieqa bi spaga jew żigarella u agħtiha lil xi ħadd speċjali. B’hekk turihom li inti jimpurtak minnhom u li Alla jħobbhom.

Isma’ s-song, Made for this.

Radd tas-salib

Ġesù, għinna biex ma nkunux imkabbra, għinna biex inkunu umli u nużaw it-talenti u r-rigali tagħna biex ngħinu lill-fqar, lill-morda u lil dawk li huma waħedhom. Fakkarna li l-kapaċitajiet tagħna ġejjin mingħandek u li inti jistħoqqlok kull tifħir. Ammen.

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù juża parabbola oħra biex jgħallem dwar l-umiltà u l-bżonn li nieħdu ħsieb l-oħrajn. Il-parabbola hija dwar stedina għall-ikla ta’ tieġ.

  • Alla jonora dak li huwa umli, lil dak li ma huwiex imkabbar u li jaħseb li hu importanti ħafna
  • Ġesù jgħidilna biex nilqgħu lill-fqar u lil dawk li huma fil-bżonn
  • Laptop

Ġesù kien mistieden għall-ikel, għand Fariżew importanti. Il-Fariżej kienu kapijiet reliġjużi li jistudjaw il-liġi ta’ Alla, u kienu jkunu jafuha sew. Kienu jilbsu ħafna lbies ilellex biex jispikkaw man-nies l-oħra, kienu jaħsbu li huma importanti ħafna. 

Meta Ġesù rahom jagħżlu l-aħjar postijiet madwar il-mejda mingħajr kas tal-oħrajn, qalilhom parabbola. L-istorja li qal Ġesù uriet biċ-ċar li kien aħjar li wieħed jagħżel post ta’ ftit importanza u mhux l-aktar post ta’ unur. Ġesù ra li kien hemm min ħass li hu importanti ħafna, u qagħad bilqegħda fl-aħjar postijiet, għalhekk għallimhom li kellhom ikunu umli. Aħna nitkabbru meta naħsbu li aħna importanti aktar minn oħrajn, u li jistħoqqilna affarijiet aqwa. Nitkabbru meta nħarsu lejn l-oħrajn b’nuqqas ta’ rispett, għax naħsbu li aħna aħjar minnhom. Meta naħsbu b’dan il-mod, hemm ċans li naħsbu li Alla mhuwiex daqstant importanti lanqas! Meta nkunu mistednin għall-festa tat-tieġ aħjar inkunu umli. Ikun aħjar jekk ma nagħżlux l-aħjar postijiet. Li tkun umli tfisser li tagħraf li inti mintix aqwa mill-oħrajn, anke jekk f’ċerta affarijiet inkunu aħjar minn sħabna, għandna aktar flus minnhom jew għandna aktar ħwejjeġ jew logħob. Jeħtieġ li nagħrfu li Alla tana dawn l-affarijiet biex nużawhom bl-aħjar mod; biex ngħinu lill-fqar u lil dawk li għandhom anqas minna. Ġesù jrid li nħossuna kburin li ngħinu lill-oħrajn; Alla jbierek lil dawk li jilqgħu lill-fqar u lill-emarġinati. Meta nieħdu ħsieb tal-fqar u ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn, inkunu qegħdin inwasslu l-imħabba ta’ Alla. Madre Tereża ta’ Kalkutta, għexet ħajja umli ħafna u kienet tgħin lill-fqar. Tistgħu taqraw dwar il-ħajja ta’ din il-qaddisa,  biex taraw kif iddedikat ħajjitha lil Alla, b’għajnuna lill-fqar u lill-morda fl-Indja. Il-festa tagħha hija ċċelebrata fil-5 ta’ Settembru.

Tista’ tara wkoll video dwar Santa Tereża ta’ Kalkutta.

Isma’ s-song; We are the world .

Inroddu s-salib.

O Alla, li tħobbna u tieħu ħsiebna lkoll, aħna kollha speċjali f’għajnejk. Għinna biex inkunu umli, biex ma nitkabbrux u niftaħru b’dak li għandna. Għinna biex naħdmu flimkien, biex id-dinja tkun post aħjar għal kulħadd. Għinna naqsmu dak li għandna mal-fqar u ma’ dawk fil-bżonn. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.