Jitwieled Ġesù bambin. |
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa 2, 6-7
Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles, u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Bl-għajnuna tal-puppets, it-tfal jirrakuntaw il-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù. Ħafna familji jiltaqgħu għand xulxin għall-ikla ta’ nofs in-nhar. Jekk l-ikla ser tkun għandkom, it-tfal jistgħu jirrakuntaw l-istorja, qabel jew wara l-ikel.
Ġesù twieled fl-għar ta’ Betlehem ħafna u ħafna snin ilu. Imma hu jixtieq li jitwieled għandna wkoll. Kif nistgħu nħallu lil Ġesù jitwieled għandna? Ġesù jrid li nħobbu lil xulxin, Ġesù ma jkunx fejn hemm il-ġlied, jew fejn hemm il-gideb. Għalhekk biex inħallu lil Ġesù jitwieled ġewwa fina, irridu naraw li nħobbu lil xulxin, li ngħidu l-verità, li ngħinu lil xulxin, li nkunu ħbieb.
L-aqwa mod li tistgħu tiċċelebraw il-Milied, huwa li tmorru flimkien għall-quddiesa, jew ta’ nofs il-lejl (lejliet il-Milied), jew fil-ġurnata tal-Milied. Il-quddiesa hija l-akbar talba li nistgħu ngħidu.
Matul din il-ġimgħa użaw il-Christingle fit-talb tagħkom.
Ixgħelu x-xemgħa u matul il-ġranet differenti, oħolqu talb madwar is-sinifikat tagħha. Pereżempju:
Ix-xemgħa
Staqsu: Għalfejn Ġesù huwa dawl għalina? Nistgħu aħna nkunu ta’ dawl għal ħaddieħor? (ġenituri huma dawl għal uliedhom meta jgħallmuhom dak li hu tajjeb, it-tfal huma dawl għall-oħrajn meta jkunu ta’ eżempju tajjeb)
Iż-żigarella l-ħamra
Staqsu: Kif nafu li Ġesù jħobbna? (Ġesù sar bniedem bħalna, għallimna kif inkunu nies bravi u tajba, miet fuq is-salib għax iħobbna u biex meta xi darba mmutu, inkunu nistgħu mmorru ħdejh fil-ġenna) Aħna kif nistgħu nħobbu lill-oħrajn? Kif nistgħu nħobbu lil Ġesù? (meta nagħmlu dak li hu tajjeb, inkunu qegħdin inħobbu lil Ġesù)
Il-larinġa
Tafu ssemmu xi pajjiżi oħra tad-dinja, minbarra Malta? Hemm xi pajjiż li tixtieq tmur fih? Għalfejn?
Il-frott/staġuni
Liema hu l-aktar staġun li tħobb? Għalfejn? U l-aktar li jdejqek? Għalfejn?
Liema hu l-aktar frott li tħobb? Għalfejn? U ħelu? Ikel li l-aktar tħobb?
L-għan ta’ bekids.mt hu li joffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal u għall-adolexxenti li qegħdin jippreparaw biex jirċievu s-sagramenti.